Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Litwanja

(Kawża C-61/12) 1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur – Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE – Direttiva 70/311/KEE – Direttiva 2007/46/KE – Sewqan fuq il-lemin fi Stat Membru – Obbligu, fid-dawl tar-reġistrazzjoni, li jitqiegħed fuq ix-xellug it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tal-vetturi tal-passiġġieri li jinsab fuq il-lemin)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Steiblytė, G. Wilms u G. Zavvos, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, aġenti)

Partijiet intervenjenti in sostenn tal-parti l-oħra fil-kawża : Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: M. Linntam, aġent), Ir-Repubblika tal-Latvja (rappreżentanti: I. Kalniņš u A. Nikolajeva, aġenti), Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti B. Majczyna u M. Szpunar, aġenti)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 34 TFUE, tal-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 90) kif ukoll l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri ġodda li jinstaqu fuq in-naħa tal-lemin minkejja l-konformità ta’ dawn il-vetturi mar-rekwiżiti stabbiliti mid-direttiva qafas u d-direttivi speċifiċi - Rifjut għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri li jinstaqu fuq in-naħa tal-lemin preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor.

Dispożittiv

Billi pprojbiet ir-reġistrazzjoni tal-vetturi tal-passiġġieri li l-isteering wheel tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin, u/jew billi rrikjediet, sabiex tirreġistra l-vetturi tal-passiġġieri, li t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin, ġodda jew irreġistrati preċedentement fi Stat Membru ieħor, li l-isteering wheel jiċċaqlaq lejn in-naħa tax-xellug, ir-Repubblika tal-Litwanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

Ir-Repubblika tal-Litwanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1 ĠU C 118, 21.04.2012