Language of document : ECLI:EU:F:2013:152

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑59/12

BF

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ħatra — Pożizzjoni vakanti ta’ direttur — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Att li jikkawża preġudizzju — Assenza — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a ta’ dan, li permezz tiegħu BF, ir-rikorrent, jitlob, essenzjalment, l-annullament tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ECA/2011/67 intiż sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ direttur tar-riżorsi umani fi ħdan is-segretarjat ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kumpens għad-danni materjali u morali sostnuti.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. BF għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Avviż ta’ impjieg vakanti li ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

L-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma biss dawk il‑miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar‑rikorrent b’mod dirett u immedjat, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu.

Fil-kuntest ta’ rikors intiż kontra avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jiftaħ, għat-tieni darba, proċedura ta’ reklutaġġ u li ma għandux l-effett li jeskludi l-kandidatura tar-rikorrent, l-effetti li dan tal-aħħar jattribwixxi lil dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jiġifieri li jrendi impossibbli, fil-prattika, in-nomina tiegħu għall-pożizzjoni inkwistjoni kif deċiż f’sentenza eventwali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tannulla d-deċiżjonijiet li tiġi maħtura terza persuna fil-pożizzjoni inkwistjoni u li tiċħad il-kandidatura tiegħu, meħuda fi tmiem l-ewwel proċedura ta’ reklutaġġ, huma, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, purament ipotetiċi u għalhekk ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-imsemmi avviż jaffettwa b’mod dirett u immedjat l-interessi tiegħu.

Fil-fatt, fi tmiem it-tieni proċedura ta’ reklutaġġ, l-awtorità tal-ħatra ma hijiex neċessarjament obbligata timla l-pożizzjoni inkwistjoni. Sussegwentement, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, li, jekk it-tieni proċedura ta’ reklutaġġ tasal sat-tmiem tagħha, ir-rikorrent mhux ser jinħatar fil-pożizzjoni vakanti. Fir-rigward tal-effetti tas-sentenza fil-kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem l-ewwel proċedura ta’ reklutaġġ, dawn l-aħħar deċiżjonijiet jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità u s-sempliċi fatt li jkun ippreżenta rikors ma jagħti lir-rikorrent l-ebda dritt suġġettiv sabiex jinħatar fil-pożizzjoni inkwistjoni u lanqas id-dritt li titwaqqaf kwalunkwe eventwali inizjattiva amministrattiva intiża sabiex timtela din il-pożizzjoni vakanti. Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem l-ewwel proċedura ta’ reklutaġġ, tkun għalhekk l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri xierqa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza, miżuri li r-rikorrent jista’, skont il-każ, jikkontesta meta jkun il-waqt.

Konsegwentement, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat u t-tieni proċedura ta’ reklutaġġ bħala tali ma jipproduċux effett legali obbligatorju ta’ natura li jaffettwa b’mod dirett u immedjat l-interessi tar-rikorrenti. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestat, bis-sempliċi fatt li ġie ppubblikat, ma jikkawżax preġudizzju lir-rikorrent.

(ara l-punti 20 sa 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il‑Kummissjoni, 25/77, punti 7 u 8

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2006, Vorvoisier et vs BĊE, F-13/05, punt 44; 9 ta’ Lulju 2009, Torijano Montero vs Il-Kunsill, F-91/07, punti 24 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata