Language of document : ECLI:EU:F:2013:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

26 ta’ Frar 2013

Kawża F‑74/11

Aleksandra Bojc Golob

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien indeterminat — Rexissjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Bojc Golob titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“AHCC”), tat-30 ta’ Settembru 2010, li ttemm il-kuntratt tagħha għal żmien indeterminat u, sa fejn ikun hemm bżonn, l-annullament tad-deċiżjoni tal-AHCC, tat-13 ta’ April 2011, li tiċħad l-ilment imressaq fl-20 ta’ Diċembru 2010 b’applikazzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikolu 296 TFUE)

2.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Inklużjoni — Kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat — Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 1)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Stabbiltà tal-impjieg — Skop nieqes minn natura vinkolanti — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Ammissibbiltà

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(c)(i))

1.      L-eżami tal-eżistenza u tal-portata tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni taqa’ taħt l-istħarriġ tal-forom proċedurali sostanzjali u, għaldaqstant, taħt il-legalità formali ta’ din id-deċiżjoni. Dan għandu jkun distint mill-eżami fil-mertu tar-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni, li, min-naħa tiegħu, jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu tiegħu.

(ara l-punt 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, C‑367/95 P, punt 67

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02, punt 67

2.      Il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu l-għan, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

Għalhekk, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas huma intiżi li japplikaw għall-kuntratti u r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u mal-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku u huma intiżi li jirregolaw l-użu suċċessiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema. Għall-kuntrarju, id-direttiva u l-ftehim qafas ma humiex rilevanti sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-persuni li bbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat.

(ara l-punti 38 sa 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, punti 54 u 63

3.      Minkejja li l-istabbiltà tal-impjieg hija pperċepita bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, hija ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. Konsegwentement, l-imsemmi prinċipju ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-istituzzjoni milli ttemm kuntratt għal żmien indeterminat skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, punt 64