Language of document : ECLI:EU:F:2012:184

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑43/10

Maria Concetta Cerafogli

vs

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Ilment dwar fastidju psikoloġiku — Investigazzjoni amministrattiva — Aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni — Rapport tal-investigazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni ”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE, li permezz tiegħu M. Cerafogli titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas-17 ta’ Novembru 2009 li tagħlaq l-investigazzjoni amministrattiva interna miftuħa wara ilment tagħha għal diskriminazzjoni (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-BĊE.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Suġġett — Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni — Deċiżjoni — Inammissibbiltà

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 42)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors speċjali — Rekwiżiti proċedurali — Natura suffiċjentement preċiż — Espożizzjoni ta’ ċerti lmenti fl-annessi kkomunikati wara l-iskadenza tat-terminu — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2), Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 41; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.1.6)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors speċjali — Konkordanza bejn ir-rikors speċjali u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Bidla fil-kawża tat-tilwima — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1), Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 41)

4.      Proċedura ġudizzjarja — Awtorità ta’ res judicata — Portata — Inammissibbiltà tat-tieni rikors — Kundizzjonijiet — Identiċità tas-suġġett — Kontestazzjoni ta’ att sostanzjalment identiku għal dak ikkontestat fl-ewwel rikors, iżda li jkun ibbażat fuq motivi oħra ta’ fatt u ta’ dritt — Assenza tal-awtorità ta’ res judicata

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Drittijiet u obbligi — Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku — Drittijiet tal-lanjant għal smigħ u għal aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 20)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ — Konstatazzjoni ex officio

7.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Deċiżjoni adottata f’kuntest magħruf mid-destinatarju — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest legali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

8.      Bank Ċentrali Ewropew — Bord Eżekuttiv — Laqgħat — Terminu sabiex jintbagħtu lill-membri dokumenti dwar l-aġenda — Nuqqas ta’ osservanza — Irregolarità li ma tistax twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv — Oneru tal-prova

(Regolament intern tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 3(1))

9.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett — Oneru tal-prova

10.    Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Kollega li għandu opinjoni negattiva dwar uffiċjal u li jinforma lill-ġerarkija dwar l-ilmenti rigward il-kwalità tal-prestazzjonijiet tiegħu u l-aġir tiegħu — Esklużjoni — Rekwiżit ta’ natura oġġettiva tas-sentiment tal-allegata vittma

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

11.    Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Drittijiet dovuti lill-avukat ta’ uffiċjal għas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86 u 91)

1.      Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 42 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, tagħti ordnijiet lill-amministrazzjoni jew tagħmel dikjarazzjonijiet legali astratti.

(ara l-punt 43)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2010, Saracco vs BĊE, F‑66/09, punt 39

2.      Il-proċedura prekontenzjuża organizzata mill-Artikolu 41 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Artikolu 8.1.6 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank hija ta’ natura informali, bħal fil-każ tal-proċedura ta’ lmenti mwaqqfa mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konsegwentement, ir-rikors speċjali tal-Artikolu 41 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, ikkompletat permezz tal-Artikolu 8.1.6 tar-Regoli applikabbli għall-persunal, ma għandux għalfejn josserva forom speċifiċi sabiex ikun ammissibbli u l-Bank għandu l-obbligu li jeżaminah b’approċċ miftuħ. Sabiex ikun ammissibbli, huwa biżżejjed li dan ir-rikors ikun suffiċjentement preċiż sabiex il-Bank ikun jaf il-motivi u l-argumenti li l-persuna kkonċernata tifformula kontra d-deċiżjoni kkontestata.

F’ċirkustanzi bħal dawn, il-komunikazzjoni tardiva ta’ anness ma tistax a priori tiġi kkunsidrata bħala ksur tal-prinċipju li jgħid li t-termini huma ta’ ordni pubbliku fil-każ li r-rikors speċjali stess ġie ppreżentat fit-terminu previst.

Madankollu, fil-kuntest partikolari fejn annessi kkomunikati wara li jiskadi t-terminu preskritt ma jkunux purament ta’ natura probatorja iżda jesponu għall-kuntrarju fid-dettall l-ilmenti tal-membru tal-persunal, u fejn għandhom jitqiesu bħala li jagħmlu parti integrali mir-rikors speċjali tiegħu, il-komunikazzjoni tardiva ta’ dawn l-annessi tikser it-terminu previst sabiex jiġi ppreżentat rikors speċjali.

