Language of document : ECLI:EU:F:2012:194

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)


13 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑2/11

BW

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Uffiċjal bi prova — Nuqqas ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Motivazzjoni tad-deċiżjoni li jitkeċċa l-uffiċjal taħt prova — Drittijiet tad-difiża”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BW jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Marzu 2010, sabiex ma ssirx il-ħatra bħala uffiċjal permanenti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u kif ukoll għall-ispejjeż tal Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Obbligu sabiex li jiġu ssostanzjati l-ġudizzji ta’ valur b’eżempji konkreti — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq minn qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Suġġett — Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Deċiżjoni li l-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti — Deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-uffiċjal permanenti — Diversità ta’ natura ġuridika — Elementi ta’ evalwazzjoni li għandhom jitfakkru

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(2))

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni tar-riżultati — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

6.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata — Obbligu ta’ assenjazzjoni ġdida lill-uffiċjali bi prova f’każ ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova tiegħu — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(3))

7.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Eżistenza ta’ diverġenzi bejn uffiċjal u s-superjur ġerarkiku — Assenza ta’ effett fuq il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jevalwa l-merti tal-persuna kkonċernata

8.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ smigħ tal-persuna interessata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalu preġudizzju — Portata — Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Għalkemm l-istabbiliment tal-għanijiet lil kull uffiċjal bi prova fil-bidu tal-perijodu ta’ prova huwa neċessarju u dan, kemm fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan is-sens, bil-għan li l-evalwatur ikollu bażi sabiex jevalwa r-rendiment tal-uffiċjal bi prova kkonċernat, l-obbligu ta’ motivazzjoni jobbliga biss lill-evalwatur sabiex jistabbilixxi l-karatteristiċi prinċipali tal-uffiċjal bi prova f’termini, b’mod partikolari, ta’ kapaċità li jiżvolġi d-dmirijiet li jimplikaw l-funzjonijiet tiegħu, u mhux li jindika l-għanijiet assenjati li ma jkunux ġew miksuba. Bl-istess mod, meta jkun issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, u sakemm l-evalwazzjoni tkun individwalizzata b’mod ċar u mhux impersonali, evalwatur ma għandux jagħti d-dettalji tar-raġunijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, billi jagħti eżempji konkreti sabiex jissostanzja kull ġudizzju ta’ valur li jidher fir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Bħala prinċipju, rapport ta’ evalwazzjoni għandu jinkludi biss evalwazzjonijiet relatati mal-perijodu li għalih ikun stabbilit. Madankollu, meta l-perijodu ta’ prova tal-uffiċjal bi prova jiġi estiż, l-evalwatur jista’ jinkludi fir-rapport li jikkonċerna l-perijodu li matulu l-perijodu ta’ prova jkun ġie estiż fl-osservazzjonijiet relatati mal-perijodu ta’ prova inizjali mingħajr ma jivvizzja l-imsemmi rapport, peress li dawn l-indikazzjonijiet huma intiżi sabiex jenfasizzaw l-evoluzzjoni tas-servizzi tar-rikorrent.

L-osservanza mill-amministrazzjoni tal-obbligu li jiġi impost fuqha li timmottiva kull rapport ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu ddeterminati ġaladarba l-verżjoni finali tar-rapport tiġi stabbilita. Konsegwentement, bħala rapport ta’ evalwazzjoni li ma jkunx definittiv, il-fatt ta’ tibdil fil-kontenut tiegħu ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 43 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T-249/04, punt 86

2.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv minn qabel u l-azzjoni ma saritx fl-eventwalità li r-rikors jimmodifika s-suġġett tal-ilment, jiġifieri, meta jkun fih motiv ta’ legalità estern filwaqt li huma biss il-motivi ta’ legalità interna li ġew invokati fl-ilment, jew alternattivament, meta jkun fih motiv ta’ legalità intern filwaqt li huma biss l-motivi ta’ legalità esterna li ġew invokati fl-ilment. Il-fatt li r-rikorrent irrikorra għas-servizzi ta’ avukat sabiex jippreżenta l-ilment tiegħu ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk ġiex mibdul is-suġġett tat-tilwima.

