Language of document : ECLI:EU:C:2014:1958

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NILS WAHL

ippreżentati fis-27 ta’ Marzu 2014 (1)

Kawża C‑67/13 P

Groupement des cartes bancaires (CB)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Akkordji — Suq tal-kards ta’ ħlas fi Franza — Groupement des cartes bancaires (CB) [Grupp ta’ kumpanniji tal-kards ta’ ħlas (KĦ)] — Miżuri tariffarji applikabbli għall-‘membri ġodda’ fil-Groupement — Miżata tas-sħubija u mekkaniżmi hekk imsejħa ‘li jirregolaw il-funzjoni ta’ akkwist’ u ‘għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi’ — Eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan — Setgħat ta’ ordni — Rispett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali”





1.        Permezz ta’ dan l-appell, il-Groupement des cartes bancaires (CB) (iktar ’il quddiem il-“Groupement”) irid jikseb l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Novembru 2012, CB vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tiegħu, intiż għall-annullament tad-Deċizjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2007) 5060 finali, tas-17 ta’ Ottubru 2007, dwar proċediment taħt l-Artikolu [81 KE] (COMP/D1/38606 — Groupement des cartes bancaires “CB”) (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet prinċipalment sabiex tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-miżati inkwistjoni kellhom bħala “għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE), peress li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-effetti fuq il-kompetizzjoni, u dan b’differenza mill-Kummissjoni Ewropea li, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li l-miżati kellhom, barra minn dan l-għan, effetti antikompetittivi abbażi ta’ analiżi fil-fond (3).

3.        B’mod partikolari, għandha tingħata risposta għad-domanda intiża sabiex isir magħruf jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx korretta meta żammet, u jekk ikun il-każ, li fehmet b’mod pjuttost estensiv il-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”. Din id-domanda importanti, li żgur li ma hijiex ġdida, tippreżenta ruħha fil-kuntest partikolari ħafna tas-suq tal-kards ta’ ħlas, li n-natura tiegħu li għandha żewġ lati (4) u l-karatteristiċi partikolari ħafna tiegħu għadhom, s’issa (5), ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod iktar fundamentali, il-kawża preżenti toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra sabiex tirfina l-ġurisprudenza tagħha, li xi drabi hija kontroversjali, dwar il-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, previst fl-Artikolu 81(1) KE.

 I –      Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

5.        L-appellant huwa grupp ta’ interess ekonomiku rregolat mid-dritt Franċiż, li nħoloq fl-1984 mill-istabbilimenti bankarji prinċipali Franċiżi. Dan inħoloq sabiex titwettaq l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ ġbid ta’ flus permezz tal-kards ta’ ħlas (iktar ’il quddiem is-“CB”) maħruġa mill-membri tiegħu. Din l-interoperabbiltà prattikament tfisser li CB maħruġa minn membru tal-Groupement tista’ tintuża sabiex jitwettaq ħlas lill-kummerċjanti kollha affiljati fis-sistema CB permezz ta’ kard li nħarġet minn kwalunkwe membru ieħor u/jew tista’ tintuża għall-ġbid ta’ flus mid-distributuri awtomatiċi tal-flus (iktar ’il quddiem id-“DAF”) operati mill-membri l-oħra kollha. Il-membri tal-Groupement, li n-numru tagħhom kien 148 fid-29 ta’ Ġunju 2007, huma kemm stabbilimenti msejħa bħala “mexxejja” f’dan il-qasam, u kemm stabbilimenti marbuta ma’ wieħed minn dawn il-mexxejja. Abbażi tal-kuntratt ta’ kostituzzjoni tal-Groupement, BNP Paribas, BPCE, li kienet il-Caisse nationale des caisses d’épargne et de prévoyance (CNCEP), u Société générale (iktar ’il quddiem is-“SG”) huma fost il-ħdax-il mexxejja.

6.        Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Groupement innotifika lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 17 (6), b’diversi regoli ġodda previsti għas-sistema CB li jikkonsistu, b’mod partikolari (7), fi tliet miżuri tariffarji, li jistgħu jiġu deskritti bil-mod li ġej:

–        dispożittiv imsemmi “MERFA” (8) li, skont il-Groupement, kellu bħala għanijiet, essenzjalment, minn naħa sabiex iħajjar lill-membri li iktar iwettqu l-attività ta’ ħruġ ta’ kards milli dik ta’ akkwist sabiex jiżviluppaw l-attività ta’ akkwist tagħhom, u min-naħa l-oħra sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni finanzjarjament l-isforzi tal-membri li l-attività ta’ akkwist tagħhom hija kbira fil-konfront tal-attività tagħhom li joħorġu l-kards. L-arranġament previst għal dan il-għan kien jikkonsisti fit-tqabbil tas-sehem tal-attivitajiet tal-membru fit-totalità tal-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards fis-sistema CB (imkejla skont in-numru ta’ SIREN (9) u DAF) mas-sehem ta’ dan il-membru fit-totalità tal-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards f’din is-sistema. Il-MERFA kellha tapplika meta r-rapport bejn iż-żewġ proporzjonijiet kien inqas minn 0.5. Is-somom miġbura abbażi tal-MERFA kellhom jitqassmu bejn il-membri tal-Groupement li ma kinux suġġetti għal kwalunkwe somma taħt dan it-titolu, pro rata skont il-kontribuzzjoni tagħhom għall-attività ta’ akkwist. Dawn il-membri setgħu jużaw b’mod liberu s-somom miġbura b’dan il-mod.

–        riforma tal-miżata tas-sħubija fil-Groupement li kienet tinkludi, barra s-somma fissa ta’ EUR 50 000 pagabbli kif isseħħ is-sħubija, miżata għal kull CB maħruġa u attiva waqt it-tliet snin sussegwenti u, jekk ikun il-każ, miżata addizzjonali ta’ sħubija, applikabbli fuq il-membri li n-numru ta’ CB fil-pussess tagħhom waqt jew fit-tmiem tas-sitt sena wara s-sħubija tagħhom kien iktar mit-triplu tan-numru ta’ CB fil-pussess tagħhom fit-tmiem tat-tielet sena wara s-sħubija tagħhom.

–        dispożittiv imsemmi “membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi” jikkonsisti f’miżata fuq kull CB maħruġa li huma suġġetti għaliha l-membri inattivi jew li kienu ftit attivi qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri tariffarji l-ġodda, li l-parti tagħhom fl-attività ta’ ħruġ ta’ CB fis-sistema CB kollha, waqt waħda mis-snin 2003, 2004 u 2005, kienet iktar minn tliet darbiet ogħla mill-parti tal-attività tagħhom relatata maċ-CB totali tas-sistema kollha CB waqt is-sena finanzjarja 2000, is-sena finanzjarja 2001, jew is-sena finanzjarja 2002.

7.        Fis-6 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata lill-Groupement u lil disa’ mexxejja li kienu suġġetti għal investigazzjoni, li permezz tagħha hija allegat li dawn kienu kkonkludew “ftehim antikompetittiv sigriet” li kellu “bħala għan ġenerali li jillimita l-kompetizzjoni bejn il-banek parti fil-ftehim kif ukoll li jostakolaw, b’mod miftiehem, il-kompetizzjoni tal-operaturi ġodda (b’mod partikolari, il-bejjiegħa l-kbar, il-banek online u l-banek barranin) fis-suq tal-ħruġ taċ-[CB]”. Hija qieset li “n-notifikazzjoni [kienet] saret bl-għan li jinħeba l-kontenut reali tal-ftehim antikompetittiv”. Hija kkunsidrat li tiċħad lil din in-notifikazzjoni minn kull effett u li timponi multa fuq id-destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Groupement irrisponda għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-8 ta’ Novembru 2004 u nstema’ fis-16 u fis-17 ta’ Diċembru 2014.

8.        Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, indirizzata lill-Groupement biss. Fiha, hija indikat li l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tiġi kkunsidrata bħala rtirata. Din it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tistabbilixxi serje ta’ miżuri tariffarji li għandhom għan jew effett antikompetittiv. Il-Groupement irrisponda għal din it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-19 ta’ Ottubru 2006 u nstema’ fit-13 ta’ Novembru 2006.

9.        Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Groupement ippreżenta proposta ta’ impenji abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (10), li ġiet ikkunsidrata bħala tardiva u insodisfaċjenti mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

10.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha kkunsidrat li l-Groupement kien kiser l-Artikolu 81 KE. Din id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        is-suq inkwistjoni ġie ddefinit bħala dak tal-ħruġ tal-kards ta’ ħlas fi Franza;

–        il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi;

–        dawn il-miżuri għandhom għan antikompetittiv. Dan l-għan jirriżulta mill-arranġamenti stess previsti għalihom u jmur kontra l-għanijiet ta’ dawn il-miżuri ddikjarati fin-notifikazzjoni. Minn naħa, dawn il-miżuri ma humiex adattati sabiex jinkoraġġixxu l-akkwist u jwasslu jew għall-issuġġettar ta’ spejjeż żejda fuq il-membri suġġetti għalihom, jew sabiex jillimitaw l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-kards tal-membri li kienu jkunu suġġetti għalihom. Min-naħa l-oħra, il-funzjoni ta’ inċentiv fl-attività ta’ akkwist mogħtija lil MERFA hija kontradetta mill-funzjoni mogħtija lill-kummissjonijiet interbankarji u mill-funzjoni tal-miżata addizzjonali tas-sħubija u mill-miżata fuq il-membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi. Dan l-għan antikompetittiv jikkorrispondi għall-għanijiet reali ta’ dawn il-miżuri, espressi mill-mexxejja waqt il-preparazzjonijiet tagħhom, jiġifieri r-rieda sabiex jostakolaw il-kompetizzjoni tal-membri ġodda u li jippenalizzawhom, ir-rieda li jikkonservaw id-dħul tal-mexxejja u r-rieda li jillimitaw it-tnaqqis tal-prezzijiet taċ-CB;

–        il-miżuri inkwistjoni għandhom ukoll effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, waqt il-perijodu li fih kienu applikabbli (bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-8 ta’ Ġunju 2004), dawn il-miżuri wasslu għat-tnaqqis tal-pjanijiet tal-ħruġ ta’ CB tal-membri l-ġodda u għall-prevenzjoni tat-tnaqqis fil-prezz taċ-CB, kemm tal-membri l-ġodda u kemm tal-membri mexxejja;

–        il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet anċillari li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1)KE; u

–        il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE ma humiex issodisfatti. B’mod partikolari, il-ġustifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari dik fir-rigward tal-MERFA bħala mekkaniżmu ta’ bilanċ bejn il-funzjonijiet ta’ akkwist u ta’ ħruġ, ma setgħetx tiġi aċċettata peress li l-proporzjon tal-attività ta’ ħruġ tal-kards meta mqabbla mal-attività ta’ akkwist ta’ referenza huwa dak tal-mexxejja, u mhux dak tal-aqwa bilanċ għas-sistema CB.

11.      Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Artikolu 81(3) KE ma kienx applikabbli għall-miżuri inkwistjoni, li d-deċiżjoni tal-Groupement dwar il-miżati inkwistjoni kienet tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1)KE u kienet kompletament invalida fil-liġi bl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(2) KE u li għaldaqstant, kienet fondata meta ordnat lill-Groupement sabiex jirtira l-miżati inkwistjoni u sabiex jastjeni fil-futur minn kull ftehim, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni tal-impriżi jew prattiki miftiehma li għandhom għan jew effett simili.

12.      Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Artikolu 1

Il-miżuri tariffarji adottati mill-[Groupement] bid-deċizjonijiet tat-8 u tad-29 ta’ Novembru 2002 [tal-Bord tad-Diretturi], jiġifieri l-[MERFA], il-miżata tas-sħubija għal kull kard u l-miżata addizzjonali tas-sħubija, kif ukoll il-[miżata għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi] applikabbli fuq il-membri tal-Groupement li ma żviluppawx l-attività ‘CB’ b’mod kunsiderevoli mill-isħubija tagħhom huma kuntrarji għall-Artikolu 81 [KE].