Iktar minn hekk, minkejja l-fatt li l-proċedura prekontenzjuża hija ta’ natura informali, din il-proċedura hija pass intiż sabiex jintlaħaq ftehim bonarju li huwa inkompatibbli mal-fatt li l-membru tal-persunal jġiegħel lill-amministrazzjoni tfittex, fit-test tar-rikors speċjali tiegħu u f’annessi voluminużi, il-punti mifruxa tad-diversi argumenti tiegħu, u dan minkejja li kellu terminu raġonevoli ta’ xahrejn sabiex jippreżenta dan ir-rikors.

(ara l-punti 50 sa 52 u 54 sa 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, punt 28; 7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, punt 48; 13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, punt 65

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F‑45/07, punti 111 u 113

3.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors speċjali u r-rikors għandha tinftiehem fis-sens li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u għall-motivi ta’ ordni pubbliku, ikun hemm normalment bidla fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regola biss jekk ir-rikorrent, li fir-rikors speċjali tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem motivi fuq il-mertu fir-rikors tiegħu jew, fil-każ oppost, jekk ir-rikorrent, wara li fir-rikors speċjali tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors li jkun fih motivi relatati mal-validità formali ta’ dan l-att, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Mandt vs Il-Parlament, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 110, 119 u 120; 29 ta’ Settembru 2011, da Silva Tenreiro s Il-Kummissjoni, F‑72/10, punt 59, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑643/11 P

4.      Sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar.

F’dan ir-rigward, rikors huwa kkunsidrat inammissibbli minħabba awtorità ta’ res judicata li tirrigwarda sentenza preċedenti li ddeċidiet dwar rikors bejn l-istess partijiet, dwar l-istess suġġett u li kien ibbażat fuq l-istess kawża. L-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali li jippermetti li jiġi kkaratterizzat is-suġġett ta’ rikors, iżda, fil-każ li saru bosta rikorsi kontra deċiżjonijiet differenti li l-amministrazzjoni adottat formalment, ma jistax jiġi konkluż, minn din iċ-ċirkustanza biss, li hemm assenza ta’ identiċità tas-suġġett bejn l-imsemmija rikorsi, meta dawn id-deċiżjonijiet differenti jkollhom kontenut sostanzjalment identiku u jkunu bbażati fuq l-istess motivi.

Fl-aħħar nett, anki jekk l-ilmenti mqajma insostenn ta’ rikors jikkoinċidu f’parti ma’ dawk invokati fil-kuntest ta’ istanza preċedenti, it-tieni rikors ma huwiex repetizzjoni tal-ewwel wieħed, iżda kawża ġdida peress li huwa bbażat ukoll fuq motivi oħra ta’ fatt u ta’ dritt.

(ara l-punti 68 u 69)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, punt 9; 30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, punt 38

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ġunju 1996, NMB Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, punt 37; 12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, punt 52

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, punti 197, 207 u 208

5.      Peress li proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa wara talba għal assistenza ta’ uffiċjal flimkien ma’ lment għal fastidju psikoloġiku ma tistax titqies bħala proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa kontra l-imsemmi uffiċjal, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka l-obbligu, għall-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, obbligu li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplika f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna. Issa, il-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi, mill-perspettiva proċedurali, att li jista’ jikkawża preġudizzju ma jippermettix li jiġi konkluż awtomatikament, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċedura miftuħa, li l-awtorità għandha l-obbligu li tagħti smigħ xieraq lill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji sottostanti l-leġiżlazzjoni, il-prassi amministrattiva u l-ġurisprudenza tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetizzjoni, tal-għajnuna mill-Istat u tal-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi, jirriżulta li ġiet stabbilita gradwatorja bejn it-terzi kkonċernati, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dritt għal smigħ tagħhom, skont l-intensità tal-ħsara li tista’ tolqot lill-interessi tagħhom. Madankollu, fl-assenza ta’ kull dispożizzjoni u ta’ kull kuntest li jeħtieġ applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-parti kkonċernata minn proċedura amministrattiva għandha tkun tista’, matul din il-proċedura, tieħu pożizzjoni u tikkomunika b’mod effettiv l-opinjoni tagħha dwar id-data li tikkonċernaha, data li hija tkun fl-aħjar pożizzjoni li tipprovdi u li fir-rigward tagħha ma huwiex stabbilit li l-awtorità jista’ jkollha fil-pussess tagħha b’xi mod ieħor.