(ara l-punti 46, 140 u 141)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 119

3.      Jekk il-perijodu ta’ prova, li huwa intiż li jippermetti lill-amministrazzjoni li tevalwa l-kapaċità tal-uffiċjal bi prova li jiżvolġi d-dmirijiet li jimplikaw l-funzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-prestazzjoni tiegħu u l-imġiba tiegħu fis-servizz, ma jistax jiġi mxebbah ma’ perijodu ta’ formazzjoni, madankollu huwa imperattiv li matul dan il-perijodu, il-persuna interessata turi l-karatteristiċi tagħha. Fil-prattika, din il-kundizzjoni tfisser li l-uffiċjal bi prova għandu jibbenefika mhux biss, minn kundizzjonijiet materjali adegwati, iżda wkoll minn struzzjonijiet u pariri xierqa, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, bil-għan li huwa jkun f’pożizzjoni li jadatta ruħu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pożizzjoni li huwa jokkupa.

(ara l-punt 104)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, punti 20 u 21;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T-96/95, punt 95

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ April 2008, Doktor vs Il-Kunsill, F-73/07, punt 31

4.      Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ħatra permanenti tiddistingwi ruħha min-natura tat-tkeċċija fis-sens proprju tal-kelma, ta’ persuna li tibbenefika minn ħatra ta’ uffiċjal permanenti. Filwaqt li, f’dan l-aħħar każ, għandu jsir eżami ddettaljat tal-motivi għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg stabbilita, fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il‑ħatra permanenti tal-uffiċjali bi prova, l-eżami għandu jkun globali u għandu jirrigwarda l-eżistenza, jew le, ta’ assjem ta’ elementi pożittivi li jiġu rrivelati matul il-perijodu ta’ prova, li jkunu juru li l-ħatra permanenti tal-uffiċjali bi prova bħala li hija fl-interess tas-servizz.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Novembru 1983, Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 290/82, punti 24 u 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F 112/06, punti 61 u 62

5.      Ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet f’dak li jikkonċerna r-riżultat ta’ perijodu ta’ prova u l-kapaċitajiet ta’ kandidat għal ħatra permanenti fl-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, peress li l-kontroll tagħha huwa limitat għal dak li jikkonċerna l-legalità interna ta’ deċiżjoni, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jew l-użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62

6.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-uffiċjali tagħha tirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-uffiċjali tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir kif ukoll il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba jimplikaw b’mod partikolari li, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjali kkonċernat. Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tal-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li l-amministrazzjoni għandha s-setgħa, u mhux l-obbligu, li tagħti assenjazzjoni ġdida lill-uffiċjal bi prova meta hija tiddeċiedi li testendi l-perijodu ta’ prova. Madankollu, jekk id-dmir ta’ premura jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jkollhom bħala effett li jittrasformaw din is-setgħa f’obbligu għall-amministrazzjoni, dan ibiddel l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi maħluq mir-Regolamenti tal-Persunal fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-uffiċjali tas-servizz pubbliku.

(ara l-punti 112, 122 u 123)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il-Qorti tal-Awdituri, 417/85, punt 12

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Doktor vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42

7.      Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li d-differenzi bejn uffiċjal u superjur ġerarkiku tiegħu jistgħu jirritaw lis-superjur ġerarkiku, din il-possibbiltà, bħala tali, ma timplikax li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibqa’ kapaċi li oġġettivament jevalwa l-kompetenzi tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 114)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T-155/03, T 157/03 u T 331/03, punt 150

8.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jirriżultaw f’att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-persuna kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod utli dwar is-suġġett tal-elementi li jistgħu jintużaw fil-konfront tagħhom fl-att li jkun ser jiġi adottat.

Madankollu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju iżda att preparatorju ta’ deċiżjoni ta’ ħatra permanenti jew ta’ tkeċċija tal-uffiċjal bi prova kkonċernata. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika, l-evalwatur ma għandux l-obbligu li jisma’ lir-rikorrent qabel it-tlestija ta’ dan ir-rapport. Barra minn hekk, l-evalwatur jista’ jbiddel rapport ta’ evalwazzjoni wara l-laqgħa mal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 136, 137 u 139)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Lulju 1986, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, punt 27; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, punt 99; 9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C-344/05 P, punt 37

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T-277/03, punt 64

It-Tribunal tal-Unjoni Ewropea: 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il-Kunsill, T-248/08 P, punt 81