Language of document : ECLI:EU:F:2013:2

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L‑Ewwel Awla)

15 ta’ Jannar 2013

Kawża F‑27/11

BO

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasport relatati ma’ kura medika — Spejjeż ta’ trasport għal raġunijiet lingwistiċi”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BO jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Lulju 2010, li jirrifjutaw it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasport u ta’ akkumpanjament tat-tifel tiegħu.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma annullati. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn BO.

Sommarju

Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Spejjeż ta’ trasport sostnuti għal raġunijiet lingwistiċi — Rimbors — Esklużjoni — Rimbors tal-ispejjeż ta’ trasport relatati ma’ kura medika li tirrikjedi l-użu ta’ lingwa mitkellma minnu — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

Skont il-punt 2.5 tal-Kapitolu 12 tat-Titolu II tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi, ċerti kategoriji ta’ spejjeż ta’ trasport huma esklużi mir-rimbors, b’mod partikolari l-ispejjeż sostnuti għal raġunijiet lingwistiċi. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi r-rimbors ta’ spejjeż ta’ trasport sostnuti sabiex tiġi segwita psikoterapija, jekk jiġi stabbilit, b’mod oġġettiv, li din it-terapija tirrikjedi l-użu ta’ lingwa li l-benefiċjarju għandu jifhem, li hija l-unika lingwa li biha huwa jista’ jesprimi ruħu u li l-psikoterapija f’din il-lingwa ma hijiex pprovduta fil-post ta’ assenjazzjoni tal-benefiċjarju.

(ara l-punti 29 u 30)