Fir-rigward ta’ investigazzjoni amministrattiva interna dwar allegat fastidju psikoloġiku miftuħa wara lment ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, anki jekk l-investigazzjoni ma nfetħietx fir-rigward tal-lanjant, dan tal-aħħar jista’ jinvoka, skont il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, id-dritt li jinstema’ fuq il-fatti li jikkonċernawh, sa fejn miżura jew deċiżjoni li tiċħad tali lment jista’ jkollha konsegwenzi gravi, billi l-fatti dwar il-fastidju psikoloġiku jista’ jkollhom effetti estremament devastanti fuq l-istat ta’ saħħa tal-vittma u peress li r-rikonoxximent eventwali mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, ikollu effett tajjeb fuq il-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-vittma. Madankollu, id-dritt proċedurali li jista’ jinvoka lanjant u li huwa distint mid-drittijiet tad-difiża ma huwiex daqstant wiesa’ daqs dawn tal-aħħar. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jingħata l-possibbiltà suffiċjenti sabiex jesponi b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu u jispjega, jekk ikun il-każ, ir-raġuni għalfejn il-konklużjoni prevista fl-abbozz tar-rapport tal-investigazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata. Iktar minn hekk, id-dritt proċedurali li jappartjeni għal-lanjant ma huwiex assolut. Fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar fatti relatati mal-fastidju psikoloġiku, sakemm ir-rapport tal-investigazzjoni jkun issostanzjat b’dettalji u sakemm l-ebda element fil-fajl ma jippermetti li jiġi ddubitat li dan ir-rapport ma huwiex qiegħed jirriproduċi s-sostanza tax-xhieda miġbura, ma huwiex irraġonevoli, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li jkun irid jipproteġi lix-xhieda billi jiggarantilhom l-anonimat u l-kunfidenzjalità ta’ kull data li tista’ tidentifikahom, sabiex, fl-interess tal-istess lanjanti, l-investigazzjonijiet ikunu newtrali u oġġettivi u jibbenefikaw minn kollaborazzjoni mingħajr riżervi min-naħa tal-membri tal-persunal. Lanqas ma jidher li huwa irraġonevoli li jkun jrid jipprevjeni b’dan il-mod kwalunkwe riskju ta’ influwenza a posteriori tax-xhieda mill-persuni implikati, anki mingħand il-lanjanti stess. Barra minn hekk, lanqas ma huwa irraġonevoli li jitqies li l-kunfidenzjalità tax-xhieda hija neċessarja għaż-żamma tar-relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol sabiex jiġi żgurat funzjonament kif suppost tas-servizzi. Fil-fatt, ma huwiex stabbilit li, meta l-investigazzjoni ma tikkorraborax l-opinjoni tagħhom, trasparenza totali fil-kwistjoni tkun tista’ ttemm il-perċezzjoni ta’ frustrazzjoni u ta’ nuqqas ta’ fiduċja tal-persuni li huma konvinti li kienu s-suġġett ta’ fastidju psikoloġiku.

Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jagħmel legali r-restrizzjonijiet li jinkludu d-dritt proċedurali li jappartjeni lil-lanjant. Fil-fatt, ma tistax tintesa’ l-kwistjoni li x-xhieda miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar fastidju psikoloġiku ma tirrigwardawx biss l-awtur tal-ilment, iżda wkoll il-membri tal-persunal inkwistjoni u dawk li nstemgħu fil-kuntest tal-investigazzjonijiet. F’dan il-każ, li jinvolvi d-drittijiet ta’ persuni oħra minbarra tal-awtur tal-ilment, teżisti differenza notevoli mill-każ fejn ir-rikorrenti jitolbu aċċess għal fatti li jikkonċernawhom b’mod esklużiv.

(ara l-punti 85, 86, 91 sa 93, 95, 97 u 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, punti 23 sa 25; 29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, punt 57; 9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, punt 37; 29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, punt 91

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, punti 108 u 113; 7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse vs Il-Kummissjoni, T‑213/01 u T‑214/01, punt 106; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, punt 76

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑80/08, punt 48; 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, punti 46 u 48

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 75

6.      Billi motiv ibbażat fuq id-dritt għal smigħ jista’ jitqajjem ex officio, rikorrent għandu d-dritt jinvoka dan il-prinċipju fl-istadju tal-proċedura bil-miktub.

(ara l-punt 89)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il-Kummissjoni, F‑51/07, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Konsegwentement, motivazzjoni b’riferiment għal rapport jew għal avviż li min-naħa tagħhom ikunu mmotivati u kkomunikati tista’ tiġi ammessa.

