Language of document : ECLI:EU:F:2013:148

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑57/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Allowance tal-invalidità — Tnaqqis tal-ammont ta’ kreditu ta’ istituzzjoni — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas l-ammont totali ta’ EUR 1 661 tal-allowances tal-invalidità li ngħatawlu għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2011 u l-kumpens għad-dannu subit minħabba dan it-tnaqqis.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawżi F‑57/12 R u T‑464/12 P(R). L. Marcuccio huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 2 000.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tad-destinatarju

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż ġudizzjarji — Spejjeż imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Ikkundannar tal-uffiċjal għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94(a))

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu bħala għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex din issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk għandhiex difett li jippermetti li l-legalità tagħha tiġi kkontestata u sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Deċiżjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti ladarba l-att li hu s-suġġett tar-rikors isir f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat u li jippermetti li wieħed jifhem il-portata tal-miżura li tkun ittieħdet fil-konfronti tiegħu.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Ottubru 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑3/08, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata; 1 ta’ Diċembru 2010, Gigalis vs Il-Kunsill, F‑89/09, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Abbażi tal-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk it-Tribunal ikun sofra xi spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors għandu natura manifestament abbużiva, dan jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom biex tirrimborsahom b’mod sħiħ jew parzjali, mingħajr ma l-ammont ta’ dan ir-rimbors jista’ jeċċedi s-somma ta’ EUR 2 000. Rikors ippreżentat manifestament b’mod abbużiv inaqqas ir-riżorsi tat-Tribunal meta r-rikorrent ikun qagħad lura milli jipprovdi kwalunkwe informazzjoni dwar ir-raġuni tad-deċiżjonijiet ta’ istituzzjoni, liema informazzjoni hija tkun madankollu pprovdietlu, u li huwa kien jaf biha qabel ma ppreżenta r-rikors.

(ara l-punti 55 u 56)