Language of document : ECLI:EU:C:2014:1857

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ April 2014 (*)

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ bank — Klawżola li tipprovdi għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ tribunal ta’ arbitraġġ — Informazzjoni dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ ipprovduta mill-bank waqt il-konklużjoni tal-kuntratt — Klawżoli inġusti — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑342/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Katalin Sebestyén

vs

Zsolt Csaba Kővári,

OTP Bank,

OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt,

Raiffeisen Bank Zrt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, K. Sebestyén u, min-naħa l-oħra, Zsolt Csaba Kővári, OTP Bank, OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt u Raiffeisen Bank Zrt, dwar talba sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ Raiffeisen Bank Zrt bil-għan li jingħata self ipotekarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/13 jingħad:

“billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; [...]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.      Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

5        Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu, […]”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. [...]”

7        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8        L-Anness tal-istess direttiva jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha. Il-punt 1(q) ta’ dan l-anness jaqra kif ġej:

“Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[...]

(q)       jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, [...]”

 Id-dritt Ungeriż

9        L-Artikolu 209 tal-Liġi Nru IV tal-1959, li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili (Polgári törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jaqra kif ġej:

“1.      Kundizzjoni kuntrattwali standard jew klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment hija inġusta meta tiddetermina, unilateralment u mingħajr ġustifikazzjoni, u bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fides u ta’ lealtà, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-parti li tikkonkludi l-kuntratt mal-persuna li timponi tali kundizzjoni jew klawżola kuntrattwali.

2.      Sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u li jkunu wasslu għal tali konklużjoni, kif ukoll tan-natura tas-servizzi previsti u tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-klawżola kkonċernata, u min-naħa l-oħra, il-klawżoli l-oħra tal-kuntratt jew ta’ kuntratti oħra.

3.      Dispożizzjonijiet speċjali jistgħu jiddefinixxu l-klawżoli li jitqiesu li huma inġusti f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur jew li għandhom jitqiesu bħala tali sakemm ma tingħatax prova kuntrarja.

4.      Id-dispożizzjonijiet relattivi għall-klawżoli kuntrattwali inġusti la għandhom japplikaw għall-klawżoli li jiddefinixxu s-servizz prinċipali u lanqas għal dawk li jiddeterminaw il-proporzjon bejn is-servizz u l-korrispettiv.

5.      Klawżola kuntrattwali ma tistax titqies li hija inġusta jekk tiġi imposta permezz jew bis-saħħa ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari.”

10      Il-Liġi Nru LXXI tal-1994, dwar l-arbitraġġ, tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li tilwima tista’ tiġi riżolta permezz ta’ arbitraġġ minflok bil-qorti meta:

“a)      tal-inqas waħda mill-partijiet tkun persuna li twettaq attività ekonomika b’mod professjonali u t-tilwima tkun marbuta ma’ din l-attività, u meta

b)      il-partijiet ikunu jistgħu jittranżiġu s-suġġett tat-tilwima liberament, u

c)      ikunu pprovdew għall-arbitraġġ fi klawżola ta’ arbitraġġ.”

11      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jiddefinixxi bħala ftehim ta’ arbitraġġ ftehim konkluż bejn il-partijiet li permezz tiegħu tilwimiet li jqumu jew li jistgħu jqumu minn relazzjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jitressqu quddiem tribunal ta’ arbitraġġ.

12      Skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru LXXI tal-1994, qorti li quddiemha jitressaq rikors dwar kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ arbitraġġ għandha, ħlief fil-każ tar-rikorsi previsti fl-Artikolu 54 ta’ din il-liġi, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli mingħajr ma tħarrek il-partijiet għas-smigħ, jew għandha, fuq talba ta’ parti, ittemm il-kawża sakemm ma tikkonstatax li l-ftehim ta’ arbitraġġ huwa ineżistenti, null, bla effett jew impossibbli li jiġi implementat.

