Language of document : ECLI:EU:F:2013:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑63/12

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Eżekuzzjoni ta’ sentenza — Spejjeż — Rimbors tal-ispejjeż — Rimbors tas-somma mħallsa fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru wara sentenza li tannulla parzjalment is-sentenza li permezz tagħha r-rikorrent kien ġie kkundannat għal dawn l-ispejjeż”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jannulla r-rifjut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jirrimborsalu l-ispejjeż imħallsa abbażi ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li sussegwentement ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-4 u tal-25 ta’ Mejju 2012 tal-Bank Ewropew tal-Investiment huma annullati. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil C. De Nicola s-somma ta’ EUR 6 000, flimkien mal-interessi kumpensatorji dekorribbli mid-29 ta’ April 2012. Ir-rata tal-interessi kumpensatorji għandha tiġi kkalkolata abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Rimbors tas-somma mħallsa fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru wara sentenza li tannulla parzjalment is-sentenza li permezz tagħha r-rikorrent kien ġie kkundannat għal dawn l-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 115)

Skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tannulla sentenza jew digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tirrinvija l-kawża lil dan tal-aħħar, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, fid-deċiżjoni li ttemm il-proċeduri, jiddeċiedi fuq l-ispejjeż, kemm tal-proċeduri quddiemu, kif ukoll dawk tal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Tali dispożizzjoni tagħmilha ċara li l-effett tal-annullament, anki parzjali, ta’ sentenza jew ta’ digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġu annullati d-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun iddeċieda fuq l-ispejjeż f’dik is-sentenza jew f’dak id-digriet.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni kellha tilqa’ t-talba tar-rikorrent għall-ħlas lura tas-somma mħallsa fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

(ara l-punti 23, 24 u 27)