Iktar minn hekk, il-motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kuntest li fih ittieħed l-att ikkontestat u, b’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli legali kollha li jittrattaw is-suġġett ikkonċernat. Għalhekk, billi l-kuntest legali jista’, f’kawża ta’ fastidju psikoloġiku, jipprekludi li l-lanjant ikollu aċċess għax-xhieda kollha miġbura matul l-investigazzjoni, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn din tirreferi biss għar-rapport tal-investigazzjoni, li min-naħa tiegħu ma jinkludix din ix-xhieda.

(ara l-punti 108, 111 u 112)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑65/09, punt 61

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Marcuccio, T‑20/09 P, punti 67 u 68

8.      Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament intern tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew jirriżulta li d-dokumenti li jirrigwardaw l-aġenda għandhom jintbagħtu, bħala regola ġenerali, lill-Bord Eżekuttiv minn tal-inqas jumejn qabel il-laqgħa ta’ dan il-korp. Minn dan isegwi li dan it-terminu huwa biss dak li fih l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu indirizzati lill-membri tal-Bord Eżekuttiv u mhux dak li matulu dawn għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tagħhom.

Fi kwalunkwe każ, sabiex ksur tar-regoli previsti mir-Regolament intern tal-Bord Eżekuttiv ikun jista’ jikkostitwixxi irregolarità sostanzjali li tista’ tivvizzja l-validità ta’ deċiżjoni tiegħu, hija l-persuna kkonċernata li għandha turi li din id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti fl-assenza ta’ dan il-ksur. Issa, din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta fil-każ fejn il-persuna kkonċernata sempliċement tassumi li, peress li l-membri tal-Bord Eżekuttiv irċevew id-dokument fl-istess ġurnata tal-laqgħa tagħhom, dawn ma kinux f’pożizzjoni li jiksbu għarfien effettiv tiegħu qabel jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu minn dan id-dokument.

(ara l-punti 116 u 117)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il-Kummissjoni, T‑212/97, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑36/07, punt 57; 13 ta’ Settembru 2011, Behnke vs Il-Kummissjoni, F‑68/10, punt 42

9.      Żball jista’ jiġi kklassifikat bħala manifest biss meta dan ikun jista’ jiġi faċilment identifikat fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li għandhom jitressqu mir-rikorrent, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu lill-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni mill-plawżibbiltà tagħhom. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tkun tista’ tibqa’ tiġi ammessa bħala veraċi jew valida. Dan ikun partikolarment il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun ivvizzjata minn żbalji, anki li kieku jittieħdu kollha flimkien, ikunu biss ta’ natura minuri li ma setgħetx influwenzat lill-amministrazzjoni.

(ara l-punt 131)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F‑80/10, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Marzu 2012, BD vs Il-Kummissjoni, F‑36/11, punt 83

10.    L-opinjoni negattiva ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal dwar kollega u l-fatt li dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal li jinforma lill-ġerarkija b’ilmenti relatati mal-ħin tax-xogħol iddedikat mill-imsemmi kollega lid-dipartiment, mad-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ xogħlu u mad-diffikultà li dan jikkoopera ma jikkostitwixxux fihom infushom fastidju psikoloġiku.

Barra minn hekk, minn qari tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi konkluż li, għalkemm is-sentiment tal-persuna li allegatament hija l-vittma tal-fastidju huwa element importanti, dan is-sentiment għandu mandankollu jkun ta’ natura oġġettiva. Barra minn hekk, l-imsemmija persuna ma tistax tinvoka l-istat ta’ saħħa psikoloġika u fiżika prekarju tagħha sabiex tistabbilixxi ksur tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kummenti negattivi ta’ superjuri fil-ġerarkija dwar uffiċjal jew membru tal-persunal ma jistgħux jitqiesu bħala offensivi fir-rigward ta’ dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal fin-nuqqas ta’ elementi oħra.

(ara l-punti 167, 171 u 203)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F‑52/05, punt 135, li ma ġietx annullata fuq dan il-punt bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P; Skareb vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 65

11.    L-ispejjeż tal-avukat matul il-proċedura kontenzjuża jikkostitwixxu spejjeż li jistgħu jinġabru skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 86 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għandhom jiġu ttrattati f’dan il-kuntest. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat li saru matul il-proċedura prekontenzjuża, l-Artikolu 91 tal-istess regoli jsemmi biss, fost l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bl-esklużjoni ta’ dawk marbuta mal-fażi preċedenti. Għaldaqstant, jekk l-ispejjeż sostnuti matul il-proċedura prekontenzjuża jitqiesu bħala dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, dan ikun kontra n-natura li ma jistgħux jinġabru tal-ispejjeż li saru matul din il-fażi.

(ara l-punt 218)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni, T‑140/04, punt 79

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09, punt 100, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑34/12 P