13      Skont l-Artikolu 54 tal-Liġi Nru LXXI tal-1994, deċiżjoni arbitrali ma tistax tiġi appellata. Jista’ jitressaq rikors quddiem qorti biss sabiex jintalab l-annullament ta’ deċiżjoni għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 55 ta’ din il-liġi.

14      Id-Digriet tal-Gvern Nru 18/1999, dwar klawżoli kkunsidrati inġusti f’kuntratti mal-konsumatur [A fogyasztóval kötött szerződésben tisztességtelennek minősülő feltételekről szóló 18/1999. (II. 5.) Kormányrendelet], jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li hija kkunsidrata inġusta kull klawżola f’kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li:

“[...]

i)      teskludi jew tillimita l-possibbiltajiet għall-konsumatur li jirrikorri għar-rimedji legali previsti mil-liġi jew miftiehma mill-partijiet, ħlief jekk tissostitwixxi dawn ir-rimedji simultanjament b’mezzi oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim stabbiliti bil-liġi;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fil-15 ta’ Ottubru 2008, K. Sebestyén ikkonkludiet kuntratt ta’ self ipotekarju u ftehim ta’ ipoteka ma’ Raiffeisen Bank Zrt. F’dawn l-atti, il-partijiet ftiehmu li, fil-każ li tinqala’ tilwima bejniethom dwar l-imsemmi kuntratt jew l-imsemmi ftehim, bord ta’ tliet arbitri tal-Pénz- és Tőkepiaci Állandó Választottbíróság (Tribunal ta’ arbitraġġ permanenti tas-suq finanzjarju u tal-kapital) ikollu ġurisdizzjoni esklużiva, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet previsti speċifikament.

16      Fl-imsemmija atti, il-partijiet ipprovdew ukoll għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Pesti Központi kerületi bíróság (Qorti distrettwali taċ-Ċentru ta’ Pest) jew tal-Fővárosi Bíróság (Qorti ta’ Budapest), skont l-ammont inkwistjoni fit-tilwima, għall-proċeduri għal ordni għal ħlas u għall-eventwali proċedura ordinarja fil-każ ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur.

17      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt ta’ self ipotekarju u l-ftehim ta’ ipoteka, il-bank ipprovda informazzjoni lil K. Sebestyén dwar id-differenzi bejn ir-regoli proċedurali applikabbli għat-tribunali ta’ arbitraġġ u għall-qrati ordinarji, rispettivament. Barra minn hekk, waqt il-firma ta’ dan il-kuntratt u ta’ dan il-ftehim, il-bank, b’mod partikolari, ġibed l-attenzjoni ta’ K. Sebestyén għall-fatt li l-proċedura ta’ arbitraġġ kienet tinkludi istanza waħda biss u li ma setgħux jiġu ppreżentati appelli u indikalha li l-ispejjeż marbuta mal-preżentata u mal-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ arbitraġġ ġeneralment jeċċedu dawk tal-proċedura ordinarja.

18      Madankollu, billi qieset li l-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fl-imsemmi kuntratt u fl-imsemmi ftehim, minn naħa, kienu qiegħdu lil Raiffeisen Bank Zrt f’sitwazzjoni vantaġġuża u, min-naħa l-oħra, kienu llimitaw, b’mod inġustifikat, id-dritt kostituzzjonali tagħha ta’ aċċess għal qorti, K. Sebestyén talbet lis-Szombathelyi Törvényszék tikkonstata n-nullità tal-imsemmija klawżoli.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Għandha titqies bħala inġusta fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 93/13], klawżola kuntrattwali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni għal kull kawża rigward kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bank tingħata esklużivament lil bord ta’ tliet arbitri tat-Tribunal ta’ arbitraġġ permanenti tas-suq finanzjarju u tal-kapital (Pénz- és Tőkepiaci Állandó Választottbíróság)?

