Language of document : ECLI:EU:F:2013:83

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑89/11

Charles Dieter Goetz

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Investigazzjoni tal-OLAF — Investigazzjoni amministrattiva — Proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord tad-Dixxiplina — Obbligu fuq l-amministrazzjoni li taġixxi b’diliġenza — Tul ta’ proċedura dixxiplinari — Responsabbiltà għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari li ntemmet mingħajr ma ġiet imposta sanzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. D. Goetz jitlob, essenzjalment, li l-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jiġi kkundannat jikkumpensa, l-ewwel nett, id-dannu morali li allegatament ġarrab minħabba t-tul eċċessiv tal-istat ta’ inċertezza li fih kien jinsab minn meta saru akkużi kontrih, it-tieni nett, id-dannu morali li huwa ġarrab minħabba żbalji u negliġenzi mwettqa mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi u dixxiplinari li jikkonċernawh, it-tielet nett, id-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba li kien suġġett għal irtirar antiċipat.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. D. Goetz għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Tul u bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

2.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata

(Artikoli 268 TFUE, 270 TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Talbiet għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat mit-tul eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Termini — Obbligu tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-amministrazzjoni li jaġixxu b’diliġenza — Evalwazzjoni — Nuqqas ta’ osservazzjoni — Ċirkustanzi partikolari — Oneru tal-prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

5.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Termini — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

6.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari — Termini stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal — Termini mhux perentorji

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

7.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari u kriminali mibdija fl-istess ħin fir-rigward tal-istess fatti — Sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari — Ġustifikazzjoni — Talba tal-uffiċjal ikkonċernat għall-istennija ta’ deċiżjoni fil-konfront tiegħu tal-awtoritajiet ġudizzjarji — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 25)

8.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3; Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/352)

9.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Rapport ta’ awditu intern — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

10.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Bidu tal-investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wara proċedura dixxiplinari mill-Awtorità tal-Ħatra — Setgħa diskrezzjonali — Portata — Neċessità tal-eżistenza ta’ indizji serji — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

1.      Meta kap ta’ dannu huwa strettament kumpensatorju fis-sens li huwa intiż li jikkumpensa dannu allegatament dovut għal żball jew ommissjoni li, fl-assenza ta’ kull effett legali, ma jistax jiġi kklassifikat bħala att li jikkawża preġudizzju, it-talbiet ikunu biss ammissibbli jekk ir-rikorrent ikun ressaqhom minn qabel f’talba għal danni ppreżentata quddiem l-amministrazzjoni f’terminu raġonevoli, li għandu jitqies dekorribbli mit-twettiq effettiv tad-dannu allegat, u sussegwentement f’ilment intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal kumpens fit-termini previsti fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, għalkemm terminu raġonevoli għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u, b’mod partikolari, tal-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u tal-imġiba tal-partijiet preżenti, jista’ jsir paragun mat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali fl-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja li tali perijodu ma huwiex applikabbli għall-kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha.

(ara l-punti 95 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, punt 33; 17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianva et, C‑51/05 P, punt 63

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, punt 69

2.      Ir-rikorsi intiżi għall-kumpens ta’ dannu kkawżat minn istituzzjoni lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, ippreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jissodisfaw regoli partikolari u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, għad-differenza ta’ kwalunkwe individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa affiljat magħha permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg li tinkludi bilanċ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Isegwi li, meta taġixxi bħala organizzazzjoni li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar, li timmanifesta ruħha bl-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat lil persunal tagħha bi kwalunkwe illegalità mwettqa fil-kwalità tagħha ta’ organizzazzjoni li timpjega mingħajr ma jkun neċessarju, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku Ewropew, li tintwera l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju jew ta’ żball manifest u serju mill-istituzzjoni tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

(ara l-punt 98)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; 12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, punti 103 u 104

3.      Il-fatt li d-dannu morali, li huwa invokat minn uffiċjal minħabba t-tul eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari, ma kienx seħħ kompletament fid-data li fiha dan tal-aħħar ippreżenta t-talba għad-danni tiegħu, ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet kumpensatorji dwar it-tul eċċessiv ta’ proċedura. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ tipproroga indefinittivament l-għeluq ta’ proċedura sabiex tipprekludi r-responsabbiltà tagħha għat-tul eċċessiv tal-imsemmija proċedura.

