Language of document : ECLI:EU:F:2012:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Settembru 2012

Kawża F-41/10

Moises Bermejo Garde

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Talba għall-assistenza — Dritt ta’ żvelar — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Bermejo Garde jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minn naħa, ċaħad it-talba għall-assistenza mressqa minħabba l-fastidju psikoloġiku subit u rrifjuta li jressaq il-każ quddiem l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u, min-naħa l-oħra, temm il-funzjonijiet preċedenti tiegħu u ordna l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu, kif ukoll il-kundanna tal-KESE sabiex iħallsu d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Nota tal-amministrazzjoni li tinforma lill-persuna kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi, fil-futur, għall-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikorsi ppreżentati minn uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra rifjut tal-amministrazzjoni li tressaq il-każ quddiem l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Assenza ta’ lmenti personali — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju — Portata — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-assistenza — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit ta’ natura repetittiva tal-aġir — Rekwiżit ta’ natura intenzjonali tal-aġir — Portata — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni malizzjuża tal-persuna li tikkawża l-fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

5.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar ta’ fatti li jħallu li tkun preżunta l-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas gravi — Protezzjoni kontra proċeduri dixxiplinari — Kundizzjoni — Bona fides tal-uffiċjal — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 22a)

6.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7)

1.      Jistgħu jikkawżaw preġudizzju biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jkunu ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, u dawk l-atti jew miżuri joħorġu minn awtorità kompetenti u jikkonfermaw pożizzjoni definittiva meħuda mill-amministrazzjoni. Is-sempliċi manifestazzjoni, min-naħa tal-awtorità kompetenti, tal-intenzjoni li tieħu, fil-futur, deċiżjoni speċifika, bħal dik tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, ma tistax toħloq drittijiet jew obbligi korrispondenti min-naħa tar-rikorrent.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, punt 27; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, punt 35

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2010, Da Silva Pinto Branco vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja F-52/09, punt 32

2.      Uffiċjal ma huwiex awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jinvoka biss, insostenn ta’ rikors, ilmenti li jikkonċernaw lilu personalment. Issa, li jiġi aċċettat li uffiċjal li jkun avża lis-superjur ġerarkiku tiegħu bl-eżistenza ta’ irregolaritajiet li ma jikkonċernawhx direttament jista’ jippreżenta rikors kontra r-rifjut ta’ dan is-superjur ġerarkiku li jikkomunika din l-informazzjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jkun jammonta għal ammissjoni li dan l-uffiċjal huwa awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi. Madankollu, dan l-uffiċjal għandu l-possibbiltà, fl-ipoteżi fejn ikun jidhirlu li safa vittma ta’ deċiżjoni li tippreġudika l-interessi tiegħu minħabba l-informazzjoni mogħtija lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, li jippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Lulju 1998, Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑178/97, punt 39

3.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil tali persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Madankollu, il-proċedura miftuħa mit-talba għall-assistenza ppreżentata skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax titqies bħala proċedura miftuħa kontra l-persuna kkonċernata. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiċħad talba għall-assistenza ma hijiex fost in-numru ta’ deċiżjonijiet li għalihom id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1997, Gaspari vs Il‑Parlament, T‑36/96, punt 32; 27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, punt 72

4.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex iseħħ jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jimmanifestaw ruħhom “tul perjodu, [...] ripetittiv[...] jew sitematik[u]”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament ratione temporis u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir repetut u kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni kumulattiva, magħquda mal-ewwel waħda bil-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħ b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa biżżejjed li dak l-aġir, meta jkun twettaq b’mod volontarju, ikun wassal oġġettivament għal dawk il-konsegwenzi.

(ara l-punti 82, 83)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punt 135, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P; 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, punt 65