Artikolu 2

Il-Groupement għandu jtemm immedjatament il-ksur previst fl-Artikolu 1 billi jirtira l-miżuri tariffarji nnotifikati fl-imsemmi artikolu, sakemm dan għadu ma seħħx.

Il-Groupement għandu jastjeni, fil-futur, minn kull miżura jew [minn] kull aġir li għandu għan jew effett identiku jew simili.”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2007, l-appellant ressaq rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. BNP Paribas, BPCE u SG intervjenew insostenn tal-appellant.

14.      Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellant, sostnut mill-intervenjenti, invokaw sitt motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba żbalji fil-metodu ta’ analiżi tal-miżuri inkwistjoni u tas-swieq li ġew analizzati, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, minħabba żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-għan tal-miżuri inkwistjoni. It-tielet motiv kien ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni tal-eżami tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE, minħabba żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-miżuri inkwistjoni. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

15.      Wara li eskludiet lil dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu, ikkundannat lill-Groupement sabiex ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mill-Kummissjoni, u kkundannat lil BNP Paribas, lil BPCE, u lil SG sabiex isostnu l-ispejjeż tagħhom.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li hija suffiċjentement informata sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

17.      BNP Paribas, BPCE u SG ippreżentaw risposti insostenn tal-appellant.

18.      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

19.      Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014.

IV – Evalwazzjoni tal-aggravji

20.      L-appellant iqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett”. It-tielet aggravju, minn naħa tiegħu, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

21.      Preliminarjament, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kienet ħbiet manifestament xi elementi essenzjali mid-deskrizzjoni tal-fatti (punti 1 sa 48 tas-sentenza appellata), li juri li qatt ma kienet tbiegħdet mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li kienet naqset milli twettaq investigazzjoni fil-fond tal-liġi u tal-fatti kif meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja (11). Minn naħa, dawn l-elementi jikkonsistu fil-fatt li l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha b’mod radikali waqt l-istruzzjoni (12), li huwa spjegat permezz ta’ żbalji ta’ analiżi fundamentali li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela, u, barra minn hekk, billi injorat id-dibattiti li seħħew waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2012 dwar il-kunċett tar-restrizzjoni minħabba l-għan, fir-rigward, b’mod partikolari tal-interpretazzjoni li kellha tinżamm fis-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers (13).

22.      Jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet preliminarji, li jikkostitwixxu l-bażi tad-domandi mqajma f’din il-kawża, ma jistgħux jiġu analizzati bħala li jinvokaw aggravju jew iktar distinti minn dawk esposti formalment.

23.      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament it-tliet aggravji mressqa formalment billi tingħata enfasi lill-ewwel wieħed, li, jidhirli qiegħed fil-qalba tad-dibattiti u li, barra minn hekk, huwa ta’ interess partikolari ħafna.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan

24.      L-appellant, li miegħu jingħaqdu BNP Paribas, BPCE u SG, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet bosta żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Huwa jenfasizza li l-approċċ meħud mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi preċedent gravi, sa fejn hija tipprojbixxi kompletament prezz iffatturat minn operatur lil ieħor. B’mod iktar partikolari, il-Groupement isostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx li l-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ma jistax jingħata interpretazzjoni wiesgħa ħafna u injorat il-kuntest tal-analiżi ġeneralment segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika tali restrizzjoni.

25.      Qabel neżamina l-aggravji kollha mqajma kontra l-metodu ta’ analiżi tal-miżuri inkwistjoni magħżula mill Qorti Ġenerali, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġu esposti numru ta’ kunsiderazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-approċċ, qabel ma, fl-opinjoni tiegħi, jinżamm li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il-parametri tal-kunċett ta’ għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE

26.      Huwa stabbilit sew li kull sistema ta’ projbizzjoni u ta’ sanzjoni tal-prattiki miftiehma tipprevedi aġir li għandu portata restrittiva tal-kompetizzjoni (14).

27.      Sabiex jiġi identifikat l-aġir li għandu portata li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, ġeneralment jistgħu jintużaw żewġ metodoloġiji.

28.      L-ewwel waħda tikkonsisti f’approċċ ta’ każ b’każ, li tinvolvi eżami ddettaljat u fil-fond tal-effetti antikompetittivi, reali u potenzjali, tal-aġir tal-impriżi. Tali metodu, għalkemm għandu l-vantaġġ li jipprevedi preċiżament il-prattiki li għandhom b’mod ċar effetti restrittivi tal-kompetizzjoni, jimplika l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi importanti u ma jiżgurax l-ekonomija proċedurali. Fl-aħħar, jekk dan iseħħ, dan il-metodu jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-intraċċar ġenerali tal-aġir antikompetittiv.

29.      Dawn l-inkonvenjenzi waslu sabiex tittieħed orjentazzjoni oħra, li hija inqas individwali, b’referenza wkoll għall-aġir li huwa ġeneralment ikkunsidrat, skont l-analiżi ekonomika, bħala li għandhom effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni.

30.      F’tali sistema, ma hemmx differenza sostanzjali ta’ perspettiva bejn l-aġir tal-impriżi li jikkwalifikaw bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni wara eżami individwali u dawk li huma restrittivi minħabba l-applikazzjoni ta’ approċċ standard — it-tnejn huma pprojbiti. Id-distinzjoni li għandha titwettaq hija bbażata qabel kollox fuq xi kunsiderazzjonijiet ta’ ordni proċedurali fir-rigward tal-prova tal-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir ikkontestat.

31.      Bħala eżempju, fid-dritt antitrust Amerikan, ċertu numru ta’ aġir huwa kkunsidrat bħala ksur fih innifsu. L-impriżi awturi ta’ tali aġir, ma jkunux f’pożizzjoni, kemm quddiem l-awtorità responsabbli għall-prosekuzzjoni tal-ksur tal-kompetizzjoni jew quddiem il-qorti, li jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni billi jistabbilixxu l-prova li l-imsemmi aġir fih ftit li xejn effetti dannużi, u saħansitra fih ċerti benefiċċji, fuq il-kompetizzjoni.

32.      Ir-referenza fl-Artikolu 81(1) KE għall-akkordji li għandhom “bħala għan [...] il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni” fiha konsegwenzi li jistgħu jitqabblu, minkejja l-fatt li ma humiex identiċi.

33.      Fl-ewwel lok, peress li huwa stabbilit li l-aġir tal-impriżi għandhom “għan” antikompetittiv, dan l-aġir huwa bħala prinċipju pprojbit, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom.

34.      Fit-tieni lok, jekk ibbilanċjar tal-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni huma prevedibbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu tal-kunċett ta’ għan antikompetittiv, sa fejn jissimplifika l-istabbiliment tal-impatt restrittiv ta’ ċerti prattiki segwiti mill-impriżi, jippreżenta ċerti vantaġġi.

35.      Qabel kollox, dan huwa mingħajr dubju sors ta’ prevedibbiltà u għaldaqstant ta’ ċertezza legali, għall-impriżi, sa fejn jippermettilhom li jkollhom konoxxenza tal-konsegwenzi ġuridiċi (fir-rigward, b’mod partikolari, tal-projbizzjonijiet u tas-sanzjonijiet), li jwasslu għalihom uħud mill-azzjonijiet tagħhom, bħal, pereżempju, il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-prezzijiet, u li jadattaw l-aġir tagħhom bħala konsegwenza. B’dan il-mod, l-identifikazzjoni ta’ akkordji li għandhom għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jkollha, eventwalment, anki impatt dissważiv u tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-aġir antikompetittiv. Fl-aħħar nett, hija sors ta’ ekonomija proċedurali sa fejn tippermetti lill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni, fil-preżenza ta’ ċerti forom ta’ akkordji, li jikkonkludu li dawn għandhom impatt antikompetittiv, mingħajr ma jkun neċessarju għalihom li jipproċedu għal eżami, ta’ spiss kumpless u fastidjuż, tal-effetti potenzjali u reali tagħhom fuq is-suq ikkonċernat.

36.      Madankollu, tali vantaġġi ma jidhrux ħlief meta l-użu tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ikun limitat b’mod ċar, peress li fin-nuqqas ta’ dan jista’ jseħħ li jiġi inkluż aġir li l-effetti dannużi tagħhom fuq il-kompetizzjoni ma ġewx ipprovati b’mod ċar.

37.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet isibu sostenn iktar konkret fit-tagħlim li jista’ jittieħed mill-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.      Fl-ewwel lok, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kmieni ħafna fis-sentenza tagħha LTM (15), u mfakkar b’mod kostanti (16), in-natura alternattiva tal-kundizzjoni intiża għall-eżistenza ta’ ftehim li għandu “bħala għan jew bħala riżultat [effett]” li jirrestrinġi l-kompetizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, indikat permezz tal-konġunzjoni “jew”, twassal qabel kollox sabiex jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku li għandu japplika fih. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, madankollu, fil-każ fejn “mill-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara” (il-korsiv huwa miżjud minni) fir-rigward tal-kompetizzjoni, għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan ikun ipprojbit, għandu jkun jissodisfa l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli. Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim huwiex ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tiegħu meta jkun jidher li dan għandu l-għan li joħloq ostakolu, restrizzjoni jew distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (17).

39.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-distinzjoni bejn il-“ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni (18). Xi forom varjati ta’ kooperazzjoni bejn l-impriżi huma b’hekk ikkunsidrati bħala li fihom, minħabba l-għan tagħhom stess, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’hekk, ġew iġġudikati bħala li fihom għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni mhux biss tipi ta’ kooperazzjonijiet orizzontali apparti minn dawk previsti fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE (19), iżda wkoll ċertu numru ta’ ftehimiet vertikali (20).

40.      Fit-tielet lok, l-evalwazzjoni l-iktar standard li għaliha jwassal l-użu tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, tissupponi eżami fid-dettall u individwali tal-ftehim ikkontestat, li madankollu għandu jiġi distint b’mod ċar mill-eżami tal-effetti reali jew potenzjali tal-aġir tal-impriżi akkużati.

41.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat kmieni ħafna (21), li l-eżami tal-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk kuntratt kellux natura restrittiva ma setax jinqata’ mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fid-dawl tagħhom ikkonkludewh il-partijiet. Sussegwentement, u b’mod kostanti hija fakkret li l-klawżoli tal-ftehimiet inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati effettivament fid-dawl tal-kuntest tagħhom (22), bl-idea sottostanti tkun li, fl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ aġir mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-akkordji, xi kunsiderazzjonijiet purament teoretiċi u astratti huma diffiċli sabiex tiddefendihom (23).

42.      Sabiex nispjega l-proposta tiegħi, ser nagħti l-eżempju ta’ ksur, li, fid-dawl tal-esperjenza akkwistata, huwa preżunt li jipproduċi waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni, jiġifieri ftehim orizzontali li jirrigwarda l-prezzijiet ta’ merkanzija partikolari. Għalkemm jinftiehem sew li tali ftehim għandu ġeneralment grad elevat ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, din il-konklużjoni ma tistax tiġi imposta fil-każ fejn, pereżempju, l-impriżi previsti jkollhom f’idejhom parti żgħira tas-suq ikkonċernat.

43.      Bl-istess mod, kien wara eżami tal-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim ta’ distribuzzjoni, anki jekk seta’, prima facie, jiġi deċiż li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, ma setax jiġi kkunsidrat bħala li għandu bħala għan, minħabba n-natura tiegħu stess, li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli (24).

