Language of document : ECLI:EU:F:2012:157

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑1/11

Zdenek Soukup

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kompetizzjonijiet ġenerali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Evalwazzjoni tal-eżami orali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Z. Soukup jitlob l-annullament, minn naħa, l-ewwel nett tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/144/09 li ma tinkludihx fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni, it-tieni nett tad-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Għażla li tinkludi kandidat ieħor f’din il-lista, it-tielet nett ta’ “l-operat kollu tal-Bord tal-Għażla li pproċeda għalih il-bord sa mill-istadju fejn seħħew l-irregolaritajiet imsemmija”, u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 25 000 għad-dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Atti tal-amministrazzjoni – Preżunzjoni ta’ validità – Kontestazzjoni – Oneru tal-prova – Obbligu li jitressqu indizji ta’ natura li jikkontestaw il-legalità tal-att

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla – Relazzjoni li permezz tagħha membru tal-Bord tal-Għażla u kandidat ikunu jafu lil xulxin

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11(a))

1.      Minn naħa, att amministrattiv igawdi minn preżunzjoni ta’ legalità u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova, bħala prinċipju, jaqa’ fuq min jallega, b’tali mod li huwa għall-persuna kkonċernata li tipprovdi għall-inqas indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konsistenti ta’ natura tali li jsostnu l-verità jew il-plawżibbiltà tal-fatti insostenn tal-allegazzjoni tagħha.

Konsegwentement, fil-każ ta’ kompetizzjoni, persuna kkonċernata li ma pprovdiet la prova u lanqas sensiela ta’ indizji, għandha taċċetta l-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni u ma tistax teħtieġ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija stess teżamina l-atti tal-kandidatura tal-kandidati li għaddew sabiex jiġi vverifikat jekk ċertu kandidati li għaddew ma ġewx irregolarment ammessi għall-kompetizzjoni.

(ara l-punt 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il‑Kummissjoni, F‑15/08, punt 21

2.      Relazzjoni li permezz tagħha membru tal-Bord tal-Għażla u kandidat ikunu jafu lil xulxin ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha biex turi li dan il-membru għandu interess personali fis-sens tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, li bħala tali hija tista’ tqiegħed fid-dubju l-imparzjalità tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li membru tal-Bord tal-Għażla personalment jaf wieħed mill-kandidati ma jimplikax neċessarjament li dan il-membru ser ikun ta’ preġudizzju billi jiffavorixxi l-prestazzjoni ta’ dan il-kandidat. Barra minn hekk, peress li eżami orali ma jistax, min-natura tiegħu, ikun anonimu, il-fatt li kandidat wieħed jew iktar jaħdmu fl-istess istituzzjoni bħal dik ta’ membru jew żewġ membri tal-Bord tal-Għażla, ma huwiex fih nnifisu ċirkustanza ta’ natura tali li tipprovdi lill-Bord tal-Għażla informazzjoni li hija ma hijiex awtorizzata tkun taf.

(ara l-punt 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il‑Kummissjoni, F‑16/07, punt 44