Language of document : ECLI:EU:F:2013:138

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑38/12

BP

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat għal żmien indeterminat — Assenjazzjoni mill-ġdid f’dipartiment ieħor sal-iskadenza tal-kuntratt — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu BP titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjonijiet, tas-27 ta’ Frar 2012, tad-direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“FRA” jew l-“Aġenzija”) li ma jġeddidx il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat u li jassenjaha mill-ġdid f’dipartiment ieħor għall-aħħar sitt xhur tal-kuntratt tagħha, kif ukoll jikkundanna lill-FRA tikkumpensaha għad-dannu materjali u morali tagħha.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. BP għandha tbati l-ispejjeż kollha tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Motivi — Motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter insostenn ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt meħuda wara komunikazzjoni ta’ informazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1)); Deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali 2009/13)

3.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

5.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz minħabba diffikultajiet fir-relazzjonijiet — Nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

6.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati — Motiv ippreżentat fil-kuntest ta’ kap ta’ talbiet — Teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ kap ieħor ta’ talbiet — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1))

1.      L-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal li jkun ikkomunika, skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, informazzjoni li tirrigwarda fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi attività illegali eventwali jew aġir li jista’ jirrivela nuqqas gravi tat-twettiq tal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni ma għandux ibati dannu min-naħa tal-istituzzjoni, sakemm ikun aġixxa bona fides. Għalhekk, il-fatt li deċiżjoni li kienet żvantaġġuża għal uffiċjal segwiet, kronoloġikament, komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn dan l-uffiċjal magħmula fil-kuntest tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jwassal lill-qorti tal-Unjoni, meta tkun adita b’rikors dirett kontra d-deċiżjoni inkwistjoni sostnuta b’motiv ta’ użu ħażin ta’ poter, sabiex teżamina l-imsemmi motiv b’attenzjoni partikolari. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma joffrux lill-uffiċjal li jkun ikkomunika, skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, informazzjoni fuq fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi attività illegali eventwali, protezzjoni minn kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalu dannu, iżda biss mid-deċiżjonijiet li jiġu adottati b’riżultat ta’ tali komunikazzjoni.

(ara l-punti 87 sa 89)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punt 138

2.      Meta l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal ikun jista’ jiġġedded, deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tikkostitwixxi deċiżjoni li tippreġudika lill-persuna kkonċernata.

Id-Deċiżjoni 2009/13 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, dwar il-proċedura li għandha tintuża għat-tiġdid tal-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, tipprevedi s-smigħ tal-persuna kkonċernata f’żewġ mumenti; l-ewwel nett, f’laqgħa mal-kap tad-dipartiment u, imbagħad, permezz ta’ ittra ta’ motivazzjoni li hija tibgħat lid-direttur tal-imsemmija aġenzija seba’ xhur wara l-iskadenza tal-kuntratt tagħha. Fl-ittra tagħha ta’ motivazzjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tesprimi ruħha u tressaq ir-raġunijiet kollha li jimmilitaw favur deċiżjoni li tkun pożittiva għaliha.

Opinjoni ta’ kap ta’ dipartiment, li l-persuna kkonċernata tirċievi kopja tagħha u li dwarha l-persuna kkonċernata tkun tixtieq tesprimi ruħha, tikkostitwixxi att preparatorju għad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt. Peress li ma hijiex att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ma tistax titlob b’mod validu d-dritt li tagħmel osservazzjonijiet fuq il-kontenut tagħha.

(ara l-punti 103 u 106 sa 108)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, punt 133, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑617/11 P

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriproduċi l-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’dettalji suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u jekk huwiex xieraq li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan tal-aħħar li jistħarreġ il-legalità tal-att. Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll skont iċ-ċirkustanzi konkreti wara din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni hija mmotivata suffiċjentement meta tkun saret f’ċirkustanzi magħrufa mill-persuna kkonċernata, u li jippermettu lil din tal-aħħar tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Minbarra dan, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ssodisfatt minn deċiżjoni li tirreferi għal dokument li diġà jkun fil-pussess tal-persuna kkonċernata u li jinkludi l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punti 124 u 125)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il-Kummissjoni, T‑93/04, punti 100 u 101

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il-Kummissjoni, F‑49/08, punt 117; 30 ta’ Novembru 2010, Taillard vs Il-Parlament, F‑97/09, punt 33

4.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u, f’din il-perspettiva, tal-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni tkun fl-interess tad-dipartiment u fl-osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

L-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal ma hijiex suġġetta għall-kunsens ta’ dan l-uffiċjal. Kieku dan kien il-każ, dan jirriżulta f’restrizzjoni tal-libertà tal-istituzzjonijiet li jorganizzaw id-dipartimenti tagħhom u li jadattawhom skont bdil fil-bżonnijiet.

(ara l-punti 132 u 133)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il-Kummissjoni, T‑98/96, punti 36 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-kunċett tal-interess tas-servizz huwa relatat mal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti speċifiċi tal-pożizzjoni li għandha timtela. L-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal sabiex tintemm sitwazzjoni amministrattiva li tkun saret intollerabbli għandha titqies li tkun ittieħdet fl-interess tas-servizz. Diffikultajiet fir-relazzjonijiet, meta jikkawżaw tensjoni li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw, preċiżament fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, u dan, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita l-identità tal-persuna responsabbli għall-inċidenti inkwistjoni jew il-livell ta’ veraċità tal-ilmenti magħmula miż-żewġ naħat.

(ara l-punti 140 sa 142)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, punt 51; Costacurta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Diċembru 2012, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑88/09 u F‑48/10, punt 123, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑88/13 P

6.      Huwa inammissibbli lment magħmul fil-kuntest ta’ kap ta’ talbiet mhux adattat, sa fejn, minn naħa, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tiġbor fi gruppi kif jidhrilha l-argumenti, l-ilmenti u l-motivi ta’ rikors taħt wieħed mill-kapijiet ta’ talbiet jew taħt ieħor u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-mod kif dan l-ilment jiġi ppreżentat jista’ jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tal-parti konvenuta.

(ara l-punti 148 u 149)