Language of document : ECLI:EU:F:2013:127

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013

Kawżi magħquda F‑23/12 u F‑30/12

Jérôme Glantenay u Marco Cecchetto

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 – Selezzjoni bbażata fuq kwalifiki – Eliminazzjoni ta’ kandidati mingħajr eżami konkret tad-diplomi u l-esperjenza professjonali tagħhom”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 li jiċħdu l-kandidatura rispettiva tagħhom.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 li jiċħdu l-kandidaturi ta’ D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gecse, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees u K. Skrobich, kif ukoll ta’ I. Venckunaite u M. Załęska mill-proċedura ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma ġew eżaminati fil-kuntest tat-tieni stadju tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki previst fl-avviż ta’ kompetizzjoni, huma annullati. Il-kumplament tar-rikorsi fil-Kawżi F‑23/12 u F‑30/12 huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż sostnuti minn D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gecse, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees u K. Skrobich, kif ukoll minn I. Venckunaite u M. Załęska.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Talbiet – Emenda fil-mori tal-kawża – Kundizzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Data ta’ kostituzzjoni – Nomina tal-membri kollha għall-ewwel darba – Effett tal-izvilupp tal-kompożizzjoni minħabba r-rinunzja ta’ ċerti membri – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-kompożizzjoni qabel il-bidu tal-eżamijiet – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni – Stabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni koerenti tal-kandidati – Portata – Obbligu tal-preżenza ta’ membri waqt l-eżami bil-miktub – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni – Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Organizzazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27; Anness III, Artikoli 1, 4 u 5)

7.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati – Eliminazzjoni ta’ kandidati skont it-tweġibiet ikkunsidrati tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest tal-fażi ta’ preselezzjoni – Assenza ta’ eżami konkret mill-Bord tal-Għażla ta’ diplomi u tal-esperjenza professjonali ta’ kandidati – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, l-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 5)

1.      Skont l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, għalhekk, ħlief sabiex tibdel is-suġġett tat-tilwima, fil-prinċipju, parti ma tistax, matul il-proċedura, tressaq talbiet ġodda jew testendi s-suġġett tat-talbiet eżistenti. Huwa biss fil-preżenza ta’ element ġdid li jista’ jaffettwa s-suġġett tar-rikors, bħal b’mod partikolari, l-adozzjoni matul il-kawża ta’ att li jħassar u jissostitwixxi dak ikkontestat, li rikorrent jista’ jadatta t-talbiet tiegħu.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il-Kummissjoni, 83/63; 3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, punt 8

2.      Għalkemm il-Bord tal-Għażla responsabbli mill-evalwazzjoni tal-kandidati ta’ kompetizzjoni għandu neċessarjament ikun ikkostitwit qabel ma tibda s-selezzjoni tal-kandidati, Bord tal-Għażla għandu jkun ikkunsidrat ikkostitwit meta l-membri kollha tiegħu jkunu nnominati mill-Awtorità tal-Ħatra għall-ewwel darba. Fil-fatt, jekk minħabba r-riżenja ta’ ċerti membri tiegħu, il-kompożizzjoni ta’ dan il-Bord tal-Għażla tinbidel, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha effett retroattiv fuq id-data li fiha l-imsemmi Bord tal-Għażla għandu jiġi kkunsidrat li huwa kkostitwit.

(ara l-punt 43)

3.      Jekk jiġi preżunt li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tippubblika l-kompożizzjoni ta’ kull Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni qabel il-bidu tal-eżamijiet, l-osservanza ta’ dan l-obbligu ma tikkostitwixxix forma proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jwassal għan-nullità tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, ħlief jekk tkun tali li jkollha effett fuq l-imsemmija deċiżjonijiet jew li tkun ċaħdet lill-kandidati minn garanzija. Minn naħa, il-konoxxenza tal-identità tal-membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ma hijiex tali li taffettwa l-possibbiltà ta’ suċċess ta’ kandidat, peress li s-selezzjoni tal-kandidati titwettaq fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u mhux skont l-identità tal-membri tal-imsemmi Bord tal-Għażla. Min-naħa l-oħra, jekk il-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandha l-iskop li tippermetti lill-kandidati jiżguraw in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess ma’ membru partikolari tal-Bord tal-Għażla li huma jidhru quddiemu, il-pubblikazzjoni tardiva tal-imsemmija lista ma tistax iċċaħħad lill-kandidati minn garanzija, ladarba huwa dejjem possibbli li huma jinvokaw eventwali kunflitt ta’ interess permezz ta’ rikors ulterjuri magħmul kontra d-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ma jinkludihomx fil-lista ta’ riżerva.

(ara l-punt 46)

4.      Sabiex tiġi ggarantita lill-kandidati, waqt l-eżami orali, il-koerenza u l-oġġettività tal-evalwazzjonijiet, u fid-dawl tan-natura komparattiva ta’ kompetizzjoni, hija neċessarja l-preżenza tal-membri kollha tal‑Bord tal-Għażla, jew tal-inqas iż-żamma ta’ ċerta stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla. Madankollu, iż-żamma ta’ din l-istabbiltà ma tidhirx li hija neċessarja, sabiex tkun żgurata l‑osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’dak li jirrigwarda l‑eżamijiet bil-miktub. Fil-fatt, membru tal-Bord tal-Għażla li ma kienx preżenti meta l-membri l-oħra tal-Bord tal-Għażla eżaminaw il-karta tal-eżami ’ kandidat, jista’, jekk huwa jqis neċessarju, jeżamina a posteriori l-imsemmija karta tal-eżami sabiex iqabbilha ma’ oħrajn u, konsegwentement, jipparteċipa b’mod attiv fl-evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punt 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T‑267/03, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, punt 41; 29 ta’ Settembru 2010, Honnefelder vs Il-Kummissjoni, F‑41/08, punt 36

