Language of document : ECLI:EU:F:2013:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2013

Kawża F‑20/06 RENV

Patrizia De Luca

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Ħatra — Uffiċjal li jaċċedi għal grupp taʼ funzjonijiet ogħla permezz taʼ kompetizzjoni ġenerali — Kandidata inkluża fʼlista taʼ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad matul ir-reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad bʼapplikazzjoni tar-regoli l-ġodda — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rinviju tar-rikors F-20/06, inizjalment ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-14 ta’ Diċembru 2011, De Luca vs Il‑Kummissjoni (T‑563/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-rinviju”), li tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni (F‑20/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza De Luca”), li kienet iddeċidiet dwar ir-rikors, li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Frar 2006, li permezz tiegħu P. De Luca, kandidata li għaddiet minn kompetizzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-23 ta’ Frar 2005, li taħtarha amministrattriċi, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikklassifikaha fil-grad A*9, skala 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. P. De Luca u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fiż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati dawk tar-rikorrenti marbuta mal-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali — Karriera — Bidla fil-kategorija jew fis-servizz wara l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ġenerali — Klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad — Regoli applikabbli — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi f’listi ta’ kandidati xierqa qabel it-30 ta’ April 2006 — Applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 12(3))

Peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludux dispożizzjoni li tirregola l-klassifikazzjoni fi grad ta’ uffiċjal li jinħatar f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali li tippermettilu li jaċċedi għal pożizzjonijiet ta’ livell a priori ogħla għal dak li kien jokkupa, għandha tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid fi skala ta’ uffiċjal diġà impjegat maħtur f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali. Konsegwentement, sabiex jiġi deċiż jekk l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal diġà impjegat li nħatar f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali, hemm lok li jiġi eżaminat, skont din il-ġurisprudenza, jekk il-klassifikazzjoni fil-grad il-ġdid, grad li huwa iktar baxx minn dak li huwa diġà kellu u mogħti lilu skont din id-dispożizzjoni, tatux ċertu interess jew vantaġġ fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u/jew tar-remunerazzjoni li l-ibbenefikar minnu kien, fil-prinċipju, irriżervat għall-uffiċjali rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006.

Sabiex tiġi eżaminata n-natura vantaġġuża jew le tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ klassifikazzjoni tal-uffiċjal fi grad iktar baxx minn dak li kien diġà jokkupa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, b’mod iktar preċiż, jaċċerta jekk il-metodu tar-reklutaġġ stabbilit minn dan l-artikolu tax lill-uffiċjal ċertu interess jew vantaġġ fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u/jew tar-remunerazzjoni ta’ natura li jikkumpensa, fil-każ tiegħu, għall-fatt li l-klassifikazzjoni tiegħu ġiet iffissata fi grad iktar baxx minn dak li kien diġà jokkupa. Għaldaqstant, hemm lok li l-karriera u s-salarji li l-imsemmi uffiċjal seta’ jistenna abbażi tal-grad ogħla, grad li huwa kellu diġà, jitqabblu mal-karriera u mas-salarji li huwa jista’ jkollu wara l-ħatra tiegħu fil-grad iktar baxx.

It-tqabbil tal-karrieri u tas-salarji huwa iktar u iktar essenzjali fit-termini deskritti iktar ’il fuq għaliex jekk id-deċiżjoni ta’ ħatra f’pożizzjoni oħra tkun offriet lill-uffiċjal ċertu interess jew ċertu vantaġġ fir-rigward tal-karriera jew tar-remunerazzjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, dan ikun biżżejjed sabiex, minkejja r-riorganizzazzjoni tal-gradi wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun issodisfatt l-għan ġenerali ta’ dawn tal-aħħar li jiżguraw lill-uffiċjali kontinwità fl-iżvilupp tal-ħajja professjonali tagħhom.

F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li l-klassifikazzjoni tal-uffiċjal fil-grad iktar baxx tkun ippreżentat interess jew vantaġġ biss fir-rigward tar-remunerazzjoni sabiex l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tkun legalment ammissibbli.

(ara l-punti 47 sa 49 u 53)