(ara l-punt 122)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03

4.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu taġixxi b’diliġenza meta tittratta sitwazzjoni ta’ individwu. Dan l-obbligu jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-Unjoni u li huwa riprodott bħala element tad-dritt tal-amministrazzjoni tajba fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha timplika r-responsabbiltà tal-Unjoni. Fejn ikun jidher li l-amministrazzjoni naqset minn diliġenza, hija din tal-aħħar li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jistgħu jiġġustifikaw l-aġir tagħha.

F’dan ir-rigward, fil-qasam dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każ, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), għandhom l-obbligu jaġixxu b’diliġenza, mill-mument li minnu jkollhom għarfien tal-fatti u tal-aġir li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi imposti fuq uffiċjal mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi evalwat jekk jeħtieġx jingħata bidu għal investigazzjoni kif ukoll, skont il-każ, li titmexxa tali investigazzjoni u, fir-rigward tal-imsemmija awtorità, li titmexxa l-proċedura dixxiplinari. B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari, din l-awtorità għandha tiżgura li kull att jiġi adottat fi żmien raġonevoli meta mqabbel ma’ dak preċedenti.

Sabiex jiġi evalwat jekk in-nuqqas ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni rrendiex diffiċli għall-uffiċjal ikkonċernat li jeżerċita d-drittijiet ta’ difiża tiegħu, li għalhekk jiġġustifika, bħall-preskrizzjoni, l-annullament tas-sanzjoni imposta fi tmiem il-proċedura, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu li jissepara d-data li fiha l-fatti inkwistjoni twettqu minn dik li fiha l-Awtorità tal-Ħatra jew l-OLAF kellu għarfien tagħhom. A contrario, dan it-terminu ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, billi żammewha f’sitwazzjoni ta’ ansjetà marbuta mal-fatt li ġiet issuspettata bin-nuqqas tal-obbligi tagħha imposti mir-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija awtorità u l-OLAF ikkawżaw lil tali persuna, dannu li jista’ jiġi kkumpensat peress li, f’dan il-każ, sakemm din l-awtorità jew l-OLAF ma kellhomx għarfien ta’ ebda fatt li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-uffiċjal ikkonċernat, ma jistax jiġi allegat li tali awtorità jew l-OLAF żammew lill-imsemmija uffiċjal għal żmien eċċessivament twil fi stat ta’ inċertezza minħabba nuqqas ta’ diliġenza.

(ara l-punti 123 u 125 sa 127)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Angeletti vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 162

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 395; 8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10, punti 124 sa 126

5.      Fil-każ li l-Awtorità tal-Ħatra tagħżel li, minbarra l-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), twettaq ukoll investigazzjoni amministrattiva interna, dan iwassal neċessarjament għal estensjoni tat-tul tal-perijodu dixxiplinari, iżda madankollu, ma jistax jitqies, bħala prinċipju, li t-twettiq tal-imsemmija investigazzjoni amministrattiva interna jrendi eċċessiv it-tul ta’ dan il-perijodu. Fil-fatt, meta l-fatti inkwistjoni jkunu partikolarment kumplessi jew meta l-amministrazzjoni ma jkollhiex il-perizja suffiċjenti sabiex tevalwa jekk ċerti prattiki, b’mod partikolari fil-qasam finanzjarju, jikkostitwixxux irregolaritajiet, jista’ jkun neċessarju għall-Awtorità tal-Ħatra li tirrikorri għal servizzi ta’ terzi sabiex tikkjarifika l-effett tal-azzjonijiet identifikati mill-OLAF fir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 135 u 136)

6.      L-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxi ebda terminu li fih, ladarba l-Awtorità tal-Ħatra tkun adottat id-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord tad-Dixxiplina, din għandha tittrażmetti r-rapport lill-Bord tad-Dixxiplina. Fi kwalunkwe każ, it-termini stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex perentorji u t-termini itwal minn dawk previsti fl-imsemmi anness jistgħu jkunu neċessarji sabiex issir evalwazzjoni suffiċjentement kompleta tal-fatti u li tagħti l-garanziji kollha intiżi mir-Regolamenti tal-Persunal lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 141)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Daffix vs Il‑Kummissjoni, T‑12/94, punti 130 u 131; 10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, punt 47

7.      Motiv li huwa relatat mar-rieda li tintlaqa’ talba tal-uffiċjal, li fir-rigward tiegħu hemm proċedura dixxiplinari u proċeduri legali nazzjonali, għall-istennija ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-konfront tiegħu, tista’ tipprovdi raġuni valida għas-sospensjoni tal-proċeduri dixxiplinari, u għalhekk għall-estensjoni tal-perijodu dixxiplinari.

