Language of document : ECLI:EU:F:2013:136

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑31/13

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors ippreżentat bil-faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors miżjud bit-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza – Rikors ippreżentat bil-posta fl-għaxart ijiem ta’ wara – Assenza ta’ identiċità bejn wieħed u l-ieħor – Tardività tar-rikors”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, li t-Tribunal jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2012, ikkompletata fit-12 ta’ Marzu 2012, kif ukoll id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2012 , u li jagħtih kumpens għad-danni li kkawżatlu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2002 li jiġi assenjat mill-ġdid mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Luanda (l-Angola) għas-sede tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju). Qabel ma l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat bil-posta, intbagħat dokument permezz ta’ faks, fis-27 ta’ Marzu 2013, li ġie indikat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha tiġi rċevuta l-faks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6); (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Fil-kuntest tal-kawżi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata regolari ta’ kull att proċedurali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari l-paragrafu 1 u l-paragrafu 6 tiegħu, li jippermetti li r-rikors jiġi ppreżentat permezz ta’ faks, jimponu fuq ir-rappreżentant tal-parti li jiffirma l-oriġinal tal-att b’idu qabel ma jittrażmettih u li jippreżenta dan l-istess oriġinal fir-Reġistru tat-Tribunal mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher retroattivament li l-oriġinal tal-att li jiġi ppreżentat fiżikament fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni permezz ta’ faks ma jkollux fuqu l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument trażmess permezz ta’ faks, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tat-Tribunal ikunu waslu żewġ atti proċedurali differenti, minkejja li l-firma tkun tqiegħdet mill-istess persuna. Fil-fatt, billi t-Tribunal ma huwiex obbligat jivverifika jekk test wieħed jikkoinċidix kelma b’kelma mal-ieħor, huwa evidenti li, meta l-firma mqiegħda fuq wieħed miż-żewġ dokumenti ma tkunx identika għall-firma mqiegħda fuq l-ieħor, id-dokument trażmess permezz ta’ faks ma jkunx kopja tal-oriġinal tal-att li jkun ġie ppreżentat bil-posta.

Barra minn hekk, jekk it-trażmissjoni tat-test mibgħut permezz ta’ faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għaċ-ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura, id-data tal-preżentata tad-dokument trażmess permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 19, 20 u 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 13 ta’ Novembru 2001, F vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑138/01 R, punti 8 u 9