44.      Fl-opinjoni tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u legali fit-tfittxija ta’ għan antikompetittiv għandu, bir-riskju li jkun hemm tbegħid dannuż mill-qari tajjeb tal-Artikolu 81(1) KE — li ser nerġa’ nsemmi fl-iżviluppi li ġejjin — jiġi distint b’mod ċar mit-turija tal-effetti antikompetittivi abbażi tat-tieni parti tal-alternattiva prevista minn din id-dispożizzjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest fl-identifikazzjoni tal-għan antikompetittiv jista’ biss isaħħaħ jew jinnewtralizza (25) l-eżami tat-termini stess tal-akkordju preżunt. Huwa bl-ebda mod ma jista’ jegħleb in-nuqqas ta’ identifikazzjoni effettiva ta’ għan antikompetittiv permezz tad-dimostrazzjoni tal-effetti potenzjali tal-miżuri previsti.

45.      Fi kliem ieħor, u indipendentement mix-xebh kunċettwali li jidher bejn iż-żewġ partijiet ta’ din l-alternattiva (26), l-użu tal-kuntest ekonomiku u legali fil-każ ta’ identifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ma jistax iwassal għall-kwalifikazzjoni kontra l-impriżi akkużati fil-preżenza ta’ ftehim li t-termini tiegħu ma jirrilevawx ħsara mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

46.      Jidher li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li tfakkar id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ restrizzjonijiet previsti mill-Artikolu 81(1) KE, setgħet, sa ċertu punt, tkun is-sors ta’ interpretazzjonijiet differenti, u saħansitra ta’ konfużjoni. Ċerti orjentazzjonijiet ġurisprudenzjali jidhru, fil-fatt, li rendew delikata d-distinzjoni neċessarja bejn l-eżami tal-għan antikompetittiv u l-analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-ftehimiet bejn l-impriżi.

47.      Fil-fatt, f’ċertu numru ta’ kawżi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi kuntest jista’ jitqabbel ma’ eżami reali tal-effetti potenzjali tal-miżuri inkwistjoni.

48.      B’hekk, fil-kawża GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (27), il-Qorti Ġenerali, mitluba sabiex tiddeċiedi dwar l-għan antikompetittiv tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim intiż sabiex jillimita l-kummerċ parallel tal-mediċini, kienet ikkunsidrat, essenzjalment, li n-natura antikompetittiva ta’ ftehim ma tistax tiġi dedotta mill-qari tat-termini tiegħu biss, imwettaq fil-kuntest tiegħu, iżda li “neċessarjament” jiġu kkunsidrati l-effetti tiegħu. Din il-kawża tagħti x’jifhem li, sabiex tinżamm l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv, għandu f’kull każ jiġu kkonstatati effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni (28).

49.      Huwa permess li wieħed jistaqsi leġittimament jekk din l-analiżi, li twassal sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi neċessarji tal-ftehimiet inkwistjoni, tistax titqabbel iktar ma’ eżami tal-effetti restrittivi tagħhom tal-kompetizzjoni milli ma’ analiżi tal-għan antikompetittiv tagħhom.

50.      Iktar reċentement u b’mod iktar ovvju, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Allianz Hungária Biztosító et (29), iddeċidiet li l-ftehimiet li jidħlu fihom b’mod bilaterali impriżi tal-assigurazzjoni tal-vetturi, kemm ma’ konċessjonarji tal-vetturi li joperaw bħala garaxxijiet tat-tiswija, u wkoll ma’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn tal-aħħar dwar ir-rata ta’ kull siegħa li għandha titħallas mill-impriża ta’ assigurazzjoni għat-tiswija ta’ vetturi assigurati minnha, billi jipprovdu li r-rata ser tiddependi, fost fatturi oħrajn, fuq in-numru u l-proporzjon ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li l-konċessjonarju kkummerċjalizza bħala intermedjarju ta’ din il-kumpannija, setgħu jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Dan huwa l-każ jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ dawn il-ftehimiet kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u legali li jaqgħu fih, jidher li dawn, minħabba n-natura tagħhom stess, huma dannużi għall-funzjonament tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni f’wieħed miż-żewġ swieq ikkonċernati (30).

51.      Bl-istess mod, huwa delikat li ssir distinzjoni sa fejn l-eżami tal-kuntest irrakkomandat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkonsisti f’evalwazzjoni tar-riskju ta’ eliminazzjoni jew ta’ indebboliment serju tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, fid-dawl, b’mod partikolari “tal-istruttura ta’ dan is-suq, [ta]l-eżistenza ta’ kanali ta’ distribuzzjoni alternattivi u [ta]l-importanza restrittiva tagħhom, kif ukoll [ta]s-setgħa tal-kumpanniji kkonċernati” huwa differenti minn dak li jirrigwarda l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni eventwali.

52.      Madankollu, u minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza setgħet, sa ċertu punt, tikkontribwixxi sabiex trendi mhux ċara l-linja ta’ delimitazzjoni bejn il-kunċetti rispettivi ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan jew minħabba l-effett, l-opinjoni tiegħi hi li l-użu ta’ dan il-kunċett għandu jkun irregolat b’mod iktar ċar.

53.      Effettivament, il-fatt li ftehim jew prattika jiġi ddikjarat bħala restrittiv għall-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu stess fih konsegwenzi importanti, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom jiġu enfasizzati.

54.      Qabel kollox, id-delimitazzjoni li tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ “għan antikompetittiv” hija bbażata fuq approċċ formali li ma huwiex mingħajr perikolu mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-interessi ġenerali segwita mir-regoli tat-Trattat fir-rigward tal-kompetizzjoni. Ladarba jiġi stabbilit li ftehim għandu għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-projbizzjoni li tirriżulta minnu hija ta’ portata ġenerali ħafna, jiġifieri din tista’ tiġi imposta b’mod preventiv u b’hekk tikkomprometti li jiġu stabbiliti kuntatti fil-futur (31), u dan indipendentement mill-evalwazzjoni tal-effetti prodotti b’mod konkret.

55.      Għaldaqstant, dan l-approċċ formali ma jistax jiġi kkonċepit ħlief fil-preżenza ta’ aġir li jippreżenta riskju intrinsiku ta’ effett dannuż partikolarment gravi jew ukoll aġir li minħabba fih jista’ jiġi konkluż li l-effetti sfavorevoli fuq il-kompetizzjoni jegħlbu l-effetti favur il-kompetizzjoni. Jekk tingħata deċiżjoni differenti jiġu nnegati ċerti azzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi li potenzjalment jiġġeneraw xi esternalitajiet pożittivi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, huwa biss fil-każ fejn l-esperjenza turi restrizzjoni, b’konformità mal-analiżi ekonomika, hija pprojbita b’mod konsistenti, li jidher li huwa raġjonevoli li tiġi ssanzjonata direttament, fl-interess tal-ekonomika proċedurali (32).

56.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat biss bħala restrittiv fuq il-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-aġir li n-natura dannuża tiegħu hija, fid-dawl tal-esperjenza akkwistata u tax-xjenza ekonomika, ipprovata u faċilment identifikabbli, u mhux il-ftehimiet li, fid-dawl tal-kuntest li jaqgħu fih, iwasslu effetti ambivalenti restrittivi anċillarji neċessarji għas-segwiment ta’ għan prinċipali li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni.

57.      Imbagħad, din il-kwalifikazzjoni, titfa’ fuq l-awtorità responsabbli mill-oneru li tipprova l-effetti antikompetittivi tal-ftehim jew tal-prattika li hija trid issir taf. Estensjoni mhux ikkontrollata tal-aġir li jaqa’ taħt l-iskop tar-restrizzjonijiet minħabba l-għan hija perikoluża mill-perspettiva tal-prinċipji li għandhom, bħala prinċipju, jirregolaw l-istabbiliment u l-oneru tal-prova tal-aġir antikompetittiv.

58.      Minħabba dawn il-konsegwenzi, il-klassifikazzjoni ta’ akkordju restrittiv minħabba l-għan għandha neċessarjament tiġi rregolata u ma tipprevedix, in fine, ħlief dawk li jippreżentaw intrinsikament ċertu grad ta’ dannu. Dan il-kunċett għandu jipprevedi biss dawk il-ftehimiet li, intrinsikament, jiġifieri mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu evalwati l-effetti reali jew potenzjali tagħhom, għandhom grad ta’ gravità jew ta’ dannu fis-sens li l-impatt negattiv tagħhom fuq il-kompetizzjoni jidher li huwa probabbli ħafna. Minkejja li n-natura miftuħa tal-lista tal-aġir li jista’ jitqies bħala restrittiv minħabba l-għan tiegħu, għandha tinżamm attitudni relattivament prudenti fid-determinazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

59.      Din il-prudenza hija iktar importanti mill-metodu ta’ analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tidentifika u hija imposta kemm fuq il-Kummissjoni u kemm fuq l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kompetizzjoni, fejn is-sensibbiltà u l-livell ta’ perizja huma bbażati fuq parametri varjabbli.

60.      Il-vantaġġ f’termini ta’ prevedibbiltà u ta’ eżenzjoni mill-oneru tal-prova li tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ ftehimiet restrittivi minħabba l-għan jidher kompromess jekk din l-identifikazzjoni hija, b’mod definittiv, dipendenti fuq eżami estensiv tal-konsegwenzi tal-imsemmi ftehim fuq il-kompetizzjoni, li jmur lil ’hinn mill-eżami ddettaljat tal-ftehim.

61.      F’kull każ, ġie osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja t-tkabbir apparenti tal-aġir li jikkwalifika bħala restrittiv minħabba l-għan, fakkret b’mod kostanti, mis-sentenza LTM, iċċitata iktar ʼil fuq, sas-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ʼil fuq, li l-analiżi tal-għan għandha tiżvela “grad suffiċjenti ta’ ħsara” (33).

62.      Fl-aħħar, nixtieq infakkar li tali regolament ma jwassalx għall-“immunizzazzjoni” ta’ ċertu aġir, billi jnaqqsu mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE. Fil-każ fejn ma ġiex stabbilit li ċertu ftehim ma huwiex inklinat b’mod konkret — jiġifieri billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tiegħu kif ukoll il-kuntest legali u ekonomiku li jaqa’ taħthom — biex jostakola, biex jirrestrinġi jew biex joħloq distorsjoni fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq, huwa biss l-użu tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan li jitwarrab. L-awtorità responsabbli mill-kontroll tal-kompetizzjoni tibqa’ dejjem f’pożizzjoni sabiex tiċċensuraha wara li jsir eżami iktar fid-dettall tal-effetti antikompetittivi reali jew potenzjali tiegħu fuq is-suq.

2.      Dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan fil-kawża preżenti

63.      Ġie osservat li, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, b’mod ġenerali, il-viżjoni mhux restrittiva tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan miżmuma mill-Qorti Ġenerali. Huwa jdaħħal inkwistjoni, b’mod iktar speċifiku, l-iżbalji li, fl-opinjoni tiegħu vvizzjaw l-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-kontenut, l-għan u l-kuntest tal-elaborazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

64.      Fi kliem ieħor, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx intitolata, hekk kif għamlet fil-punti 124 u 146 tas-sentenza appellata, li tikkunsidra li “ma [kienx] hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan b’mod restrittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Imbagħad, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, indipendentement minn din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħetx, mingħajr ma twettaq żbalji ta’ liġi, tikkonferma l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

a)      Interpretazzjoni restrittiva jew estensiva tal-kunċett ta’ għan antikompetittiv?

65.      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza, li hija kkaratterizzata minn ambivalenza bejn ix-xewqa la ma tipprevedix lista konklużiva tar-restrizzjonijiet minħabba l-għan u l-ħtieġa li jiġi rrispettat ir-ratio legis tal-Artikolu 81(1) KE, li jeħtieġ b’mod partikolari li l-aġir previst jippreżenta ċertu grad ta’ dannu, xorta ma tirrispondix b’mod ċar għad-domanda sabiex isir magħruf jekk il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan għandux jew le jiġi interpretat b’mod restrittiv, u dan anki meta ċerti Avukati Ġenerali ddikjaraw li huma favur approċċ minnhom (34).

66.      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali għamlet żball meta għamlet referenza għaliha insostenn tal-konklużjoni li tipprovdi li ma hemmx lok li l-kunċett ta’ ksur minħabba għan jiġi interpretat b’mod restrittiv.

