Language of document : ECLI:EU:F:2012:181

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tal-11 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑97/11

Philippe Vienne

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Skema ta’ ħlas — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Tmiem tad-dritt tal-allowance tad-dar — Xoljiment taż-żwieġ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Vienne jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament Ewropew stabbilixxa għall-1 ta’ Marzu 2011 id-data tat-tmiem tal-ħlas tal-allowance tad-dar li kienet qiegħda tingħatalu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż tal-Parlament.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Data tat-tmiem tad-dritt għall-allowance tad-dar — Evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt nazzjonali — Data tax-xoljiment taż-żwieġ

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 16(3))

Mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tiegħu, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni li għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Mandankollu, anki fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta l-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt tal-Unjoni jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni l-elementi li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata tiegħu, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma.

Issa, skont id-dritt tal-Istati Membri tal-Unjoni, żwieġ joħloq ċertu numru ta’ obbligi reċiproċi bejn il-miżżewġin, b’mod partikolari ta’ natura pekunjarja, bħalma huwa l-obbligu ta’ għajnuna, u x-xoljiment taż-żwieġ itemm dawn l-obbligi. Sa fejn, l-allowance tad-dar għandha l-għan li tikkumpensa dawn l-ispejjeż supplimentari li jsiru minħabba fiż-żwieġ, ix-xoljiment taż-żwieġ iġib miegħu l-estinzjoni tad-dritt tal-uffiċjal miżżewweġ li jibbenefika mill-allowance tad-dar li kien jirċievi minħabba fiż-żwieġ tiegħu.

Konsegwentement, l-Artikolu 16(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ uffiċjal li jirċievi l-allowance tad-dar minħabba fiż-żwieġ tiegħu, id-data li fiha jtemm id-dritt li jirċievi l-imsemmija allowance tikkorrispondi għal dik tax-xoljiment taż-żwieġ tiegħu.

(ara l-punti 29 sa 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il-Parlament, T‑43/90, punt 36; 11 ta’ Ġunju 1996, Pavan vs Il-Parlament, T-147/95, punt 42; 22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il-Kummissjoni, T-342/04, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 62