Language of document : ECLI:EU:F:2012:136

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Settembru 2012

Kawża F‑51/10

Moises Bermejo Garde

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Att li jikkawża preġudizzju — Interess ġuridiku — Rekwiżiti lingwistiċi — Awtorità kompetenti sabiex tadotta avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Uffiċċju tal-KESE”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a, li bih M. Bermejo Garde talab l-annullament ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat mill-KESE.

Deċiżjoni: L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa annullat. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-KESE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat li jbati l-ispejjeż imġarrba mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Kundizzjonijiet li jeskludu lill-uffiċjali eliġibbli għat-trasferiment jew għall-promozzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29,90 u 91)

2.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors intiż sabiex jiġi evitat li terġa’ sseħħ, fil-futur, illegalità li tolqot att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni — Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Adozzjoni ta’ avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti li għandu differenzi sostanzjali mill-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Awtorità kompetenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

1.      Meta uffiċjal huwa eliġibbli li jokkupa, permezz ta’ trasferiment jew ta’ promozzjoni, impjieg kopert minn avviż ta’ pożizzjoni vakanti, dan l-avviż jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan l-uffiċjal sa fejn il-kundizzjonijiet li huwa jiddefinixxi għandhom l-effett li jeskludu l-kandidatura tiegħu.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il-Parlament, 79/74, punt 6; 11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il-Kummissjoni, 25/77, punt 8

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2006, Corvoisier et vs BĊE, F‑13/05, punt 42; 9 ta’ Lulju 2009, Torijano Montero vs Il-Kunsill, F‑91/07, punt 27

2.      Rikorrent jista’ jiġġustifika interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma terġax isseħħ fil-futur.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, punti 50 et seq

3.      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), is-setgħat mogħtija bir-Regolament tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra huma eżerċitati, sa fejn jirrigwarda l-uffiċjali fil-gradi AD 16, AD 15 u AD 14, mill-Uffiċċju tal-KESE dwar l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għaldaqstant, avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti intiża li timtela, skont il-proċedura tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-pożizzjoni ta’ Direttur tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ġenerali tal-KESE fil-grad AD 14, li għandu differenzi sostanzjali mill-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar il-kwalifiki rikjesti, jirrikjedi deċiżjoni ġdida tal-Uffiċċju, skont l-Artikolu 72 tar-Regoli tal-Proċedura.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta ffirma dan l-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti mingħajr ma ġiet adotta għal dan il-għan minn qabel deċiżjoni ġdida tal-Uffiċċju, il-President tal-KESE eċċeda l-kompetenza tiegħu, li wassal għall-annullament tal-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti.

(ara l-punti 60, 61, 65 u 68 sa 71)