67.      Huwa minnu li, hekk kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tirrispondi għall-argumenti żviluppati minn Beef Industry Development Society u Barry Brothers Ltd li jipprovdu li “l-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv” u li “[h]uma biss dawk il-ftehimiet li għandhom bħala għan l-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew it-tqassim tas-swieq li jaqgħu taħt din il-kategorija, jiġifieri dawk il-ftehimiet li l-effetti antikompetittivi tagħhom ikunu saru tant evidenti li ma tkun meħtieġa ebda analiżi ekonomika”.

68.      Madankollu, jiena nqis li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 23 tal-istess sentenza, li tipprovdi li “it-tipi ta’ ftehimiet elenkati fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE ma jifformawx lista eżawrjenti tal-kollużjonijiet ipprojbiti”, għalkemm tindika b’mod ċar li l-kunċett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma hijiex limitata għar-restrizzjonijiet l-iktar fil-wiċċ tat-tip kartelli (“hard core infringements”) previsti minn din id-dispożizzjoni u ma tistax tingħalaq f’lista restrittiva, hija ma tippreġudikax neċessarjament in-natura restrittiva tal-interpretazzjoni li għandha tinżamm fil-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

69.      Hemm konstatazzjoni oħra li timponi ruħha fil-qari ta’ din is-sentenza. B’mod definittiv, huwa l-eżami tat-termini stess tal-ftehimiet inkwistjoni li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li dawn tal-aħħar kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

70.      Huwa minnu li l-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet BIDS”), kienu jippreżentaw karatteristiċi partikolari, sa fejn kienu jsegwu għan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-laħam taċ-ċanga billi jeliminaw il-kapaċitajiet eċċessivi fil-produzzjoni.

71.      Xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-ftehimiet kienu simili għal ftehimiet intiżi sabiex jillimitaw il-produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1)(b) KE. Kien wara eżami ddettaljat tat-termini tal-ftehimiet BIDS li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex tikkonstata l-għan antikompetittiv tagħhom. B’mod partikolari, hija kkundisrat li dawn il-ftehimiet jipprevedu mekkaniżmu intiż sabiex jinkoraġġixxu l-ħruġ mis-suq tal-impriżi kompetituri. Il-provi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienu wrew li l-ftehimiet BIDS kienu jsegwu żewġ għanijiet prinċipali. Dawn kienu, minn naħa, iż-żieda tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq ikkonċernat billi jitnaqqsu b’mod kunsiderevoli n-numru ta’ impriżi li joffru servizzi ta’ pproċessar u, min-naħa l-oħra, l-eliminazzjoni ta’ madwar 75 % tal-kapaċitajiet eċċessivi ta’ produzzjoni (35). Għalhekk, il-ftehimiet BIDS kienu intiżi sabiex jippermettu lil diversi impriżi jimplementaw politika komuni li għandha l-għan li tiffavorixxi l-ħruġ mis-suq ta’ wħud fosthom u li, konsegwentement, tnaqqas l-eċċessi ta’ kapaċità li jaffettwaw il-profittabbiltà tagħhom u li jostakolawhom milli jagħmlu ekonomija ta’ skala (36).

72.      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “dawn it-tipi ta’ ftehim huma evidentement konfliġġenti mal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq”. Fl-opinjoni tagħha, fil-kuntest tal-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, sabiex itejbu l-profittabbiltà tagħhom l-impriżi li ffirmaw għall-ftehimiet BIDS ma kienx ikollhom triq oħra ħlief li jintensifikaw ir-rivalità kummerċjali tagħhom jew inkella jirrikorru għal operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, ikun possibbli għalihom li jevitaw tali proċess u li jikkondividu parti importanti mill-ispejjeż neċessarji għat-tkabbir tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq permezz ta’, fost l-oħrajn, kontribuzzjoni ta’ EUR 2 għal kull unità pproċessata mill-membri li jibqgħu. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-mezzi implementati sabiex jintlaħaq l-għan tal-ftehimiet BIDS ukoll jikkostitwixxu restrizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa ta’ natura antikompetittiva (37).

73.      Definittivament, il-miżuri inkwistjoni kienu jippreżentaw grad ta’ dannu tat-tip li seta’ jiġi konkluż li dawn kellhom għan antikompetittiv.

74.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fis-sentenza appellata, affermat li l-kunċett tal-għan ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv.

75.      Minkejja din l-affermazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonferma l-konklużjoni li tipprovdi li l-miżuri kkontestati kellhom għan antikompetittiv.

b)      Fuq il-metodu ta’ analiżi użat fil-kawża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan

76.      Qabel kollox, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li, għalkemm hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex twettaq, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ liġi li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali (38).

77.      Fil-kawża preżenti, jidhirli li l-appellant għandu l-intenzjoni, prinċipalment, li jikkontesta fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, minn naħa, l-iżbalji ta’ liġi li, fl-opinjoni tiegħu, ivvizzjaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni tar-restrizzjoni minħabba l-għan, u, min-naħa l-oħra, żnaturament mill-Qorti Ġenerali tal-provi mressqa quddiemha. Dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux, a priori, jitneħħew mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

78.      Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali stħarrġitx sew li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut, tal-għan u tal-kuntest ekonomiku u legali li jaqgħu taħthom, li l-miżuri inkwistjoni kien fihom grad ta’ dannu tat-tip li l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni setgħu jiġu preżunti.

79.      Sabiex tagħmel dan, l-esperjenza miksuba tikkostitwixxi referenza rilevanti ħafna. Din l-“esperjenza” għandha tinftiehem minn dak li jirriżulta tradizzjonalment mill-analiżi ekonomika, kif ikkonfermata mill-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u jekk ikun il-każ, mill-ġurisprudenza.

80.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri kkontestati jippreżentaw natura orizzontali u li, a priori, jistgħu jitqiesu bħala iktar adattati sabiex ikollhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

81.      Issa, għalkemm huwa stabbilit sew li ċertu ftehimiet orizzontali bejn l-impriżi fihom restrizzjonijiet ovvji tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (39) u jistgħu, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala li fihom restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-karattru dannuż fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri kkontestati ma jidhirx mill-ewwel.

82.      Madankollu, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, peress li ġie ppreċiżat li din il-konklużjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni tal-kontenut kollu tal-miżuri, li għandhom jinqraw, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-għanijiet oġġettivament segwiti u tal-kuntest ekonomiku u legali.

83.      F’dan is-sens, l-artikulazzjoni tal-partijiet ta’ dan l-aggravju, li jinkludi rispettivament it-tliet aspetti rilevanti sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala restrittiva minħabba l-għan tagħha, tista’ tidher artifiċjali.

84.      Madankollu, jidhirli li huwa opportun li jiġu indirizzati suċċessivament.

i)      Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżami tal-kontenut tal-miżuri tal-Groupement

85.      L-appellant, sostnut f’diversi aspetti minn BNP Paribas, BPCE u SG, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kontenut tal-miżuri inkwistjoni.

86.      Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-analiżi tal-għan “stess” tal-imsemmija miżuri. Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-eżami tad-dannu tal-miżuri kkontestati billi rreferiet għall-kontenut tagħhom, iżda intrabtet fuq l-intenzjonijiet suġġettivi ta’ ċerti membri tal-Groupement. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt, fil-punti 126 u 132 tas-sentenza appellata peress li qieset li mill-arranġamenti stess tal-miżuri inkwistjoni jirriżulta li dawn il-miżuri kellhom għan antikompetittiv li jikkonsisti fit-tfixkil ta’ kompetizzjoni minn membri ġodda fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi kkonkludiet li ċertu numru ta’ ostakoli kienu jrendu diffiċli ħafna, fil-prattika, l-iżvilupp tal-attività ta’ akkwist minn operatur ġdid billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u billi warrbet, mingħajr spjegazzjoni valida, xi provi li juru l-oppost.

87.      Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fit-teħid inkunsiderazzjoni, fil-punti 186 u 256 tas-sentenza appellata, tal-ġenesi li ppreċediet l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, hekk kif kienet tirriżulta mid-dokumenti miġbura waqt l-investigazzjonijiet li seħħew fl-uffiċċji tal-Groupement u f’xi uffiċċji tal-membri tiegħu.

88.      Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-proposti mressqa minn ċerti mexxejja qabel l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni sabiex tanalizza l-għan ta’ dawn il-miżuri, peress li dan il-proposti ma jirriflettux l-espressjoni tar-rieda tal-Groupement innifsu, iżda biss ta’ wħud mill-membri tiegħu. Issa, huwa minħabba l-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi l-espressjoni fidila tar-rieda tal-awtur tagħha li din tista’ tinftiehem bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi. Fil-kawża preżenti, iċ-ċirkustanzi tal-preparazzjoni u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ma humiex rilevanti, peress li huma biss il-miżuri nnotifikati li jimmanifestaw kompletament l-intenzjoni tal-Groupement. Barra minn hekk, il-ġenesi tal-miżuri kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni minflok analiżi fil-fond tal-kontenut tal-miżuri.

89.      Imbagħad, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, billi wettqet selezzjoni inopportuna fost il-proposti preparatorji, id-dokumenti miġbura u d-dikjarazzjonijiet tal-membri l-ġodda. Fl-opinjoni tal-appellant, numru ta’ elementi, li fihom dikjarazzjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ ġlieda kontra l-parassitiżmu u dwar it-tħassib li jiġi rrispettat id-dritt tal-kompetizzjoni, juru l-eżistenza ta’ dubju reali fir-rigward tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Dan l-iżnaturament huwa iktar manifest peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-istess elementi li użat il-Kummissjoni, mingħajr ma bidlet il-pożizzjoni tagħha fil-konklużjonijiet tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

90.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li l-għan antikompetittiv tal-miżuri inkwistjoni kien intiż sabiex jostakola l-kompetizzjoni mill-membri ġodda fis-suq Franċiż tal-ħruġ taċ-CB.

91.      B’hekk, il-Qorti Ġenerali adottat il-konklużjoni li tipprovdi li l-għan antikompetittiv tal-miżuri kkontestati kienu jirriżultaw mill-arranġamenti ta’ kalkolu li kienu previsti mill-miżuri inkwistjoni (ara l-punti 126 sa 133 tas-sentenza appellata). Hija kkunsidrat wkoll li kien biss b’mod konfermattiv li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq id-dokumenti miġbura waqt l-investigazzjoni li rrigwardat il-proposti miżmuma mill-mexxejja waqt il-preparazzjoni tal-miżuri inkwistjoni (ara l-punti 123 sa 154 tas-sentenza appellata).

92.      Issa, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eżami tal-arranġamenti ta’ kalkolu miżmuma fil-miżuri kkontestati, u fuq l-istess linji ta’ dak li indikajt qabel, il-Qorti Ġenerali, jidhirli li naqset milli tistħarreġ liema minn dawn kellhom dispożittiv antikompetittiv bħala natura.

93.      Huwa minnu li, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, fid-dawl tal-arranġamenti previsti mill-miżuri inkwistjoni u minħabba fid-diffikultà li tiġi żviluppata l-attività ta’ akkwist, li dawn il-miżuri kienu jimponu fuq il-membri tal-Grupp li kienu suġġetti għalihom, jew li jillimitaw l-attività ta’ ħruġ ta’ kards tagħhom, jew li jbatu l-ispejjeż (marbuta mal-ħruġ) li ma kinux sostnuti minn membri oħra tal-Groupement, fosthom il-mexxejja. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li “[d]awn l-arranġamenti jillimitaw b’hekk il-possibbiltà tal-membri hekk suġġetti sabiex jikkompetu (permezz tal-prezzijiet), fis-suq tal-ħruġ tal-kards, mal-membri tal-Groupement li ma kinux suġġetti għal dawn l-ispejjeż. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv intiż sabiex jostakola l-kompetizzjoni tal-membri ġodda (ara l-premessi 212, 213 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

94.      Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali adottat f’isimha, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li “il-funzjoni mogħtija mill-Groupement lill-MERFA (inkoraġġament għall-iżviluppar tal-akkwist) kienet kontradetta mill-eżistenza ta’ kummissjonijiet interbankarji li jinkoraġġixxu l-ħruġ tal-kards (ara l-premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata) u mill-fatt li l-miżata addizzjonali għas-sħubija u dik għal membri inattivi li jerġgħu jsiru attivi, kienu jissanzjonaw lill-banek li ma kinux ħarġu biżżejjed kards fil-passat reċenti (ara l-premessi 231 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata)”.

95.      Issa, għalkemm il-konstatazzjonijiet tagħhom ċertament isemmu l-kontenut tal-miżuri inkwistjoni, li, essenzjalment, huma intiżi sabiex jimponu ċerti spejjeż fuq ċerti banek u jistimulaw l-attività ta’ akkwist, jidhirli li kemm il-Kummissjoni u kemm il-Qorti Ġenerali naqsu milli juri fiex dawn il-miżuri kienu, minħabba l-kliem tagħhom stess, restrittivi għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk inżommu mat-termini tal-miżuri nnotifikati, kif irrapportati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Qorti Ġenerali, l-għan tagħhom jikkonsisti fl-issuġġettar ta’ parteċipazzjoni finanzjarja fuq il-membri tal-Groupement intiża sabiex tiffinanzja l-ispejjeż tal-funzjonament tas-sistema ta’ ħlas CB. Kif ser nindika iktar ʼil quddiem (ara, b’mod partikolari, il-punti 130 u 131 tal-konklużjonijiet preżenti), is-sempliċi fatt li ċerti membri tal-Groupement jistgħu jitwasslu, minħabba l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, jew li jillimitaw l-attività ta’ ħruġ tal-kards tagħhom jew li jbatu l-ispejjeż (marbuta mal-ħruġ tal-kards), li ma humiex sostnuti minn membri oħra tal-Groupement ma jistax jiġi kkwalifikat bħala restrittiv minħabba l-għan.

96.      It-tieni nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“ġenesi”, jiġifieri fir-rigward tal-proposti mressqa mill-mexxejja msemmija f’ċerti dokumenti preparatorji tal-miżuri inkwistjoni li nġabru waqt l-investigazzjonijiet, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, fuq aspetti diversi.

97.      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk kien mingħajr ma wettqet żball li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet uħud mill-proposti mressqa mill-mexxejja, qabel it-tfassil tal-miżuri inkwistjoni, lill-Groupement fit-totalità tiegħu. It-tieni nett, għandha tiġi analizzata l-importanza mogħtija lill-imsemmija proposti fl-evalwazzjoni tal-kontenut tal-miżuri u, fl-aħħar, ir-rilevanza tagħhom għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

98.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-proposti li ġew mill-mexxejja kinux jesprimu effettivament ir-rieda tal-Groupement innifsu, li huwa l-argument li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi xebbħet l-intenzjoni tal-Groupement mal-proposti mressqa mill-mexxejja jidhirli li huwa pjuttost konvinċenti.

99.      F’dan ir-rigward, osservajt li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tirrileva li “[p]eress li l-mexxejja huma parteċipanti informali fil-proċeduri, jiġifieri il-[Comité d’orientation monétique], li ppreparat il-miżuri inkwistjoni u tal-Bord tad-Direttur li adottahom, l-intenzjoni espressa mill-mexxejja tikkorrispondi essenzjalment ma’ dik tal-Groupement fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni” (punt 256 tas-sentenza appellata). Minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kkontradixxietx lilha nnifisha billi kkwalifikat lill-miżuri inkwistjoni bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi u għaldaqstant, billi rrikonoxxiet, permezz ta’ tali kwalifikazzjoni, li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu l-espressjoni tar-rieda tal-Groupement kollu billi bbażat ruħha fuq il-proposti tal-mexxejja sabiex tikkorrobora l-fatt li kellhom bħala għan l-esklużjoni ta’ membri ġodda (punt 257 tas-sentenza appellata).

100. Issa, sabiex tiġi vvalidata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fir-rigward tal-imputabbiltà tal-proposti mressqa mill-mexxejja għall-Groupement kollu, jidhirli li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika li l-proposti ġew minn ċerti mexxejja li kienu jesprimu l-espressjoni fidila tar-rieda tal-Groupement, u fin-nuqqas ta’ dan ma jistgħux jintrabtu mad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni f’din il-kawża (40). F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 7 tas-sentenza appellata, il-comité d’orientation monétique hija awtorità informali, mingħajr setgħa ta’ deċiżjoni.

101. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-importanza mogħtija lill-intenzjoni espressa fil-proposti mressqa mill-mexxejja fid-determinazzjoni tal-għan antikompetittiv tal-miżuri inkwistjoni, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li kien biss bħala bażi konfermattiva li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dokumenti miġbura waqt l-investigazzjonijiet dwar il-proposti mressqa mill-mexxejja waqt il-preparazzjoni tal-miżuri inkwistjoni (punti 134 u 267 tas-sentenza appellata) ma hijiex evidenti.

102. Huwa minnu li, jekk inżommu f’moħħna l-istruttura tal-parti ddedikata, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (41), jidher li l-Kummissjoni, qabel kollox, innotat li l-formola stess tal-miżuri kienet tikkontradixxi l-għanijiet iddikjarati fin-notifikazzjoni (42) u, fit-tieni lok, hija esponiet ir-raġunijiet għaliex fl-opinjoni tagħha, l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni hekk kif jirriżulta mill-formola stess tal-miżuri tikkorrispondi perfettament mal-għanijiet reali tal-miżuri, espressi fil-proposti mressqa mill-mexxejja waqt il-preparazzjoni tagħhom (43). Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li l-“l-għan antikompetittiv tal-MERFA kien ikkorroborat mid-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja waqt il-perijodu ta’ preparazzjoni tal-miżuri”(44).

103. Madankollu, jidher li l-Kummissjoni qisha, b’mod definittiv, tat l-istess importanza li tat lid-dokumenti li rriżultaw mill-“ġenesi” tal-imsemmija miżuri daqs kemm tat lill-eżami tal-formola tal-miżuri inkwistjoni.

104. Jidhirli li dan jirriżulta b’mod biżżejjed ċar mill-premessi 193 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata li, billi jissintesizzaw l-approċċ miżmum mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-għan antikompetittiv, jirreferu għad-dokumenti preparatorji. Barra minn hekk, u hekk kif wara kollox SG enfasizzat b’mod partikolari fil-kitbiet tagħha, il-parti ddedikata għall-eżami tal-arranġamenti għandha l-għan li tressaq il-prova negattiva li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkorrispondu mal-għan imsemmi. Il-prova pożittiva tal-għan antikompetittiv tal-miżuri inkwistjoni kienet fil-parti l-kbira bbażata fuq l-elementi materjali li rriżultaw mid-dokumenti preparatorji li rriżultaw mill-mexxejja (45).

105. Bl-istess mod, jidher li għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali adottat f’isimha xi kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-arranġamenti adottati mill-imsemmija miżuri, li għandhom jinqraw fid-dawl tad-dokumenti miġbura waqt l-investigazzjonijiet u li jindikaw il-proposti mressqa mill-mexxejja (46).

106. F’kull każ, jidher li huwa indispensabbli li jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, jekk il-proposti mressqa mill-mexxejja, bħala prova tal-ġenesi tal-miżuri inkwistjoni, setgħux jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

107. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi, anki jekk jitqies li dawn il-proposti huma effettivament rappreżentattivi tal-intenzjoni tal-Groupement, li jien jidhirli li għandu jiġi eskluż (ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv u, a fortiori, ta’ ftehim li fih restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

108. Huwa minnu li, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli joħduhom inkunsiderazzjoni (47).

109. Din il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni espressa mill-partijiet ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem ħlief bħala kompletament superfluwu u kumplimentari u ma jistgħux jissostitwixxu eżami ddettaljat tat-termini u tal-għanijiet tal-aġir akkużat. L-istess bħalma l-partijiet fi ftehim ma jistgħux jinvokaw assenza ta’ intenzjoni li jiksru l-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (48), ma jkunx suffiċjenti li tiġi indikata l-eżistenza ta’ tali intenzjoni sabiex jiġi konkluż li l-miżuri li huma ħadu kellhom għan antikompetittiv. L-intenzjoni espressa mill-partijiet ma għandha bl-ebda mod tittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ fejn, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, għandha ssir evalwazzjoni tal-impatt antikompetittiv tal-aġir tal-impriżi.

110. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, l-identifikazzjoni ta’ “għan antikompetittiv” jimplika eżami oġġettivament proprju, indipendenti mir-rieda tal-partijiet. Għaldaqstant, jien insostni li l-intenzjonijiet eventwalment espressi mill-parteċipanti fi ftehim meqjus, bħal, barra minn hekk, l-għanijiet eventwalment leġittimi segwiti minnhom, ma humiex direttament rilevanti meta għandu jsir eżami ta’ jekk l-imsemmi ftehim, tkun xi tkun il-forma li fiha jippreżenta ruħu, għandux “għan” antikompetittiv.

111. Fl-aħħar, fil-kuntest tal-parti preżenti tal-aggravju preżenti, l-appellant jinnota li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi mressqa. Dan l-iżnaturament jikkonsisti fil-fatt li, minbarra ammont kbir ta’ dokumenti li jattestaw li l-iżvilupp tal-attività ta’ akkwist ma kinitx neċessarjament diffiċli, il-Kummissjoni wettqet selezzjoni inopportuna fost il-proposti tal-mexxejja.

112. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li hija biss, bħala prinċipju, il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li ġew ippreżentati quddiemha. Żnaturament tal-provi jippresupponi li l-Qorti Ġenerali manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġjonevoli ta’ dawn il-provi (49), li għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdid tal-imsemmija provi. Meta l-appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minn dik il-qorti u jrid juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament (50).

113. Fil-kawża preżenti, l-iżnaturament allegat tad-dokumenti ma jirriżultax manifestament mid-dokumenti tal-fajl. Barra minn hekk, l-appellant naqas milli jidentifika b’mod preċiż id-dokumenti li, fl-opinjoni tiegħu, jattestaw tali żnaturament. Permezz tal-argumenti tiegħu, u minkejja li jinvoka żnaturament tal-provi, jidher li l-appellant irid fir-realtà jikseb evalwazzjoni ġdida tagħhom, u dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

114. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, jekk nillimitaw ruħna għall-eżami tat-termini stess tal-miżuri inkwistjoni, hekk kif imwettaq mill-Qorti Ġenerali, il-konklużjoni li tipprovdi li l-Kummissjoni kienet uriet suffiċjentement fil-liġi n-natura antikompetittiva minħabba l-għan tal-imsemmija miżuri hija diffiċli ħafna biex tinftiehem.

ii)    Fuq it-tieni parti, dwar l-eżami tal-għan tal-miżuri

115. L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta, filwaqt li rrikonoxxiet li l-ġlieda kontra l-parassitiżmu tas-sistema CB tikkostitwixxi għan leġittimu, irrifjutat li tevalwa dan l-għan fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE. Il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija eskluża peress li l-miżuri tal-Groupement jirriżultaw fi stimulazzjoni tal-attività ta’ akkwist u fir-riċerka ta’ ottimizzazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ akkwist u ta’ ħruġ. Dawn il-miżuri, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu adattati, peress li jikkonsistu f’miżuri sistematiċi meħuda fl-interess ġenerali tas-sistema CB, u bbilanċjati, peress li jħallu f’idejn kull membru tal-Groupement sabiex jagħmel l-għażla adattata għas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

116. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, hemm lok, b’mod partikolari, li jsir enfasi fuq l-għanijiet oġġettivi li dan huwa intiż biex jilħaq (51).

117. Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li dawn l-għanijiet oġġettivi, li għandhom jirriżultaw b’mod ċar mill-miżuri inkwistjoni, ma jistgħux jitħalltu mal-intenzjonijiet suġġettivi ta’ restrizzjoni jew le tal-kompetizzjoni, jew ukoll mal-għanijiet leġittimi eventwalment segwiti mill-impriżi previsti. Għaldaqstant, huwa stabbilit sew li ftehim jista’ jiġi kkunsidrat bħala li għandu għan restrittiv tal-kompetizzjoni anki jekk isegwi għanijiet oħra leġittimi (52).

118. Fil-kawża preżenti, kif għandhom jinftiehmu l-miżuri tariffarji meħuda mill-Groupement?

119. Bil-kontra ta’ dak li implikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jista’ jiġi affermat b’diffikultà li d-dispożittiv MERFA jippreżenta dannu tat-tip li huwa simili għal kartell (53) li jirrigwarda l-prezzijiet li, bħala tali huwa dannuż għall-kompetizzjoni. Bl-istess mod, minħabba r-raġunijiet esposti preċedentement, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża preżenti, li ma fihomx mekkaniżmu intiż sabiex jiġi ffavorizzat il-ħruġ ta’ ċerti kompetituri, jidhirli diffiċli li jistgħu jitqabblu mal-miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tas-suq inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ’il fuq.

120. Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jistabbilixxu metodi ta’ irtirar pagabbli mill-membri tal-Groupement, li, fil-fażi kemm tal-aċċess lejn u kemm tal-użu tas-sistema CB, joħorġu wkoll il-kards CB (l-attività tal-għoti tal-kards ta’ ħlas u/jew ġbid ta’ flus mill-proprjetarji tal-kards) u huma wkoll akkwirenti (attività ta’ affiljazzjoni tal-kummerċjanti li għandhom numru SIREN u użu tad-DAF).

121. Dawn il-miżuri kollha kienu, skont il-Groupement, intiżi sabiex jipproteġu s-sistema CB mill-fenomeni ta’ parassitiżmu ekonomiku li jirriżulta mill-attività tal-banek li jiżviluppaw prinċipalment attività ta’ ħruġ tal-kards u li japprofittaw, mingħajr kunsiderazzjoni, mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-investimenti mwettqa minn membri oħra tas-sistema fir-rigward tal-akkwisti.

122. Issa, anki jekk huwa aċċettat, hekk kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari l-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata), li l-ġlieda kontra l-parassitiżmu tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu, tali kunsiderazzjoni ma hijiex direttament rilevanti fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

123. Konsegwentement, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali kienet kompletament żbaljata meta kkonkludiet li l-għan tal-ġlieda kontra l-parassitiżmu ma kellux, b’mod ġenerali, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-fażi tal-eżami tal-miżuri fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE, iżda li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-benefiċċju eventwali ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

124. Madankollu, ma jidhirlix li din il-konklużjoni tagħmel sens, ħlief meta jkun stabbilit b’mod ċar, wara eżami ddettaljat, li l-miżuri kkontestati għandhom għan antikompetittiv. Huwa tabilħaqq meta jkun hemm aġir li għandu għan antikompetittiv manifest li l-fatt li dan isegwi għanijiet oħra ma jkollu l-ebda rilevanza.

125. Fil-każ kuntrarju, jiġifieri fil-preżenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan li ma ġiex stabbilit b’mod ċar — bħalma jidhirli li huwa l-każ fil-kawża preżenti — ikun hemm lok li jsir eżami tal-effetti antikompetittivi u, f’dan il-kuntest, li jiġu evalwati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri previsti fid-dawl tal-għan segwit (54).

126. Issa, huwa diffiċli għalija sabiex nara kif il-miżuri inkwistjoni jippreżentaw il-grad ta’ dannu meħtieġ mill-ġurisprudenza.

127. Qabel kollox, ma huwiex ikkontestat li dawn il-miżuri ġew adottati fid-dawl li tiġi stimulata l-attività ta’ akkwist ta’ CB fi ħdan is-sistema ta’ ħlas li ppreżentat żewġ lati marbuta mal-effetti tan-netwerk. Hekk kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni stess indikat li l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-kards u ta’ akkwist kienu indispensabbli għal xulxin u għall-funzjonament tas-sistema ta’ ħlas minn CB b’mod ġenerali, peress li, minn naħa, il-kummerċjanti ma jaċċettawx li jingħaqdu fis-sistema ta’ ħlas biċ-CB kieku n-numru ta’ detenturi tal-kards kien insuffiċjenti u min-naħa l-oħra, il-konsumaturi ma jkunux iridu li jkollhom fil-pussess tagħhom kard li ma tistax tintuża għand numru kunsiderevoli ta’ kummerċjanti.

128. B’hekk, il-miżuri kuntenzjużi kienu intiżi sabiex tinkiseb kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-membri li jieħdu benefiċċju dirett, fil-livell tal-attività tal-ħruġ tal-kards, mis-sħubija fis-sistema ta’ ħlas li jirriżulta mill-isforzi mwettqa minn membri oħra fil-livell tal-qasam tal-“akkwisti”. Dawn il-miżuri, b’mod partikolari l-MERFA, fihom, essenzjalment, dispożittiv intiż sabiex tintalab kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-membri li ma tantx huma attivi fil-qasam tal-“akkwisti”.

129. Issa, l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fuq il-membri ta’ netwerk li jibbenifikaw, mingħajr korrispettiv, mill-isforzi mwettqa minn membri oħra għall-finijiet tal-iżvilupp tan-netwerk ma jidhirlix li għandha għan antikompetittiv.

130. Huwa minnu, fil-kawża preżenti li l-livell ta’ ħlas mitlub jew id-diffikultajiet li sabu quddiem wiċċhom ċerti membri sabiex jiżviluppaw l-attività inkwistjoni setgħu jwasslu għal effett ta’ esklużjoni tal-membri li ma jħallsux il-miżati imposti abbażi tal-miżuri inkwistjoni. Madankollu, ħlief biex tinvoka t-teorija ta’ “faċilitajiet essenzjali” (55), li ma ġietx invokata mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti (56) u li l-applikabbiltà tagħha tidhirli li hija, fi kwalunkwe każ, dubjuża (57), ma jidhirx li hija kritikabbli mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

131. Fi kwalunkwe każ, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri kkontestati għandhom bħala riżultat li jġiegħlu ċerti membri tal-Groupement biex jew jillimitaw l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-kards jew sabiex iżidu l-attivitajiet ta’ akkwist tagħhom, li hija għażla diffiċli b’mod konkret u għaldaqstant twassal għall-esklużjoni tagħhom mis-sistema, din il-kwistjoni taqa’, f’kull każ, taħt l-eżami tal-effetti potenzjalment antikompetittivi tal-imsemmija miżuri u mhux tal-għan tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi, l-effetti ta’ esklużjoni li jimplikaw miżuri tariffarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti ma jistgħux jiġu eżaminati ħlief fil-fażi tal-eżami tal-effett antikompetittiv.

132. Qabel kollox, irrid nammetti l-perplessità tiegħi fir-rigward tal-qari mwettaq kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Qorti Ġenerali tal-miżuri kkontestati adottati mill-Groupement fir-rigward tal-membri kollha tiegħu li, hekk kif ġie rrilevat, huma jew mexxejja jew inkella membri marbuta jew affiljati ma’ dawn il-mexxejja (58). Fil-każ fejn il-miżuri tariffarji jmissu direttament jew indirettament il-membri tal-Groupement kollha, huwa diffiċli ħafna għalija sabiex nifhem kif dawn setgħu jkollhom dispożittiv ta’ natura antikompetittiva u wkoll sa fejn dawn kienu b’xi mod stabbiliti sabiex jaġevolaw lill-mexxejja (59).

133. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, bħat-termini tal-miżuri inkwistjoni, l-għanijiet li huma jsegwu ma humiex ta’ sostenn għall-konklużjoni li tipprovdi li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament l-eżistenza, fil-kawża preżenti, ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

iii) Fuq it-tielet parti, dwar l-eżami tal-kuntest tat-tfassil tal-miżuri

134. L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fl-analiżi tal-kuntest li jaqgħu taħtu l-miżuri inkwistjoni.

135. Fl-ewwel lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni il-kuntest ġuridiku, minn naħa, billi wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, b’mod partikolari tas-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq, u, min-naħa l-oħra, tal-kwistjonijiet koperti fil-prassi deċiżjonali preċedenti. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’mod partikolari minn motivazzjoni kontradittorja, sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punti 94 u 99 tal-imsemmija sentenza, kienet affermat li l-prattiki eżaminati fiż-żewġ deċiżjonijiet “Visa” (60) huma kemm kunsiderevolment differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti u kif ukoll li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw “sitwazzjonijiet simili jew identiċi”. L-iżball fl-analiżi jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni kienet hija stess aċċettat sabiex tiddiskuti impenji eventwali abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri miżuri ta’ natura “li tilħaq il-konċerni [li jissodisfaw il-ħsibijiet][...][tagħha]” u li ma jikkaratterizzawx kwalunkwe ksur tal-kompetizzjoni bħala tali.

136. Fit-tieni lok, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku, b’mod partikolari billi injorat il-funzjonament b’żewġ lati tas-sistemi ta’ ħlas biċ-CB.

137. Fit-tielet lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku billi naqset milli twettaq stħarriġ fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet dan l-istħarriġ minimu u oġġettiv tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, iżda llimitat ruħha, fil-punti 320 u 321 tas-sentenza appellata, li twarrab ċerti studji ekonomiċi prodotti mill-Groupement minħabba l-allegata kontradizzjoni tagħhom ma’ studji oħra.

138. Mill-eżami tal-ewwel żewġ partijiet tal-aggravju preżenti jirriżulta li, jekk nillimitaw ruħna għall-kontenut tal-miżuri inkwistjoni u tal-għan li kienu intiżi sabiex isegwu, l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ma hijiex stabbilita.

139. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi meħuda mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku (61) li huwa mdawwar bihom it-tfassil tal-miżuri inkwistjoni, ma għandhomx ikunu ta’ natura li jistabbilixxu waħedhom l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv. Hekk kif diġà indikajt qabel, l-eżami tal-kuntest ma jistax jegħleb in-nuqqas ta’ identifikazzjoni effettiva ta’ għan antikompetittiv (ara l-punt 44 tal-konklużjonijiet preżenti).

140. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi enfasizzat dak li ġej.

141. L-ewwel nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku, hekk kif semmejt preċedentement, l-esperjenza miksuba, li għandha tinftiehem f’sens wiesa’, hija parametru li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punti 55 et seq tal-konklużjonijiet preżenti).

142. Madankollu, għalkemm l-esperjenza miksuba tista’ indubitament issaħħaħ in-natura intrinsikament dannuża għall-kompetizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ kooperazzjoni fil-każ ta’ restrizzjonijiet ovvji u/jew evidenti, li għandhom, f’kull probabbiltà, impatt fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, jien minix konvint li jista’ jittieħed argument b’saħħtu mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-passat, ma qisitx li ftehim ta’ ċertu tip kien, minħabba l-għan tiegħu stess, restrittiv tal-kompetizzjoni ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jostakolaha milli tqis bil-kontra fil-futur wara eżami individwali u ddettaljat tal-miżuri kkontestati.

143. Fil-kawża preżenti, il-pożizzjonijiet li ħadet preċedentement il-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet adottati fil-kuntest tas-sistemi tal-ħlas, u partikolarment dawk li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet Visa 2001 u Visa 2002, anki jekk jitqies li dawn jipprevedu miżuri kunsiderevolment identiċi għal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, ma għandhomx neċessarjament jiġu ġġudikati minn qabel li għandhom natura restrittiva minħabba l-għan tal-imsemmija miżuri.