2)      Klawżola kuntrattwali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni għal kull kawża rigward kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u bank tingħata esklużivament lil bord ta’ tliet arbitri tat-Tribunal ta’ arbitraġġ permanenti tas-suq finanzjarju u tal-kapital, bir-riżervi previsti mill-imsemmi kuntratt, għandha titqies bħala inġusta fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, minkejja l-fatt li l-imsemmi kuntratt jinkludi informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura rregolata mil-Liġi Nru LXXI tal-1994 [...] u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

21      F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni.

22      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bank u konsumatur, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil tribunal ta’ arbitraġġ permanenti, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tqum fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, għandha titqies li hija inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan minkejja li, qabel ma ġie ffirmat l-imsemmi kuntratt, il-konsumatur irċieva informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja.

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, huma biss il-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza Constructora Principado, C‑226/12, EU:C:2014:10, punt 18).

24      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza l-kontenut tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel (digriet Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 57).

25      Għandu jiġi speċifikat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-Anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Dan premess, għandu jiġi rrilevat li, meta jirreferi għall-kunċetti ta’ bona fides u ta’ żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment (ara s-sentenzi Freiburger Kommunalbauten, C‑237/02, EU:C:2004:209, punt 19, u Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 37).

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinifikanti” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab l-imsemmi konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti (ara s-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punt 68).

28      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fides]”, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan l-iskop jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (ara s-sentenza Aziz, EU:C:2013:164, punt 69).

29      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha l-oħra li fihom ikun ġie konkluż (sentenzi Pannon GSM, EU:C:2009:350, punt 39, u VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 42). Minn dan jirriżulta li, f’din il-perspettiva, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, u dan jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali (ara s-sentenza Freiburger Kommunalbauten, EU:C:2004:209, punt 21, u d-digriet Pohotovosť, EU:C:2010:685, punt 59).

30      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li s-Szombathelyi Törvényszék għandha tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Anness tad-Direttiva 93/13, li l-Artikolu 3(3) tagħha jagħmel riferiment għalih, fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti (ara s-sentenza Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jinkludu preċiżament, fil-punt 1(q) ta’ dan l-anness, il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jobbligawh jieħu kwistjoni esklużivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’dispożizzjonijiet legali.

32      Għalkemm il-kontenut tal-Anness tad-Direttiva 93/13 ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u fih innifsu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jikkostitwixxi element essenzjali li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola (sentenza Invitel, EU:C:2012:242, punt 26).

33      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija inġusta minkejja l-fatt li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur irċieva informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni għandha, għal konsumatur, importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet abbozzati minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza Constructora Principado, EU:C:2014:10, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, u anki jekk jiġi aċċettat li informazzjoni ġenerali li l-konsumatur irċieva qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ trasparenza li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jippermetti li tiġi eskluża n-natura inġusta ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Jekk il-qorti nazzjonali kkonċernata tasal għall-konklużjoni li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li hija inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija qorti għandha sussegwentement tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 59).

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 1(q) tal-Anness ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bank u konsumatur, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil tribunal ta’ arbitraġġ permanenti, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tqum fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż l-imsemmi kuntratt, titqies li hija inġusta fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali kkonċernata għandha b’mod partikolari:

–        tivverifika jekk il-klawżola inkwistjoni għandhiex l-għan jew l-effett li teskludi jew tfixkel id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor; u

–        tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, ta’ informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja ma tistax, waħedha, tippermetti li tiġi eskluża n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

Fil-każ ta’ konklużjoni affermattiva, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u l-punt 1(q) tal-Anness ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bank u konsumatur, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil tribunal ta’ arbitraġġ permanenti, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tqum fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż l-imsemmi kuntratt, titqies li hija inġusta fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali kkonċernata għandha b’mod partikolari:

–        tivverifika jekk il-klawżola inkwistjoni għandhiex l-għan jew l-effett li teskludi jew tfixkel id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor; u

–        tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, ta’ informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja ma tistax, waħedha, tippermetti li tiġi eskluża n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

Fil-każ ta’ konklużjoni affermattiva, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.