Language of document : ECLI:EU:F:2012:153

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑120/11

Mario Paulo da Silva Tenreiro

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Pożizzjoni ta’ direttur — Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Opinjoni tal-bord ta’ preselezzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. P. da Silva Tenreiro jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direttorat A “Ġustizzja ċivili” fid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ġustizzja”, kif ukoll tad-deċiżjoni li taħtar lil Y f’din il-pożizzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Determinazzjoni tal-kwalifiki minimi meħtieġa għall-pożizzjoni li għandha timtela — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-redazzjoni tal-opinjoni — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

2.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni li timtela permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Pożizzjoni ta’ direttur — Kompetenza għat-tmexxija — Kundizzjoni li tista’ tkun issodisfatta permezz tal-esperjenza miksuba f’kuntest differenti mill-qasam ta’ azzjoni tad-direttorat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1)(a) u 45(1))

3.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Eżami tal-kandidaturi fid-dawl tal-kundizzjonijiet avżati — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

4.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni li timtela permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Distinzjoni bejn il-proċedura sabiex timtela pożizzjoni u l-proċedura ta’ promozzjoni — Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-rapporti ta’ evalwazzjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1)(a) u 45)

1.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għal dan il-għan li jista’ jwassal għall-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u tal-ħatra li eventwalment issir.

Għaldaqstant, il-provi li għandu jressaq ir-rikorrent għandhom ikunu biżżejjed sabiex irendu implawsibbli n-natura xierqa tal-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha timtela, kif indikati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, fid-dawl tal-interess tas-servizz. Fi kliem ieħor, u b’mod iktar ġenerali, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi mressqa mir-rikorrent, l-għażla kkontestata xorta waħda tkun tista’ titqies li hija valida.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T‑93/03, punt 72

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni, F-72/10, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑634/11 P, punt 61; 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F-80/10, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għal pożizzjoni vakanti, jista’ jiġi aċċettat li direttur ikollu formazzjoni jew esperjenza li ma taqax esklużivament fil-qasam ta’ azzjoni tad-direttorat li jkun meħtieġ imexxi, sa fejn konoxxenzi speċifiċi jistgħu jinstabu fi ħdan l-istess direttorat, fil-livell tal-kapijiet ta’ unità u tal-kollaboraturi tagħhom, u sa fejn l-enfasi tkun iktar fuq il-kwalitajiet ġenerali ta’ tmexxija, ta’ analiżi u ta’ ġudizzju f’livell għoli.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Marzu 1993, Booss u Fischer vs Il-Kummissjoni, T‑58/91, punt 69

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62

3.      Hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tevalwa l-osservanza minn kandidat tal-kundizzjonijiet meħtieġa fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata biss fil-każ ta’ żball manifest. Għaldaqstant, ħlief sabiex jikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-Tribunal ma jistax jieħu post din l-awtorità billi jistħarreġ l-evalwazzjonijiet magħmula minnha fir-rigward tal-kompetenzi professjonali tal-kandidati.

F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li din l-awtorità wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma tatx importanza lill-esperjenza speċifika tar-rikorrent fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha timtela, meta tali esperjenza speċifika fir-rigward tal-funzjonijiet marbuta mal-pożizzjoni ma tkunx kundizzjoni fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, tali argumenti ma jistax ikollhom rwol fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 13 ta’ Diċembru 1990, Kalavros vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑160/89 u T‑161/89, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, punt 124

4.      Hemm differenzi bejn il-proċedura sabiex timtela pożizzjoni vakanti permezz ta’ trasferiment jew ta’ promozzjoni, li tiżvolġi skont l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-proċedura ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Filwaqt li din il-proċedura tal-aħħar hija intiża li taġġusta l-karriera tal-uffiċjali minħabba l-isforzi tagħhom u minħabba l-merti li juru fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jiġifieri li tikkumpensa lill-uffiċjali li, fil-passat, ikunu wrew merti globalment superjuri, il-proċedura sabiex timtela pożizzjoni vakanti hija intiża li jinstab, fl-interess biss tas-servizz, l-uffiċjal li jkun l-iktar xieraq sabiex jeżerċita l-funzjonijiet inerenti għall-pożizzjoni li għandha timtela. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti, l-amministrazzjoni ma hijiex meħtieġa tibbaża l-evalwazzjoni tagħha esklużivament fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni iżda tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra li jikkonċernaw il-merti tal-kandidati u li jistgħu jirrelativizzaw l-evalwazzjoni magħmula f’dawn ir-rapporti fir-rigward tal-merti murija fil-passat mill-kandidati.

(ara l-punt 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Konidaris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91 u 92