Language of document : ECLI:EU:F:2013:162

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

tas-17 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑145/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata tar-rikors miżjud bit-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza — Rikors ippreżentat bil-posta fl-għaxart ijiem ta’ wara — Assenza ta’ identiċità bejn wieħed u l-ieħor — Tardività tar-rikors”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ċaħdet it-talba tiegħu tat-28 ta’ Awwissu 2011 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2012, u tagħtih kumpens għad-danni li allegatament huwa ġarrab minħabba f’dawn id-deċiżjonijiet. Il-preżentata bil-posta tal-oriġinal tar-rikors kienet ġiet ippreċeduta permezz tat-trażmissjoni bil-faks, fis-26 ta’ Novembru 2012, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġinal tar-rikors.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għal preżentata ta’ rikors — Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta waslet il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Fil-kuntest ta’ kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata regolari ta’ kull att proċedurali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 6 tiegħu, li jippermettu l-preżentata ta’ rikors permezz ta’ faks, jimponu fuq ir-rappreżentant tal-parti li jiffirma bl-idejn l-oriġinal tal-att qabel ma jibagħtu permezz ta’ faks u jippreżenta l-istess oriġinal lir-Reġistru tat-Tribunal mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jidher retrospettivament li l-oriġinal tal-att li huwa materjalment ippreżentat lir-Reġistru fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tiegħu permezz ta’ faks ma għandux l-istess firma li tidher fuq id-dokument mibgħut permezz ta’ faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tat-Tribunal wasslu żewġ atti proċedurali differenti, anki jekk il-firem kienu saru mill-istess persuna. Fil-fatt, sa fejn it-Tribunal ma jivverifikax jekk test wieħed jew ieħor jaqblux kelma b’kelma, huwa evidenti li, meta l-firma fuq wieħed miż-żewġ dokumenti ma tkunx identika għal dik li tinsab fuq id-dokument l-ieħor, id-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma huwiex kopja tal-oriġinal tal-att li kien ġie ppreżentat bil-posta.

Barra minn hekk, fil-każ li t-trażmissjoni tat-test mibgħut permezz ta’ faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

(ara l-punti 21, 22 u 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Novembru 2001, F vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-138/01 R, punti 8 u 9