144. Xorta jibqa’ l-fatt li kellha tibqa’ viġilanti fuq il-motivi li kienu jiġġustifikaw l-injorar tal-konklużjonijiet li s’issa nżammu fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar is-suq tas-sistemi tal-ħlas. B’mod partikolari kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika kif il-miżuri inkwistjoni kellhom, b’differenza tal-miżuri adottati fl-istess suq, li s-similarità tagħhom ġiet irrikonoxxuta parzjalment minnha (62), grad ta’ dannu tali li setgħu jiġu analizzati bħala li għandhom għan antikompetittiv.

145. Fir-rigward tal-preċedent li tikkostitwixxi, fil-kawża preżenti, is-sentenza Beef Industry Development Society, iċċitata iktar ’il fuq, hekk kif diġà indikajt preċedentement fil-punti 69 sa 73 tal-konklużjonijiet preżenti, fl-opinjoni tiegħi din il-kawża tiddistingwixxi ruħha b’mod ċar mill-kawża preżenti minħabba diversi aspetti.

146. It-tieni nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku, il-Groupement jikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li warrbet il-karatteristiċi tas-sistema CB u, partikolarment, in-natura b’żewġ lati tas-sistema.

147. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi, anki jekk jitqies li seta’ jiġi dedott mit-termini u l-għanijiet segwiti mill-miżuri inkwistjoni li kellhom għan antikompetittiv, l-elementi tal-kuntest huma ta’ natura li jdgħajfu lil din il-konklużjoni.

148. Dwar dan il-punt, irrid infakkar li, sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni ma tistax, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ restrizzjoni li n-natura tagħha ma hijiex manifesta, tillimita ruħha għal eżami astratt.

149. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-interazzjonijiet eżistenti bejn il-qasam ta’ “ħruġ tal-kards” u l-qasam ta’ “akkwisti”, fil-kuntest tal-eżami tal-kuntest tat-tfassil tal-miżuri għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tidhirli distinta ħafna minn dik li tirrigwarda d-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fil-fatt, din ma hijiex kwistjoni ta’ kontestazzjoni tal-affermazzjoni li tipprovdi li s-swieq tal-ħruġ tal-kards u tal-akkwist huma distinti sew, iżda hija kwistjoni li jiġi eżaminat jekk il-kuntest ekonomiku ta’ tfassil tal-miżuri ttieħidx inkunsiderazzjoni suffiċjentement.

150. Fil-kawża preżenti, u hekk kif evokat ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-funzjonament tajjeb tas-sistema CB kien jeħtieġ li l-attivitajiet imsemmija tal-ħruġ tal-kards u tal-akkwist huma mwettqa b’mod ibbilanċjat. Taħt din il-perspettiva, ma jistax jiġi eskluż li l-kontribuzzjoni rispettiva ta’ kull wieħed mill-membri lejn l-iżvilupp ta’ kull waħda minn dawn il-funzjonijiet tista’ tittieħed inkwistjoni. Fil-fatt, kemm jekk huwa diġà membru jew operatur ġdid, il-membru tal-Groupement, li huwa attiv prinċipalment jew esklużivament fil-qasam tal-ħruġ taċ-CB, igawdi benefiċċju mill-investimenti mwettqa fid-dawl tal-iżvilupp tal-aspett “akkwist”, peress li dan tal-aħħar huwa parti essenzjali għas-sostenibbiltà tas-sistema.

3.      Konklużjoni

151. Bħala konklużjoni, jidher li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi kkonkludiet u żammet interpretazzjoni mhux restrittiva tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u, min-naħa l-oħra, billi applikat preċiżament tali approċċ fl-eżami tal-kontenut, tal-għanijiet u tal-kuntest tal-elaborazzjoni tal-miżuri kkontestati.

152. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika li l-Kummissjoni kienet, fir-rigward tat-termini, tal-għanijiet u tal-kuntest tat-tfassil tal-miżuri inkwistjoni, korretta meta kkonkludiet li l-imsemmija miżuri kienu jippreżentaw grad ta’ dannu tat-tip li l-effetti antikompetittivi tagħhom setgħu jiġu preżunti.

153. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi ċċensurata fuq dan il-punt u tista’, minħabba din ir-raġuni waħedha, tiġi annullata.

154. Peress li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżuri kellhomx effett antikompetittiv, il-kawża preżenti għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

155. Madankollu, u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni tiegħi, ser neżamina iktar ʼil quddiem, fil-qosor, it-tieni u t-tielet aggravji mressqa mill-appellant fil-kuntest ta’ dan l-appell.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-effett

156. L-appellant, sostnut minn BNP Paribas, josserva li, mill-455 punt li fiha s-sentenza appellata, erbgħa minnhom biss huma ddedikati għall-eżami tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni. Minbarra żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, il-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tirrispondi suffiċjentement fil-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellant, u dan bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma waslitx sabiex turi li l-miżuri inkwistjoni pprovokaw effettivament il-ħruġ mis-suq tal-membri l-ġodda jew il-limitazzjoni tal-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ CB.

157. Fil-kawża preżenti, billi l-Qorti Ġenerali ma rriċerkatx jekk il-miżuri kkontestati kellhomx effetti antikompetittivi, u fil-każ fejn kellu jiġi konkluż, bil-kontra ta’ dak li qed nissuġġerixxi jien, li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni kellhom bħala “għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv (63).

158. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita (64) u bħala kontinwazzjoni ta’ dak li indikajt preċedentement, meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim huwa stabbilit, ma hemmx lok li jiġu rriċerkati l-effetti antikompetittivi tiegħu.

159. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 269 sa 272 tas-sentenza appellata, in-natura ineffettiva tal-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-effetti tal-miżuri inkwistjoni, peress li kkonkludiet li l-imsemmija miżuri kellhom bħala għan li jostakolaw, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

160. Barra minn hekk, il-Qorti ma tistax tiġi akkużata li naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fuq dan il-punt. Fil-kawża preżenti, billi l-Qorti Ġenerali qieset li kien opportun, kif ukoll awtorizzata mill-ġurisprudenza sabiex tagħmel dan, li tillimita ruħha li twettaq eżami tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv, ma kellhiex għalfejn tesponi r-raġunijiet li minħabba fihom il-miżuri kkontestati kellhom, barra minn hekk, effetti antikompetittivi.

161. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindirizza d-domanda sabiex isir magħruf jekk, minkejja l-eventwali għan antikompetittiv tal-miżuri inkwistjoni, dawn setgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom effetti antikompetittivi. B’mod partikolari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni waslitx sabiex turi li l-miżuri kkontestati pprovokaw il-ħruġ mis-suq tal-membri ġodda jew limitazzjoni tal-pjan tal-ħruġ taċ-CB tagħhom. Dan huwa minnu iktar u iktar sa fejn, kif diġà semmejt preċedentement (65), il-Kummissjoni ddedikat parti sostanzjali tad-deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-effetti prodotti mill-miżuri inkwistjoni.

162. B’mod definittiv, fl-opinjoni tiegħi, dan l-aggravju ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirnexxi.

C –    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali billi naqset milli tannulla l-ordni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

163. L-appellant, li miegħu tingħaqad BNP Paribas, isostni li, billi ma annullatx l-ordni li tidher fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, imposta fuq il-Groupement sabiex jastjeni fil-futur minn kull miżura jew kull aġir li għandu għan jew effett identiku jew simili għall-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

164. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, l-appellant ifakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-obbligu impost mill-Kummissjoni ma kienx neċessarju fil-konfront tal-għan imfittex, jiġifieri li “itemm dan il-ksur”, sa fejn il-Groupement kien, anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, issospenda l-miżuri u sa fejn dan jimponi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, li dan itemm immedjatament il-ksur billi jirtira l-miżuri tariffarji nnotifikati. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-ordni kkonstatata kienet sproporzjonata sa fejn din tinfirex fuq il-miżuri li għandhom effett “simili”. Il-ħtieġa li tiġi limitata b’mod iktar strett din l-ordni kienet iktar essenzjali fil-kawża preżenti peress li l-miżuri inkwistjoni fihom diverġenzi maġġuri ta’ analiżi bejn il-Qorti Ġenerali u l-Groupement.

165. Imbagħad, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata kien fiha ambigwità qawwija fuq il-portata tal-ordni imposta, li tiġġenera inċertezza legali għall-Groupement fir-rigward tal-miżuri li hija awtorizzata tadotta fil-futur sabiex tiżgura l-kompetittività u l-iżvilupp tagħha. Fil-kawża preżenti, l-inċertezza tinsab fin-natura estremament ġenerali u impreċiża tal-kwalifikazzjoni tal-miżuri pprojbiti mill-Groupement fil-futur, li tista’ tkopri kull miżura ta’ bbilanċjar mill-ġdid meqjus bħala neċessarju fil-futur sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tas-sistema CB jew sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp tagħha. Għaldaqstant, il-Groupement isib ruħu pprojbit milli jadotta miżuri fid-dawl tal-ġlieda kontra l-fenomenu tal-parassitiżmu li l-imsemmija sistema hija vittma tagħha.

166. Ġie osservat li, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant għandu l-intenzjoni li jikkritika lill-Kummissjoni minħabba l-fatt li ma llimitatx b’mod iktar strett il-portata tal-ordni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma identifikat l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-konfront, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinżamm.

167. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju jirrepeti essenzjalment l-argumenti żviluppati insostenn tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv (66) u għandu, fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni biss, jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

168. B’dan ippreċiżat, l-aggravju preżenti jressaq problema interessanti, marbuta b’mod strett mal-eżami tal-ewwel aggravju, fir-rigward tas-setgħat ta’ ordni mogħtija lill-Kummissjoni u l-istħarriġ li għandu jitwettaq fuq l-eżerċizzju tagħhom mill-Qorti Ġenerali.

169. Fil-fatt, għalkemm il-partijiet jidhirli li ftehmu sabiex tiġi kkonstatata l-applikabbiltà tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, xorta tibqa’ d-domanda sabiex isir magħruf x’inhi l-portata tal-imsemmija prinċipji meta l-Kummissjoni tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju restrittiv “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

170. Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett utli ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, twassalni sabiex nikkonkludi li, ladarba tiġi stabbilità b’mod ċar l-eżistenza ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan”, il-Kummissjoni għandha d-dritt iġġiegħel lill-impriżi inkriminati sabiex mhux biss jissospendu u jirtiraw l-eżekuzzjoni tal-miżuri kkontestati, iżda wkoll sabiex tastjeni fil-futur mill-implementazzjoni ta’ kull miżura li għandha għan simili.

171. Barra minn hekk, huwa neċessarju li l-għan “antikompetittiv” li għandhom allegatament il-miżuri inkriminati jkun ġie identifikat b’mod ċar u ddettaljat, u dan, hekk kif diġà semmejt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, jidhirli li huwa nieqes.

172. Din il-ħtieġa tidhirli valida wkoll mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

173. Peress li l-għan antikompetittiv tal-miżuri kkontestati huwa suffiċjentement identifikat u identifikabbli, il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tordna lill-impriżi previsti sabiex jastjenu minn kull aġir simili. Il-validità ta’ tali approċċ tidhirli iktar kritikabbli kemm fil-każ fejn l-għan antikompetittiv ma huwiex iddefinit jew ma huwiex iddefinit b’mod suffiċjenti, kif ukoll meta, bħal fil-kawża preżenti, l-impriżi jkollhom jiddentifikaw huma stess il-firxa tal-ordni prevista.

V –    Konklużjoni

174. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta Novembru 2012, CB vs Il-Kummissjoni (T‑491/07), hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T-491/07 (iktar ʼil quddiem is-“sentenza appellata”).


3 – Ara l-punti 252 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata.


4 – Is-swieq b’żewġ lati jistgħu jiġu ddefiniti bħala swieq li fihom il-volum tat-tranżazzjonijiet imwettqa jiddependi mhux biss fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet imħallsa mill-membri tagħhom, iżda wkoll fuq l-istruttura tagħhom (J. C. Rochet u J. Tirole, “Two-sided markets : a progress report”, The RAND Journal of Economics, Vol. 37, Nru 3,‎ pp. 645-667.


