Language of document : ECLI:EU:F:2013:4

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ Jannar 2013

Kawża F‑24/11

Nicolas Katrakasas

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjonijiet interni COM/INT/OLAF/09/AD 8 u COM/INT/OLAF/09/AD 10 — Ġlieda kontra l-frodi — Eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ ammissjoni għall-eżami orali — Eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni — Kundizzjonijiet ta’ diplomi u ta’ esperjenza professjonali — Regola tal-anonimat — Ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal — Użu ħażin ta’ poter — Suġġett tal-eżami bil-miktub li jiffavorixxi kategorija ta’ kandidati — Aġir ta’ membru ta’ bord tal-għażla waqt l-eżami orali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu N. Katrakasas jitlob, essenzjalment l-annullament tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni interna COM/INT/OLAF/09/AD 8 tal-11 ta’ Mejju 2010, li tikkonferma, wara eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tiegħu tad‑9 ta’ Marzu 2010 li ma tinkludihx fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni biex jiġi kkontestat in-nuqqas ta’ inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Evalwazzjoni, mill-Bord tal-Għażla, tal-esperjenza professjonali tal-kandidati — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Implementazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u tal-kunsiderazzjoni tagħhom — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, ir-rikorrent jista’, fl-okkażjoni ta’ rikors ippreżentat kontra atti ulterjuri, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni, isostni l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta mill-qrib magħhom. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, bil-għan tal-koeżjoni tal-atti differenti li jifformaw il-proċedura ta’ reklutaġġ, jeżamina jekk att preparatorju, bħall-avviż ta’ kompetizzjoni, li huwa marbut mill-qrib mad-deċiżjoni kkontestata, huwiex eventwalment ivvizzjat b’illegalità.

Iktar preċiżament, meta l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni mhux ikkontestat fiż-żmien jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjoni individwali kkontestata, l-ammissibbiltà tar-rikors hija aċċettata. Fil-fatt, kandidat f’kompetizzjoni ma jistax jiġi miċħud mid-dritt li jikkontesta fl-elementi kollha tagħha, inklużi dawk li ġew iddefiniti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-fondatezza tad-deċiżjoni individwali adottata fir-rigward tiegħu biex jiġu implementati l-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-avviż, sa fejn din id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni biss tikkonċerna s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu u tippermettilu jsir jaf b’ċertezza kif u kemm l-interessi partikolari tiegħu huma affettwati.

Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni nnifisha tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni mhux ikkontestat fiż-żmien, dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont ir-regoli ta’ ordni pubbliku dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, li ma jippermettux eċċezzjoni, f’ipoteżi ta’ dan it-tip, mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 68, 70 u 71)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Marzu 1986, Adams et vs Il‑Kummissjoni, 294/84, punt 17

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑256/01, punt 16; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, punti 39, 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-bord tal-għażla għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ppreżentata minn kull kandidat tikkorrispondix mal-livell meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward il-bord tal-għażla għandu setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri ta’ kompetizzjoni, kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura u tat-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll tar-relazzjoni ftit jew wisq mill-qrib li dawn jistgħu jkollhom mar-rekwiżiti tal-impjieg vakanti. B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu ta’ legalità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex ivvizzjat bi żball manifest.

(ara l-punt 124)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il‑Kummissjoni, F‑57/11, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-bord tal-għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex imexxi ħidmietu. Madankollu, huwa jista’, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jipprovdix kriterji ta’ evalwazzjoni, jiffissa tali kriterji jew, meta l-avviż jipprovdi kriterji iżda mingħajr ma jindika r-rilevanza rispettiva tagħhom, jiddetermina din ir-rilevanza.

(ara l-punt 136)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Lulju 2010, Wybranowski vs Il‑Kummissjoni, F‑17/08, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-evalwazzjonijiet magħmula mill-bord tal-għażla meta jevalwa l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati huma ta’ natura komparattiva. Dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-bord tal-għażla jikkonstata li kandidat ma għaddiex minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ ġudizzju ta’ valur fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kandidat waqt l-eżami. Dawn jidħlu fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-bord tal-għażla u jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti biss fil-każ tal-ksur tar-regoli li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-bord tal-għażla. B’hekk, meta, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni li tiddikjara li r-rikorrent ma għaddiex mill-eżamijiet eliminatorji, ir-rikorrent ma jinvokax ksur tar-regoli li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-bord tal-għażla jew ma jipproduċix il-prova ta’ dan il-ksur, il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-bord tal-għażla ma taqax taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 148, 161 u 184)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Diċembru 1994, Michaël‑Chiou vs Il‑Kummissjoni, T‑46/93, punt 49; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata; 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punt 276, u l-ġurisprudenza ċċitata