Language of document : ECLI:EU:F:2012:174

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑110/11

Giorgio Lebedef et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Lebedef, T. Jones, J. Gonzales Gonzales u M. Lebedef-Caponi jitolbu l-annullament tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom għax-xahar ta’ Diċembru 2010 u għax-xhur ta’ wara.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u għandhom ibatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kunsill, li huwa parti intervenjenti, għandu jbatu l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett — Talba sabiex jiġi stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1); Anness XI, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5))

2.      Rikors tal-uffiċjali — Motivi — Motiv ibbażat fuq iż-żamma fis-seħħ, mil-leġiżlatur, ta’ att li tilef kull ġustifikazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1239/2010; Regolamenti tal-Persunal, Anness XI, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5))

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Iffissar — Setgħat tal-Kunsill — Marġni ta’ diskrezzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 64 u 65)

4.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Assenza ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-Belġju u għal-Lussemburgu — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XI, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5))

5.      Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Ġerarkija bejn ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Annessi — Assenza — Ġerarkija bejn ir-regoli statutorji — Portata

(Regolamenti tal-Persunal)

1.      Uffiċjal tal-Kummissjoni ma jistax iressaq, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal intiża, b’mod partikolari, sabiex din tal-aħħar tagħmel mezz li jitwettaq studju fuq distorsjoni possibbli bejn il-kapaċitajiet ta’ akkwist fi Brussell u fil-Lussemburgu, u saħansitra toħroġ proposta intiża sabiex jiġi adottat koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 90(1) jippermetti lill-uffiċjali sempliċement li jitolbu lill-amministrazzjoni, li taġixxi fil-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra, tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħhom. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ inizjattiva f’dawn l-oqsma, din għandha tali setgħa biss bħala istituzzjoni li tipparteċipa fil-proċedura leġiżlattiva fi ħdan l-Unjoni u mhux fil-kwalità tagħha ta’ persuna li timpjega.

Barra minn hekk, il-possibbiltà li r-rendikont ta’ remunerazzjoni jiżvela astensjoni, mill-istituzzjoni, li tagħmel mezz li jitwettaq studju jew tagħmel proposta li tistabbilixxi koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal-Lussemburgu fi kwalunkwe każ ma tistax tkun prevista fil-każ ta’ uffiċjal assenjat fil-Lussemburgu iżda li jaqa’ taħt istituzzjoni li ma hijiex il-Kummissjoni. Issa, ikun kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li uffiċjali li fir-rigward tagħhom jiġi applikat l-istess koeffiċjent ta’ korrezzjoni minħabba l-fatt li huma jinsabu fl-istess post ta’ assenjazzjoni jistgħu jkollhom jew le dritt għal rikors skont jekk il-persuna li timpjegahom tipparteċipax jew le fil-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolamenti statutorji.

(ara l-punti 28 sa 30)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, F-29/09, punt 40

2.      Kwalunkwe awtorità regolatorja hija, minn naħa, marbuta tivverifika, jekk mhux b’mod permanenti tal-inqas perjodikament, li r-regoli li hija stabbilixxiet għadhom jissodisfaw il-bżonnijiet li għalihom dawn ġew maħluqa u, min-naħa l-oħra, temenda jew saħansitra tħassar ir-regoli li tilfu kull ġustifikazzjoni u waslu sabiex ma jkunux għadhom xierqa għall-kuntest il-ġdid li fih dawn għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom. Tali verifika għandha ssir, b’mod partikolari, matul l-aġġornament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

Għaldaqstant, uffiċjal jista’ jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma huwa applikabbli għall-Belġju u għal-Lussemburgu, u dan billi jsostni li, minħabba l-bidla ta’ ċirkustanzi ekonomiċi sa mill-adozzjoni tagħhom fl-2004, il-leġiżlatur kellu jikkunsidra mill-ġdid jew iħassar din id-dispożizzjoni qabel jadotta r-Regolament Nru 1239/2010, li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2010, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali, iktar milli jkompli b’mod awtomatiku l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma’ din l-adozzjoni.

(ara l-punti 39 sa 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf, C‑248/95 u C-249/95, punt 38; 22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C‑241/01, punt 51

3.      L-għan tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, previsti bl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti għall-uffiċjali kollha, ikun x’ikun il-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Huwa l-Kunsill, skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta dan jikkonstata varjazzjoni kunsiderevoli fl-għoli tal-ħajja, li minnu għandu jislet il-konsegwenzi billi jaġġusta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni. Fir-rigward ta’ varjazzjoni kunsiderevoli fl-għoli tal-ħajja li sseħħ bejn post ta’ assenjazzjoni, minbarra l-kapitali tal-Istat Membru kkunsidrat, u din, il-Kunsill ma għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-neċessità li jiġi introdott koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għall-post ta’ assenzjazzjoni. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa intiż li jiggarantixxi l-istabbiliment tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, japplika anki għal-leġiżlatur.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hija biss żieda kunsiderevoli fl-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, meta mqabbel ma’ Brussell, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament sabiex tiġi ggarantita l-ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist bejn l-uffiċjali assenjati fil-Lussemburgu u l-kollegi tagħhom li jaħdmu fi Brussell. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jimponi identiċità perfetta tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali, ikun x’ikun il-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, iżda korrispondenza sostanzjali tal-għoli tal-ħajja bejn il-postijiet ta’ assenzjazzjoni kkunsidrati. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur għandu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-qasam, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna, u l-intervent tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun biss li teżamina jekk l-istituzzjonijiet baqgħux fil-limiti raġonevoli fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li ispirawhom, u għamlux użu mis-setgħa tagħhom b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 55, 56 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑301/90, punt 25

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il-Kummissjoni, T-544/93 u T-566/93, punt 76

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 67

4.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjali assenjati fil-Lussemburgu, u li jinvoka allegat trattament diskriminatorju kontrihom minħabba l-assenza ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal dan l-Istat Membru, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija uffiċjali ma jistgħux jintalbu juru quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ żieda sinjifikattiva u sostnuta fl-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, meta mqabbel ma’ Brussell, b’mod li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali, skont il-post ta’ assenjazzjoni tagħhom. Fil-fatt, huma jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tal-provi, minħabba d-diffikultajiet tekniċi marbuta mal-qari u t-tfassil ta’ data statistika suffiċjentement affidabbli.

F’dan ir-rigward, huma għandhom biss jipprovdu sensiela ta’ indizji suffiċjentement sinjifikattiva li tiżvela distorsjoni tal-kapaċità ta’ akkwist, b’mod li l-oneru tal-prova jiċċaqlaq għal fuq il-Kummissjoni u b’mod li jiġġustifika, jekk ikun il-każ, il-bidu ta’ investigazzjonijiet amministrattivi mill-Eurostat.

(ara l-punti 57 u 59)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 66

5.      Minkejja li ma teżistix ġerarkija formali bejn ir-regoli bażiċi tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Annessi tagħhom, peress li ż-żewġ kategoriji ta’ regoli huma adottati mill-Kunsill, bejniethom tista’ teżisti, skont il-każ, ġerarkija sostantiva, fejn li l-annessi jkollhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fundamenti u tas-sistema tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, kif inhuma stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal stess.

(ara l-punt 69)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83