Language of document : ECLI:EU:F:2012:196

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2012

Kawża F-42/11

Stephanie Honnefelder

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Eżekuzzjoni ta’ res judicata — Prinċipju ta’ legalità — Eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra deċiżjoni li tinfetaħ mill-ġdid proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. Honnefelder titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/26/05, tal-11 ta’ Frar 2011, li ma tinkludihiex fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha stess. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż sostnuti minn S. Honnefelder.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra att li jikkawża preġudizzju adottat matul proċedura ta’ reklutaġġ — Motiv ibbażat fuq l-irregolarità ta’ att preċedenti li jikkawża preġudizzju adottat fl-istess proċedura — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza — Annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva — Ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fir-rigward tar-rikorrent biss — Modalità ta’ eżekuzzjoni adegwata

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

3.      Uffiċjali — Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Possibbiltà li jiġi stabbilit djalogu mal-vittma

(Artikolu 266 TFUE)

4.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni — Nuqqas amministrattiv li ma jwassalx għall-annullament ta’ att

1.      Rikorrent jista’ jinvoka irregolaritajiet li jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni meta jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni individwali li tiċħad il-kandidatura tiegħu u dan mingħajr ma jkun jista’ jiġi kkritikat talli ma ressaqx ilment jew rikors, fit-termini rispettivi, kontra d-deċiżjoni li tispeċifika l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprovdi li rikorrent li jkun jixtieq jikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità ta’ att tal-amministrazzjoni għandu jressaq ilment speċifikament kontra dan l-att, u dan sakemm ir-rikors ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ illegalità ma tkunx inammissibbli minħabba s-sempliċi fatt li ma tkunx tqajmet qabel f’ilment.

(ara l-punti 34 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punti 17 sa 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F‑45/07, punt 121

2.      Wara sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata hija meħtieġa, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkontestati, li, fil-każ ta’ att li jkun diġà ġie eżegwit, ifisser li r-rikorrent ikollu jitqiegħed mill-ġdid fis-sitwazzjoni legali li fiha kien jinsab qabel dan l-att.

Sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni għandha tadotta miżuri konkreti ta’ natura tali li jeliminaw l-illegalità mwettqa fir-rigward tal-persuna kkonċernata. B’hekk, sabiex tevita dan l-obbligu, l-istituzzjoni ma tistax teċċepixxi li t-tqegħid mill-ġdid tar-rikorrent fis-sitwazzjoni legali li fiha kien jinsab qabel l-adozzjoni tal-att li jkun ġie annullat jista’ jimplika diffikultajiet prattiċi. Huwa biss b’mod sussidjarju, meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tiltaqa’ ma’ ostakoli maġġuri, li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha billi tieħu deċiżjoni ta’ natura tali li tikkumpensa b’mod ġust l-iżvantaġġ ikkawżat lill-persuna kkonċernata permezz tad-deċiżjoni annullata.

F’dan ir-rigward, għalkemm hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa sabiex teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament tat-Tribunal, is-setgħa diskrezzjonali tagħha hija limitata mill-ħtieġa li tirrispetta d-dispożittiv u r-raġunijiet tas-sentenza li hija obbligata teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-istituzzjoni konvenuta għandha b’mod partikolari tiżgura ruħha li l-miżuri adottati ma jkunux ivvizzjati bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament.

Madankollu, fir-rigward ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata bil-għan li tiġi stabbilita riżerva għal reklutaġġ, l-amministrazzjoni tista’ tfittex soluzzjoni ekwa għall-każ partikolari ta’ kandidat eskluż mill-kompetizzjoni b’mod illegali. B’hekk, fil-każ ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata bil-għan li tiġi stabbilita riżerva għal reklutaġġ li l-eżamijiet miżmuma fil-kuntest tagħha jkunu vvizzjati, id-drittijiet ta’ kandidat ikunu protetti b’mod adegwat jekk l-Awtorità tal-Ħatra tiftaħ mill-ġdid, fir-rigward ta’ dan il-kandidat, il-kompetizzjoni maħsuba sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva, billi tali ftuħ mill-ġdid jinvolvi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet fis-seħħ qabel ma seħħew il-fatti ssanzjonati mill-qorti. Għall-kuntrarju, soluzzjoni li tinvolvi l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali mingħajr ma jkollu għalfejn jerġa’ jagħmel l-eżami vvizzjat ma tistax tiġi aċċettata għaliex tali soluzzjoni mhux biss tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ta’ oġġettività tal-għażla u l-avviż ta’ kompetizzjoni, iżda tikser ukoll l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 44 sa 46, 49 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 33; 6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il-Parlament, T‑84/91, punt 78; 26 ta’ Ġunju 1996, De Nil u Impens vs Il-Kunsill, T‑91/95, punt 34; 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑119/99, punt 37; 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, punti 50 u 51

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Billi l-azzjoni tal-amministrazzjoni tiġi eżerċitata b’mod unilaterali, hija din tal-aħħar li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni għandha l-possibbiltà, u mhux l-obbligu, li tistabbilixxi djalogu mal-vittma ta’ illegalità bl-iskop li jintlaħaq ftehim li jagħti lil din tal-aħħar kumpens ġust.

(ara l-punt 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Meskens vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80; De Nil u Impens vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34

4.      Argument li jikkritika lill-amministrazzjoni b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni tagħha, jekk ikun fondat, ma jistax iwassal għall-annullament tal-att ikkontestat, iżda jwassal biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni minħabba nuqqas amministrattiv.

(ara l-punt 62)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2010, Ezerniece Liljeberg et vs Il-Kummissjoni, F‑83/05, punti 105 et seq