5.      Ir-rikorrent għandu dritt jinvoka, waqt rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, l-irregolaritajiet kollha mwettqa matul l‑iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inklużi dawk li joriġinaw mit‑test stess tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, sakemm il-kandidatura tar-rikorrent ma tkunx miċħuda mill-Bord tal-Għażla, l-interess ġuridiku tagħhom kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni jibqa’ inċert, b’tali mod li ma jistax jiġi kkritikat li ma kkontestax l-imsemmi avviż fit-termini previsti fl-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punt 17

6.      L-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għandha l-iskop li timla’ l-pożizzjonijiet li għadhom vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet u li, għalhekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-Artikolu 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tistabbilixxi l-avviż ta’ kompetizzjoni u għal dan il-għan, li tiddeċiedi l-metodu ta’ selezzjoni tal-kandidati l-iktar xieraq, skont ir-rekwiżiti marbuta mal-pożizzjonijiet li jridu jimtlew u, b’mod iktar ġenerali, mal-interess tas-servizz.

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mill-imsemmija awtorità, indipendentement min-numru ta’ persuni li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni inkwistjoni, huwa neċessarjament limitat mill-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Minn dan isegwi li l-metodu magħżul mill-Awtorità tal-Ħatra għandu, fl-ewwel lok, ikun intiż għar-reklutaġġ tal-persuni li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza u effiċjenza, skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jirriżerva lil Bord tal-Għażla indipendenti, id-dmir li jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi pprovduti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni u fit-tielet lok, għandu jwassal għas-selezzjoni koerenti u oġġettiva tal-kandidati.

(ara l-punti 69 u 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T‑420/04, punti 23 u 45

7.      Huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet, metodu ta’ selezzjoni li jikkonsisti f’mistoqsijiet lill-kandidati, waqt l-ewwel stadju, permezz ta’ kwestjonarju, dwar jekk iqisux li jissodisfaw il-kriterji kollha relatati mal-edukazzjoni u mal-esperjenzi professjonali tagħhom u mbagħad, skont it-tweġibiet kollha tal-kandidati, fid-determinazzjoni ta’ livell li jekk ma jintlaħaqx mill-kandidati, wara kunsiderazzjoni, numru suffiċjenti ta’ tweġibiet pożittivi, ikkalkolati taħt il-forma ta’ punti, huma jiġu eliminati.

Fil-fatt, mill-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li f’każ ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, għandu jkun il-Bord tal-Għażla li jeżamina jekk id-diplomi u l-esperjenzi professjonali tal-kandidati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Madankollu, dan il-metodu ta’ selezzjoni ma jipprovdi ebda stħarriġ mill-Bord tal-Għażla dwar ir-rilevanza tad-diplomi u kwalifiki professjonali li għandhom il-kandidati u jimplika neċessarjament li l-imsemmija kandidati ma jintgħażlux skont ir-rilevanza tad-diplomi jew l-esperjenzi professjonali tagħhom, iżda skont l-idea li għandhom dawn il-kandidati, li ma tikkostitwixxix informazzjoni oġġettiva biżżejjed sabiex tkun iggarantita s-selezzjoni tal-aħjar kandidati, u lanqas il-koerenza tas-selezzjoni mwettqa.

Barra minn hekk, meta n-numru ta’ punti li kandidat ikollu jikseb sabiex il-fajl tiegħu jiġi eżaminat waqt it-tieni stadju, jiddependi min-numru ta’ punti tal-kandidati l-oħra, dan il-kandidat jista’, konsegwentement, jiġi eliminat unikament minħabba l-fatt li l-kandidati l-oħra jkunu wieġbu pożittivament għal ċerti mistoqsijiet wara interpretazzjoni li kienet eċċessivament favorevoli għalihom tal-kriterji meħtieġa, li jkunu fehmu ħażin il-mistoqsijiet jew li tkun saret evalwazzjoni ħażina tal-valur tad-diplomi jew esperjenzi professjonali tagħhom, peress li kull mistoqsija magħmula titlob evalwazzjoni suġġettiva ħafna min-naħa tal-kandidat dwar ir-rilevanza tad-diplomi u esperjenzi professjonali. F’dan is-sens, għandu għalhekk jiġi kkonstatat ukoll li dan il-metodu ta’ selezzjoni ma jiggarantixxix b’mod suffiċjenti l-oġġettività u l-koerenza tal-evalwazzjoni.

Għaldaqstant, billi jipprovdu għall-eliminazzjoni ta’ ċerti kandidati f’kompetizzjoni għar-raġuni li d-diplomi u esperjenzi professjonali tagħhom ma humiex rilevanti biżżejjed, mingħajr ma din ir-rilevanza tiġi eżaminata b’mod konkret mill-Bord tal-Għażla, id-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jirrestrinġu b’mod abbużiv il-prerogattivi tal-imsemmi Bord tal-Għażla u, konsegwentement, għandhom jitqiesu li huma illegali.

(ara l-punti 71 sa 74 u 76)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Pachtitis, T‑361/10 P, punt 43; 14 ta’ Diċembru 2011; Il-Kummissjoni vs Vicente Carbajosa et, T‑6/11 P, punt 58

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ April 2013, CB vs Il-Kummissjoni, F‑73/11, punti 50 sa 52