Language of document : ECLI:EU:F:2012:168

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

3 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑45/12

BT

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt — Rikors immotivat insuffiċjentement — Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BT jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Assenza ta’ ċarezza — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 19, paragrafu 3, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

Għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli t-talbiet ta’ rikors li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mitluba permezz tal-Artikolu 35(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sa fejn l-ebda motiv ta’ dritt ma jirriżulta b’ċarezza biżżejjed biex ikun faċilment u eżattament identifikabbli mill-konvenut kif ukoll mill-qorti adita. Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 35(1)(e), ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors innifsu. Minkejja li għandu jiġi ammess li d-dikjarazzjoni tal-motivi tar-rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u mal-ordni użat fir-Regoli tal-Proċedura u li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, bis-sustanza tagħhom iktar milli permezz tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, jistgħu jkunu biżżejjed, dan huwa, madankollu, bil-kundizzjoni li l-imsemmija motivi jirriżultaw mir-rikors b’mod ċar biżżejjed.

F’dan ir-rigward, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut, jipprovdi li l-partijiet minbarra l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li hija koperta mill-imsemmi ftehim, għandhom jiġu rrappreżentati minn avukat. L-irwol prinċipali ta’ dan tal-aħħar, bħala rappreżentant legali, huwa li jiżgura li t-talbiet tar-rikors ikunu bbażati fuq argumentazzjoni legali li tkun suffiċjentement komprensibbli u koerenti, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura bil-miktub quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi bħala prinċipju skambju wieħed biss ta’ noti.

(ara l-punti 15 sa 19 u 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, AH vs Il‑Kummissjoni, F‑76/09, punti 29 u 31