Language of document : ECLI:EU:C:2014:317

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Jannar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Polymeles Protodikeio Athinon - il-Greċja) – Warner – Lambert Company LLC, Pfizer Ellas AE vs Minerva Farmakeftiki AE

(Kawża C-462/13) 1

(Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi preliminari magħmula li jkunu identiċi għal domandi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġa ddeċidiet – Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs) – Artikolu 27 – Oġġett li jista’ jiġi protett bi privattiva – Artikolu 70 – Protezzjoni ta’ oġġetti eżistenti)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Polymeles Protodikeio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Warner – Lambert Company LLC, Pfizer Ellas AE

Konvenuta: Minerva Farmakeftiki AE

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Polymeles Protodikeio Athinon - Interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 70 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305) - Distinzjoni bejn l-oqsma li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju u dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri - Qasam tal-privattivi - Prodotti kimiċi u farmaċewtiċi

Dispożittiv

L-Artikolu 27 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jifforma l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, u li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), jaqa’ taħt il-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

L-Artikolu 27 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invenzjoni ta’ prodott farmaċewtiku, bħall-komponent kimiku attiv ta’ prodott mediċinali, fin-nuqqas ta’ deroga skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-artikolu, tista’ tkun is-suġġett ta’ privattiva skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

Privattiva li nkisbet sussegwentement għal applikazzjoni għall-invenzjoni kemm ta’ proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott farmaċewtiku kif ukoll tal-prodott farmaċewtiku fih innifsu, iżda li ngħatat biss għal dak li jirrigwarda l-proċess ta’ fabbrikazzjoni, ma għandhiex, minħabba r-regoli stabbiliti fl-Artikoli 27 u 70 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, tkun ikkunsidrata, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, bħala li tkopri l-invenzjoni tal-imsemmi prodott farmaċewtiku.

____________

1 ĠU C 78, 15.03.2014.