5.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk uffiċjal użax bil-bona fides id-dritt ta’ żvelar previst fl-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, ċertu numru ta’ fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni li l-uffiċjal jiddeċiedi li jikkomunika lill-ġerarkija tiegħu jew, jekk ikun il-każ, direttament lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, tikkonċernax irregolaritajiet li jippreżentaw, fl-ipoteżi fejn dawn effettivament ikunu twettqu, gravità ċara. It-tieni fattur li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni huwa l-awtentiċità jew, ta’ mill-inqas, in-natura probabbli tal-informazzjoni żvelata. Effettivament, l-eżerċitar tal-libertà ta’ espressjoni, li taħtha taqa’ l-possibbiltà għal uffiċjal li jakkuża fastidju psikoloġiku jew l-eżistenza ta’ fatti illegali jew nuqqas serju mill-obbligi ta’ uffiċjali, jinvolvi dmirijiet u responsabbiltajiet, u kull minn jagħżel li jiżvela tali informazzjoni għandu jivverifika b’attenzjoni, sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu dan, li dawn huma korretti u kredibbli. B’hekk, l-uffiċjal li jakkuża irregolaritajiet li jaqgħu, fil-fehma tiegħu, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa obbligat li jiżgura li l-akkużi li huwa jagħmel ikunu bbażati fuq fatti preċiżi jew, ta’ mill-inqas, li jkunu bbażati fuq bażi fattwali suffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda biss il-komunikazzjoni ta’ fatti konkreti li l-ewwel evalwazzjoni tagħha setgħet twassal lill-uffiċjal li jikkomunikahom biex jippreżumi raġonevolment l-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas serju u li din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, tkun ikkonċiljata mal-obbligi ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li għandhom l-uffiċjali, bl-obbligu li jħarsu d-dinjità tal-funzjoni tagħhom u bid-dmir tagħhom ta’ lealtà, kif ukoll bl-obbligu li jiġi rrispettat l-unur u l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-persuni kkonċernati. Minbarra dan, għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-mezzi użati mill-uffiċjal biex jipproċedi għall-iżvelar u, b’mod partikolari fir-rigward ta’ irregolaritajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi vverifikat jekk l-uffiċjal ikunx indirizza ruħu lill-awtorità jew korp kompetenti, jiġifieri “lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk taħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).”. Finalment, il-motiv ta’ uffiċjal li jakkuża illegalitajiet huwa fattur ieħor għall-evalwazzjoni tal-punt jekk huwa jkunx aġixxa in bona fides. Akkuża mmotivata minn ilment jew minn animosità personali jew inkella mill-perspettiva ta’ vantaġġ personali, speċjalment qligħ pekunjarju, ma tistax titqies bħala akkuża in bona fides. Barra minn hekk, uffiċjal għandu l-obbligu li juri l-ikbar prudenza u rażan fil-pubbliċità mogħtija lil allegazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-OLAF

(ara l-punti 134 sa 138 u 150)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, punti 66 sa 70 u 80

6.      Minkejja li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 7, ma jipprevedux espliċitament il-possibbiltà ta’ “assenjazzjoni mill-ġdid” ta’ uffiċjal, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom fid-dawl tal-missjonijiet li huma fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jkun għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li min-naħa waħda din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u, minn naħa l-oħra, li tiġi osservata l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-Awtorità tal-Ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan ir-rigward, diffikultajiet relazzjonali interni, meta jkunu jikkawżaw tensjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, sabiex tintemm sitwazzjoni amministrattiva li tkun saret insostenibbli. Tali assenjazzjoni mill-ġdid, deċiża fl-interess tas-servizz, ma teħtieġx il-kunsens tal-uffiċjal ikkunsidrat. Barra minn hekk, għall-finijiet li jiġi eżaminat jekk tensjonijiet fir-relazzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, huwa irrilevanti li tiġi ddeterminata l-identità tal-persuna responsabbli għall-inċidenti inkwistjoni jew anki li jiġi stabbilit jekk l-allegazzjonijiet ifformulati jkunux fondati.

F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, f’każ ta’ bidla fil-funzjonijiet mogħtija lil uffiċjal, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, timplika paragun bejn il-grad u l-funzjonijiet attwali tal-uffiċjal u mhux paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u dawk preċedenti tiegħu. Għalhekk, din ir-regola ma tipprekludix li deċiżjoni twassal għall-attribuzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u jkunu pperċepiti mill-individwu kkonċernat bħala li jikkonsistu fi tnaqqis tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikunu madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tiegħu. B’hekk, tnaqqis effettiv tar-responsabbiltajiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ħlief jekk dawk ir-responsabbiltajiet ġodda jkunu, fit-totalità tagħhom, nettament ta’ livell inferjuri, minn dawk li jikkorrispondu mal-grad u mal-pożizzjoni tiegħu, meta jitqiesu n-natura, l-importanza u d-dimensjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-uffiċjali ebda dritt għal pożizzjoni partikolari, iżda għall-kuntrarju jħallu lill-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza li tassenja lill-uffiċjali, fl-interess tas-servizz, għal diversi pożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-grad tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom u l-preferenzi personali tagħhom, madankollu l-uffiċjali ma jistgħux jingħataw id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi jew li jirrifjutaw kull funzjoni oħra relatata mal-pożizzjoni tagħhom.

(ara l-punti 156, 158, 159 u 162 sa 164)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1979, List vs Il‑Kummissjoni, 124/78, punt 13; 22 ta’ Ottubru 1981, Kruse vs Il‑Kummissjoni, 218/80, punt 7; 1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il‑Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, punti 41 sa 44; 23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, punti 6 u 7; 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C-149/88, punt 22; 12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, punt 41

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Ottubru 1990 Pitrone vs Il‑Kummissjoni, T‑46/89, punt 35; 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, punti 88 u 105; 15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, punt 138; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Jannar 2007 de Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, punt 55; 8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑119/06, punt 96