5 – Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-kawża MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C‑382/12 P), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2014), tirrigwarda l-eżami ta’ ċerti deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tas-sistema ta’ ħlas bil-kards imsejħa “miftuħa”, ġestiti minn MasterCard. Jidher li din il-kawża, minbarra l-fatt li qajmet domandi ta’ dritt distinti minn dawk ippreżentati fil-kawża preżenti, tirrigwarda miżuri differenti ħafna ta’ taxxa fuq id-drittijiet multilaterali tal-interskambju (DMI).


6 –      Ir-Regolament tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).


7 –      Mid-deskrizzjoni tal-miżuri jirriżulta li, barra mill-miżuri tariffarji, il-miżuri nnotifikati kienu jipprovdu għal organizzazzjoni mill-ġdid tal-metodu ta’ kalkolu tad-drittijiet ta’ votazzjoni tal-membri fi ħdan il-Grupp.


8 – Mekkaniżmu ta’ regolament tal-funzjoni ta’ akkwist.


9 – Sistema ta’ identifikazzjoni fid-direttorju tal-impriżi.


10 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


11 –      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 102).


12 –      Il-Groupement jenfasizza li l-Kummissjoni ma tbiegħditx mill-konklużjonijiet miżmuma fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-6 ta’ Lulju 2004. Issa, wara smigħ li nżamm fis-16 u fis-17 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni ġiet mġiegħla tirtira din il-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma kienet ibbażata fuq ebda bażi serja.


13 –      Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008 (C‑209/07, Ġabra p. I‑8637).


14 –      Jiġi ppreċiżat li t-terminu “restrizzjoni” għandu jinftiehem bħala li jinkludi wkoll il-każijiet fejn il-kompetizzjoni hija “ostakolata” jew “distorta”. Bl-istess mod, ir-restrizzjoni inkwistjoni hawnhekk għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda mhux biss dik li tikkonċerna l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi fis-suq (“restraint of trade”), iżda wkoll dik li tirrigwarda l-funzjonament u l-istruttura tas-suq (“restriction of competition”).


15 –      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966 (56/65, Ġabra p. 337, 359).


16 –      Sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata ʼil fuq (punt 15).


17 –      Ara s-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 –      Sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 18).


19 –      Partikolarment, ġew ikkunsidrati bħala li għandhom tali għan antikompetittiv, l-iskambji ta’ informazzjoni intiżi sabiex jikkoordinaw l-aġir tal-kompetituri fis-suq (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529).


20 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429); tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131) (ftehimiet ta’ distribuzzjoni li jipprojbixxi l-kummerċ parallel bejn l-Istati Membri u li jistabbilixxi esklużività territorjali); tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon (243/83, Ġabra p. 2015) (sistema ta’ distribuzzjoni selettiva bl-iffissar tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid), kif ukoll, dik tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo‑Cosmétique, C‑439/09, Ġabra p. I‑9419 (sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tipprojbixxi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-bejgħ ta’ ċerti prodotti fuq l-internet).


21 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (p. 497).


22 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Miller International Schallplatten vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 7); Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26), kif ukoll tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 66).


23 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Roemer fil-kawża li tat lok għas-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (p. 525).


24 –      Sentenza tat-28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 19 sa 31).


25 –      Għal illustrazzjoni ta’ tali newtralizzazzjoni, ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 97).


26 –      F’dan is-sens, diversi awturi enfasizzaw li l-analiżi tal-għan hija applikazzjoni tal-analiżi tal-effetti (ara, pereżempju R. Wish, Introduzzjoni għar-raba’ round table tal-Konferenza News Frontiers of Antitrust tal-10 ta’ Frar 2012 intitolata “Anticompetitive object vs. anticompetitive effect : does it really matter ?”, Kompetizzjonijiet, Nru 2, 2012, p. 59 u l-paġni segwenti.


27 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006 (T‑168/01, Ġabra p. II‑2969, punt 147).


28 – Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell ippreżentat f’din il-kawża, waslet sabiex tiċċensura l-analiżi li tirrigwarda n-natura antikompetittiva tal-għan tal-ftehimiet ikkontestati, hija għamlet dan biss sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet issuġġettat l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv għall-prova li l-ftehim kien fih inkonvenjenzi għall-konsumaturi finali (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I-9291, punti 63 u 64).


29 –      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013 (C‑32/11).


30 –      Ara s-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 48).


31 –      L-importanza ta’ dawn il-konsegwenzi diġà ġew enfasizzati mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ʼil fuq.


32 –      Il-Kummissjoni tidher li adottat dan l-approċċ fil-Linji gwida dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE (ĠU C 101, p. 97), tas-27 ta’ April 2004. B’mod partikolari, hija tindika li: “[i]l-ftehimiet li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni huma dawk li, bħala natura, għandhom il-kapaċità li jagħmlu dan. Dan jirrigwarda restrizzjonijiet li, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, tant huma suxxettibbli li jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, li huwa inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) li jiġi pprovat li għandhom effetti konkreti fuq is-suq. Din il-preżunzjoni hija bbażata fuq il-gravità tar-restrizzjoni u fuq l-esperjenza li turi li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan huma suxxettibbli li jkollhom effetti negattivi fuq is-suq u li jipperikolaw l-għanijiet segwiti mir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni” (il-korsiv huwa miżjud minni)


33 –      Din il-ħtieġa hija konsistentement imfakkra fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti (ara s-sentenzi Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 15); T-Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 28); GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 55), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 135).


34 – Għandu jiġi nnotat bħala eżempju li, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ʼil fuq, l-Avukat Ġenerali Cruz Villalon iddikjara ruħu favur ta’ approċċ restrittiv, billi kkonkluda li l-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandha tinftiehem b’mod restrittiv u tiġi limitata għall-każijiet li fihom jeżisti riskju intrinsiku ta’ effetti dannużi li huma partikolarment gravi (ara l-punt 65 tal-imsemmija Konklużjonijiet). Fil-kawża li tat lok għas-sentenza T-Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ʼil fuq, l-Avukat Ġenerali Kokott jidher, bil-kontra, li ddikjara ruħu favur ta’ approċċ inqas deċisiv, billi indika li: “[ċ]ertament, il-kunċett ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv eċċessiv, minħabba l-konsegwenzi serji li jista’ jkun hemm għal impriża fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Iżda, dak il-kunċett lanqas ma għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta żżejjed, jekk il-projbizzjoni tad-dritt primarju fuq “ksur bil-għan” ma jispiċċax imwarrab permezz tal-interpretazzjoni u, bħala konsegwenza, l-Artikolu 81(1) KE jitnaqqaslu element mill-effettività prattika tiegħu. (ara l-punt 44 ta’ dawk il-konklużjonijiet).


35 –      Ara s-sentenza Beef Industry Develpment Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punti 31 u 32).


36 –      Ara s-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 33).


37 –      Ara s-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punti 34 sa 36).


38 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, punti 84 u 85).


39 –      Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 75).


40 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 64).


41 –      Punti 193 sa 251 tad-deċiżjoni kkontestata.


42 –      Parti 10.2.1.1 korrispondenti għall-punti 199 sa 234 tad-deċiżjoni kkontestata,


43 –      Parti 10.2.1.2 korrispondenti għall-punti 235 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata,


44 –      Punt 234 tad-deċiżjoni kkontestata.


45 –      Ara wkoll il-preżentazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata.


46 –      Ara, b’mod partikolari, il-punt 186 tas-sentenza appellata.


47 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49 –      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni (C‑260/09 P, Ġabra p. I‑419, punt 57), kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, punt 52).


50 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 50).


51 –      Ara s-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 21).


52 –      Bħal, b’mod partikolari, l-għanijiet legali tal-politika kummerċjali (sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 64) jew tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tat-tnaqqis tal-prezz tal-kontroll tal-konformità (sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25) kif ukoll ta’ miżuri intiżi sabiex jittrattaw kriżi fis-settur (sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 21).


53 –      Bil-kontra, jidher li t-tqabbil tal-miżuri inkwistjoni ma’ kartell bejn il-Groupement u l-mexxejja tiegħu ġiet, fl-ewwel lok (ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet), miżmuma mill-Kummissjoni, iżda abbandunata matul l-istruttorja.


54 –      Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris (161/84, Ġabra p. 353, punti 15 sa 17), u tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, Ġabra p. I‑5641).


55 –      Nixtieq infakkar li, abbażi ta’ din it-teorija, id-detentur ta’ riżors jew ta’ struttura għandu jrendiha disponibbli għall-kompetituri tiegħu meta l-aċċess għal din l-istruttura huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, Ġabra p. I‑5039).


56 –      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata (punti 66 sa 224).


57 –      Fil-XXXV rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2000 tagħha, il-Kummissjoni kienet indikat hija stess dak li ġej, jiġifieri: “[i]l-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema CB ma tikkostitwixxix infrastruttura essenzjali u li, konsegwentement, il-Groupement jista’ jiddetermina jekk jagħtix l-aċċess għaliha lill-kompetituri tiegħu (taħt il-kundizzjoni li ma jwettaqx diskriminazzjoni bejniethom)” (punt 207 ta’ dan ir-rapport).


58 –      Ara l-punt 3 tas-sentenza appellata, li jirrepeti l-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata.


59 –      Ara l-punt 130 tas-sentenza appellata. BNP Paribas enfasizzat, kemm fir-risposta tagħha u kemm waqt is-seduta, li din kienet b’mod partikolari il-premessa, fl-opinjoni tagħha żbaljata, li tipprovdi li l-mexxejja kollha ma kinux suġġetti għall-miżuri inkwistjoni, li ġġustifikat id-deskrizzjoni ta’ ksur minħabba l-għan. Billi kkonstatat din il-premessa bażika, il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.


60 –      Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, jiġifieri d-Deċiżjoni 2001/782/KE, tad-9 ta’ Awwissu 2001 (Kawża COMP/29.373 — Visa International) (ĠU L 293, p. 24, iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni Visa 2001”), u d-Deċiżjoni 2002/914/KE, tal-24 ta’ Lulju 2002 (Kawża COMP/29.373 − Visa International — Tariffi multilaterali tal-interkambju) (ĠU L 318, p. 17, iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni Visa 2002”).


61 –      Minkejja li l-ilmenti esposti mill-appellant huma mqassmin fi tliet punti, jidhirli li t-tielet wieħed, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata peress li naqset milli twettaq l-istħarriġ tagħha fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, jintrabat faċilment ma’ dak li jirrigwarda l-eżami tal-kuntest ekonomiku.


62 –      Dan minkejja l-fatt li jidher li teżisti kontradizzjoni żgħira bejn il-konklużjoni miżmuma fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-miżuri inkwistjoni fid-deċiżjonijiet Visa 2001 u Visa 2002 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli, u dik, imsemmija fil-punt 99 tal-istess sentenza, li tipprovdi li “ma jistax jiġi dedott mill-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha, lil’hinn mill-fatt li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’referenza għall-proċess fil-kawża inkwistjoni, tesponi speċifikament ir-raġunijiet għaliex hija waslet għal konklużjoni differenti minn dik li nżammet fil-kawża preċedenti li tirrigwarda sitwazzjonijiet simili jew identiċi jew li għandha l-istess atturi ekonomiċi”.


63 –      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari li l-eżami prijoritarju tal-argumenti dwar l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, fil-konfront ta’ dawk li jirrigwardaw l-effetti antikompetittivi tiegħu, huwa iktar ġustifikat peress li, jekk l-iżball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-għan tal-imsemmi ftehim ikun twettaq, ikun hemm lok li jiġi miċħud l-appell intiż kontra l-motivi tas-sentenza appellata dwar l-effetti antikompetittivi tal-ftehim (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 56).


64 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq LTM u Beef Industry Development Society u Barry Brothers (punt 16).


65 –      Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.


66 –      Ara l-punti 435 sa 452 tas-sentenza appellata.