Language of document : ECLI:EU:F:2012:186

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑70/11

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2008 — Eżenzjoni part-time għal skopijiet ta’ rappreżentazzjoni sindakali — Rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-funzjonijiet eżerċitati fid-dipartiment assenjat — Konsultazzjoni tal-grupp ad hoc — Nomina skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Nomina sindakali — Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih G. Lebedef jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-funzjonijiet eżerċitati fid-dipartiment assenjat lilu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Eżenzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal nofs il-ħin għal finijiet sindakali — Nomina sindakali matul nofs il-bqija tal-ħin — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Ksur tar-regoli tal-proċedura — Impatt fuq il-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Uffiċjal eżentat mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal nofs il-ħin tax-xogħol għal finijiet sindakali jew ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal jista’ barra minn hekk jibbenefika, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet matul nofs il-bqija tal-ħin tax-xogħol, minn nomina sindakali li tippermettilu jeżerċita attivitajiet sindakali. Madankollu, huwa neċessarju li n-nomina minn organizzazzjoni sindakali jew professjonali rappreżentattiva tkun stabbilita b’mod ċar.

Barra minn hekk, tali nomina sindakali jew skont ir-Regolamenti tal-Persunal ma jista’ jkollha la bħala skop u lanqas bħala effett li tbiddel, de facto, eżenzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal finijiet sindakali jew ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal mogħtija għal nofs il-ħin tax-xogħol f’tali eżenzjoni iżda għat-totalità tal-ħin tax-xogħol. Il-fatt li jiġi aċċettat li uffiċjal jew membru tal-persunal li ma ġiex eżentat mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għal finijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal jiddedika l-kważi totalità jew saħansitra t-totalità tal-ħin tax-xogħol tiegħu għar-rappreżentazzjoni tal-persunal, b’tali mod li jiddedika biss ftit, jew ebda mill-ħin tax-xogħol fid-dipartiment assenjat lilu, għandu l-effett li jevadi s-sistema implementata mid-diversi ftehim konklużi bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali rappreżentattivi u jista’ jikkostitwixxi, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, abbuż ta’ dritt.

(ara l-punti 41 u 51)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑36/07; 7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑39/08, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux l-obbligu li jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni fuq il-kapaċitajiet professjonali ta’ uffiċjal, meta din ikun fiha kunsiderazzjonijiet kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom stess, ma jkunux suġġetti għal verifika oġġettiva.

(ara l-punt 58)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F‑80/10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Biex ksur tar-regoli tal-proċedura jkun jista’ jikkostitwixxi irregolarità sostanzjali ta’ natura li tinvalida r-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni, hemm bżonn li, fin-nuqqas ta’ tali ksur, ir-rapport seta’ kellu kontenut differenti.

(ara l-punt 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il-Kummissjoni, T‑212/97, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata