Language of document : ECLI:EU:F:2013:21

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

26 ta’ Frar 2013

Kawża F‑124/10

Vassilliki Labiri

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Dmir ta’ assistenza — Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku — Investigazzjoni amministrattiva”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu V. Labiri jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2010 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li ma tittieħed ebda miżura kontra l-kap tal-unità u li tingħalaq mingħajr tkomplija l-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva li nbdiet b’mod konġunt mill-KESE u mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea wara l-ilment tiegħu ta’ fastidju psikoloġiku.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2010 hija annullata. Il-KESE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li tingħalaq mingħajr tkomplija proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva li nbdiet b’mod konġunt minn żewġ korpi distinti tal-Unjoni Ewropea wara ilment ta’ fastidju psikoloġiku — Deċiżjoni adottata mill-Awtorità tal-Ħatra li ma hijiex kompetenti fir-rigward tar-rikorrent — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Anness IX)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ta’ uffiċjal allegatament vittma ta’ fastidju psikoloġiku ppreżentat kontra r-rifjut ta’ talba għal għajnuna — Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit ta’ natura repetittiva ta’ aġir — Rekwiżit ta’ natura intenzjonali ta’ aġir — Portata — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni ta’ mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

1.      Huma biss il-miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-każ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva li nbdiet b’mod konġunt minn żewġ korpi distinti tal-Unjoni Ewropea wara ilment ta’ fastidju psikoloġiku, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni tal-persuna li allegatament tagħti fastidju, Awtorità tal-Ħatra li ma hijiex kompetenti fir-rigward tar-rikorrent f’dak li jikkonċerna persuntu u b’mod partikolari sitwazzjonijiet ta’ fastidju, li din il-proċedura tingħalaq mingħajr tkomplija tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar kwalunkwe azzjoni dixxiplinari hija dik tal-uffiċjal ikkonċernat, jiġifieri, dik imsemmija fir-rapport tal-investigazzjoni, u mhux dik tar-rikorrent.

Barra minn hekk, l-Awtoritajiet tal-Ħatra ta’ żewġ korpi distinti tal-Unjoni jistgħu jibdew u jwettqu b’mod konġunt investigazzjoni amministrattiva hekk kif prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-mument fejn dawn iż-żewġ Awtoritajiet tal-Ħatra ma jadottawx deċiżjoni finali komuni iżda kull waħda tadotta deċiżjoni separata u distinta, hija l-Awtorità tal-Ħatra li tkun innotifikat fl-ewwel lok lill-uffiċjal, l-allegat vittma ta’ fastidju psikoloġiku, l-att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, li huwa fis-servizz taż-żewġ korpi, għandu jressaq l-ilment tiegħu u jintroduċi, fejn xieraq, kontra l-korp ta’ din, rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 42 u 51 sa 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il-Qorti tal-Awdituri, 204/85, punt 6

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, Aimi et vs Il‑Kummissjoni, F‑47/06, punt 58; 29 ta’ Novembru 2007, Pimlott vs Europol, F‑52/06, punt 48

2.      Rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess jannulla l-att ikkontestat. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu.

Fir-rigward ta’ kwistjoni hekk serja daqs il-fastidju psikoloġiku, għandu jiġi ammess li uffiċjal jew membru tal-persunal li jallega li huwa vittma ta’ tali fastidju u li jikkontesta quddiem il-qrati r-rifjut tal-istituzzjoni li teżamina l-mertu ta’ talba għall-assistenza, eżami li huwa neċessarju sabiex tiddeċiedi li tibda investigazzjoni jew li tieħu miżura xierqa oħra, iżżomm, fil-prinċipju l-interess mitlub mill-ġurisprudenza bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Dan japplika wkoll fil-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax lill-uffiċjal li jkun ressaq l-ilment dwar fastidju.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AZKO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, punt 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata; 20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, punt 26; 28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, punt 44

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, van Heuckelom vs Europol, F‑43/09, punt 31; 8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, punt 25; 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, punt 31

3.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jsemmi l-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju bħala element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex isseħħ teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li “[jsiru] tul perjodu, [huma] ripetittiv[i] jew si[s]temati[ċi]” u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett “li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3), tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-atteġġamenti li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex għall-kuntrarju meħtieġ li dan l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-atteġġament tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-aġir tagħha, ladarba jitwettqu volontarjament, kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn. F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni bħala fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidrahom bħala eċċessivi u ta’ min jikkritikahom.

Għandu jingħad li interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ikollha bħala riżultat li tneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba d-diffikultà li tintwera l-mala fede tal-persuna li tagħti fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, għalkemm jeżistu każijiet fejn intenzjoni bħal din hija ċara mill-aġir tal-awtur tagħhom, għandu jingħad li każijiet bħal dawn huma rari u li, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, il-persuna li allegatament tagħti fastidju tibqa’ lura minn kull aġir li jista’ jwassal sabiex tiġi preżunta l-intenzjoni tagħha li tiskredita lill-vittma tagħha jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha.

(ara l-punti 65 sa 68)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punti 133 sa 136; Skareby vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65