Language of document : ECLI:EU:F:2013:173

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

7 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑52/12

Maria Luisa Cortivo

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Stat Membru ta’ residenza — Kunċett — