Language of document : ECLI:EU:F:2013:84

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

19 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑8/12

BY

vs

Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA)

“Persunal tal-AESA — Membru tal-persunal temporanju — Tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali — Dmir ta’ premura — Raġuni esterna għad-diffikultajiet professjonali — Fastidju psikoloġiku — Mard — Danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu BY jitlob il-kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba d-deċiżjoni tad-Direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), tal‑10 ta’ Ġunju 2011, li tkeċċih, b’effett mill‑15 ta’ Diċembru ta’ wara, u minħabba l-fastidju psikoloġiku li tiegħu kien vittma fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu fi ħdan l-Aġenzija.

Deċiżjoni:      L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni hija kkundannata tħallas lil BY is-somma li tikkorrispondi għal disa’ xhur tar-remunerazzjoni netta li dan kien jirċievi sa lejliet it-tkeċċija tiegħu. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn BY.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali — Dmir ta’ premura — Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini medika tad-diffikultajiet li kellu jiffaċċja uffiċjal — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Kalkolu tat-terminu ta’ preavviż — Teħid inkunsiderazzjoni tal-leave minħabba mard tal-persuna kkonċernata

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 47(c)(i))

3.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Dannu — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 340 TFUE)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Dannu morali separat mill-illegalità li ma huwiex tali li jiġi kollu kemm hu kkumpensat bl-annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Id-dmir ta’ premura jimponi lill-amministrazzjoni, meta jeżisti dubju dwar l-oriġini medika tad-diffikultajiet li jiffaċċja uffiċjal biex jeżerċita kompiti li għandu jwettaq, sabiex turi d-diliġenza kollha biex tneħħi dan id-dubju qabel ma tiġi adottata deċiżjoni daqstant gravi bħal dik ta’ tkeċċija tal-imsemmi uffiċjal.

Bl-istess mod, l-obbligi imposti fuq l-amministrazzjoni tad-dmir ta’ premura huma sostanzjalment imsaħħa meta tkun inkwistjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ uffiċjal li fir-rigward tiegħu jeżistu dubji fejn tidħol is-saħħa mentali tiegħu u, konsegwentement, fejn tidħol il-kapaċità tiegħu li jiddefendi, b’mod adegwat, l-interessi tiegħu.

F’dan ir-rigward, meta l-amministrazzjoni jkollha biżżejjed elementi li jippermettulha tissupponi li l-aġir li bih qed jiġi akkużat l-uffiċjal jista’ mill-inqas parzjalment, jiġi imputat għal kawża esterna, b’mod partikolari, għal allegati fatti ta’ fastidju psikoloġiku jew għal raġunijiet ta’ natura medika, hija għandha, qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, turi d-diliġenza kollha biex tiżgura ruħha li dan ma huwiex il-każ. Dan jinvolvi, mill-inqas, li r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva li jikkonċernaw it-talba ta’ assistenza minħabba fastidju psikoloġiku jkunu magħrufa mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 34, 35 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, punt 93

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ottubru 2010, U vs Il‑Parlament, F‑92/09, punti 65 u 67; 17 ta’ Frar 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni F‑119/07, punt 85

2.      Fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu ta’ preavviż fil-każ ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, konformement mal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-leave minħabba mard tal-persuna kkonċernata, b’tali mod li kull preavviż jibda biss wara l-imsemmi leave, mingħajr ma jiġi differit b’iktar minn tliet xhur.

(ara l-punti 40 u 49)

3.      Fir-rigward tad-dannu materjali mġarrab minn uffiċjal minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jeħtieġ, biex jiġi evalwat dan id-dannu, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jiġifieri, b’mod partikolari, in-natura tal-irregolarità mwettqa u kull fatt, anki jekk ikun seħħ wara d-deċiżjoni illegali, li jkollu bħala konsegwenza li jżid jew li jnaqqas id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat.

(ara l-punt 46)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 95

4.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, li jopera ab initio, jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti ta’ kull dannu morali li dan l-att seta kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kollu kemm hu kkumpensat b’dan l-annullament. L-istess għandu jgħodd għall-konstatazzjoni mill-qorti tal-Unjoni tal-illegalità ta’ att amministrattiv, meta r-rikorrent ma jkunx formalment talab għall-annullament tal-imsemmi att sabiex jillimita ruħu għal pretensjonijiet kumpensatorji.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, punt 22; 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 27 u 28

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, punt 127; 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, punt 131

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, punt 151; U vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95