Language of document : ECLI:EU:F:2013:175

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑132/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik fuq ir-rikors oriġinali mibgħut bil-posta — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta — Ineżistenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet l-ilment tiegħu tal-25 ta’ April 2011 imressqa kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2010. Il-preżentata tal-oriġinal tar-rikors ġiet ippreċeduta minn faks, mibgħut, fil-5 ta’ Diċembru 2011, lir-Reġistru tat-Tribunal ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġinal tar-rikors ippreżentat li kien intbagħat bil-posta.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma bl-idejn ta’ avukat — Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta — Assenza — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta ġie riċevut il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett

(Artikolu 288 TFUE)

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn avukat awtorizzat jagħmel dan ix-xogħol u li, konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi biss permezz ta’ rikors iffirmat minn dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Issa, l-ebda deroga jew eċċezzjoni ma hija prevista minn dan l-obbligu mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli ta’ Proċedura ta’ dan it-Tribunal.

Fil-fatt, l-eżiġenza ta’ firma bl-idejn tar-rappreżentant tar-rikorrent tiggarantixxi, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u teskludi r-riskju li dan ma jkunx xogħol l-avukat awtorizzat jagħmel dan. Għaldaqstant, dan tal-aħħar, bħala awżiljarju tal-ġustizzja għandu rwol essenzjali, li jagħtuh l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti, fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għall-imsemmi Tribunal. Din l-eżiġenza għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandha tiġi applikata b’mod strett, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 19 u 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinal ta’ kull att proċedurali fit-terminu impost, l-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lill-avukat tal-parti kkonċernata li juża żewġ firem bl-idejn differenti, anki jekk awtentiċi, waħda fuq id-dokument mibgħut permezz ta’ faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġinal mibgħut bil-posta jew ippreżentat bl-idejn fl-imsemmi Reġistru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher li l-att oriġinali li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara li tintbagħat kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkollux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument mibgħut permezz ta’ faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal ikunu waslu żewġ atti proċedurali differenti, kull wieħed minnhom b’firma distinta anki jekk kull waħda tkun saret mill-istess persuna. Peress li t-test mibgħut permezz ta’ faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ meta d-dokument intbagħat permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut, li r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jidderogaw minnu. Konsegwentement, huwa importanti li l-oriġinal tar-rikors jasal sa mhux iktar tard mill-aħħar ġurnata ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, il-kopja mibgħuta b’faks ma hijiex biss mod kif jintbagħat, iżda tippermetti wkoll li jiġi pprovat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-reġistru ta’ dan it-Tribunal barra mit-terminu jkun diġà ġie ppreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 22 sa 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross BV vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑113/11, punt 22

3.      Sabiex tiġi ġġustifikata l-ammissibbiltà ta’ talba ta’ uffiċjal daqstant gravi bħal dik intiża għad-dikjarazzjoni tal-ineżistenza ta’ att amministrattiv, l-imsemmija talba jrid ikun fiha allegazzjoni, de facto jew de jure, li tkun tista’ ssostni, prima facie, jew fatt li jaqa’ taħt ipoteżi ta’ gravità estrema jew irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tistax tkun ittollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Peress li din il-kwistjoni tirrigwarda dikjarazzjoni tal-ineżistenza ta’ att amministrattiv, jiġifieri l-irregolarità l-iktar gravi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, irregolaritajiet mikxufa minn uffiċjal bħal pereżempju n-natura vaga u impreċiża ta’ att amministrattiv ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt ipoteżi estremi.

(ara l-punti 32, 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, T‑40/07 P u T‑62/07 P, punti 150 sa 152

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 24 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑9/09 P, punti 37 et seq