Huwa minnu, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponix lill-Bord tad-Dixxiplina jissospendi x-xogħol tiegħu. Minn naħa, skont dan l-artikolu, proċeduri kriminali paralleli ma jipprekludux li proċedura dixxiplinari tissokta iżda biss li l-Awtorità tal-Ħatra tadotta d-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni hija biss marbuta tissospendi l-proċedura dixxiplinari jekk l-uffiċjal juri li nbdew proċeduri kriminali kontrih, kunċett li, minħabba li jimplika l-iżvolġiment tal-azzjoni pubblika tal-applikazzjoni tal-pieni, ma jistax jinkludi l-eżistenza ta’ investigazzjoni, ta’ informazzjoni jew ta’ struzzjoni, iżda jimplika li nbdew proċeduri kriminali.

Madankollu, il-fatt li l-Bord tad-Dixxiplina ma huwiex marbut jissospendi l-proċedura dixxiplinari ma jfissirx li ma huwiex iġġustifikat jissospendi tali proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, sabiex jiddetermina jekk tali sospensjoni hijiex xierqa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi għad-dispożizzjoni tal-awtorità jew tal-korp dixxiplinari meta ġiet adottata d-deċiżjoni.

A contrario, ma jidhirx li raġunijiet marbuta mal-kumplessità tal-fajl, man-numru ta’ xhieda miġbura u ma’ miżuri ta’ struzzjoni oħra previsti mill-Bord tad-Dixxiplina jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari u, sussegwentement, l-estensjoni tal-perijodu dixxiplinari iżda, l-iktar l-iktar, huma għandhom iwasslu lill-Bord tad-Dixxiplina jinvesti f’riżorsi ikbar fit-trattament tal-fajl tar-rikorrent. Bl-istess mod, fir-rigward tal-perijodu tas-sajf, dan ma jistax jiġġustifika s-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari.

(ara l-punti 147 u 150 sa 153)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Lulju 2012, BG vs Ombudsman, F‑54/11, punt 70

8.      Għalkemm l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, fi tmiem tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), hija l-Awtorità tal-Ħatra u mhux l-OLAF, li tiddeċiedi dwar il-bidu tal-proċedura dixxiplinari u, sussegwentement, dwar jekk huwiex xieraq li tiġi imposta sanzjoni, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-imsemmija awtorità tista’ ttemm investigazzjoni tal-OLAF, peress li dan ikun jikkonfuta l-prinċipju ta’ indipendenza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, kif ipprovdut fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/352, li tistabbilixxi l-OLAF.

(ara l-punt 159)

9.      Ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, rapport intern ta’ awditu ta’ istituzzjoni, li huwa intiż li janalizza l-funzjonament ta’ dipartiment u mhux l-aġir ta’ persuna u li għalhekk ma huwiex marbut mal-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li fir-rigward tiegħu, dan tal-aħħar għandu, sabiex ikun ammissibbli, iressaq ilment f’terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 170)

10.    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Awtorità tal-Ħatra għandhom reċiprokament setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu, fid-dawl tal-provi għad-dispożizzjoni tagħhom, jekk għandux jingħata bidu għall-fażi ta’ investigazzjoni, u sussegwentement, skont il-każ, bidu għall-proċeduri dixxiplinari previsti fis-sezzjonijiet 4 u 5 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma tistax tiġġustifika li, skont il-każ, l-OLAF jew l-imsemmija awtorità, jissoktaw bil-proċedura mingħajr lanqas ma jkollhom prima facie provi kontra l-persuni kkonċernati. Konsegwentement, sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, kemm l-OLAF kif ukoll l-Awtorità tal-Ħatra għandhom jiżguraw li, qabel ma jagħtu bidu għal investigazzjoni, ikunu jiddisponu minn indizji li jimplikaw li l-persuna kkonċernata kisret l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u, qabel ma jingħata bidu għall-proċedura dixxiplinari, minn provi suffiċjentement preċiżi u rilevanti sabiex jiġu sostnuti s-suspetti tagħhom. Barra minn hekk, l-OLAF u l-imsemmija awtorità għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza li jeżiġi li, matul il-proċedura dixxiplinari kollha, id-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu proporzjonati.

(ara l-punti 184 u 185)

Referenza:


Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 150 u 152

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Giraudy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99