Language of document : ECLI:EU:C:2012:719

Kawża C‑456/11

Gothaer Allgemeine Versicherung AG et

vs

Samskip GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressaq mil-Landgericht Bremen)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikoli 32 u 33 — Rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qorti — Kunċett ta’ ‘sentenza’ — Effetti ta’ sentenza ta’ qorti fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Kunċett ta’ sentenza — Sentenza li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, premessi 2, 6, 16 u 17 u Artikolu 32)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Sentenza li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni — Rikonoxximent kemm tad-dispożittiv kif ukoll tal-motivi tad-deċiżjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 32 u 33)

1.        L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda wkoll sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ tali sentenza mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

In-neċessità ta’ tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sentenza, li għandha titwettaq b’mod awtonomu, hija kkorroborata, minn naħa, mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, kif stabbiliti fil-premessi 2 u 6 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw rispettivament is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi u l-moviment liberu tagħhom u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati li, skont il-premessi 16 u 17, huwa l-bażi tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 44/2001.

Fil-fatt, ikun hemm theddida għal din il-fiduċja reċiproka li kieku qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni. Li jiġi aċċettat li qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta milli tirrikonoxxi tali deċiżjoni, imur kontra s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 44/2001, għaliex tali rifjut jista’ jikkomprometti l-funzjonament effikaċi tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri.

(ara l-punti 25-29, 32 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li quddiemha qed jiġi invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza, li fiha l-qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, hija marbuta mill-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi ta’ sentenza li saret res judicata u li ddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli.

Il-fatt li jiġi aċċettat li qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża tista’ tqis bħala nulla l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini rrikonoxxiet bħala valida, imur kontra dan l-impediment ta’ reviżjoni tas-sentenzi dwar il-mertu, prevista fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet fejn din l-aħħar qorti tkun tista’ tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni fin-nuqqas ta’ din il-klawżola. F’din l-aħħar ipoteżi, tali konstatazzjoni mingħand il-qorti tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża, tqiegħed inkwistjoni mhux biss il-konklużjoni intermedjarja tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini dwar il-validità tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, iżda wkoll is-sentenza ta’ din il-qorti li tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni proprju tagħha.

Barra minn hekk, il-kunċett tal-awtorità ta’ res judicata tad-dritt tal-Unjoni, li huwa rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-effetti li tipproduċi tali sentenza, ma huwiex marbut biss mad-dispożittiv tas-sentenza tal-qorti inkwistjoni, iżda huwa estiż għall-motivi ta’ din tal-aħħar li jikkostitwixxu l-bażi stess tad-dispożittiv tagħha, u huma għalhekk, inseparabbli minn din tal-aħħar.

(ara l‑punti 38, 40, 43 u d‑dispożittiv 2)