Language of document : ECLI:EU:F:2013:177

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tas-7 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑60/12

CA

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni tal-motivi invokati — Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CA titlob l-annullament tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2010, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħtiha żewġ punti ta’ promozzjoni għal dan il-perijodu, l-eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni tagħha filwaqt li jingħatawlha n-numru ta’ punti neċessarji sabiex tiġi promossa b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2011 u l-kundanna tal-Kummissjoni għal ammont ta’ EUR 20 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. CA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi r-raġunijiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn ir-raġunijiet u l-argumenti għandhom jiġu ppreżentati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u jippermetti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm bżonn, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat jkunu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju ta’ noti wieħed, ħlief jekk ikun hemm deċiżjoni kuntrarja tal-imsemmi Tribunal. Din l-aħħar partikolarità tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tispjega li, bid-differenza għal dak previst għall-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tar-raġunijiet u l-argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja.

(ara l-punt 11)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, punt 76; 15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI, F‑102/09, punt 115; 1 ta’ Frar 2012, Bancale u Buccheri vs Il-Kummissjoni, F‑123/10, punt 38; 8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, F‑12/10, punt 68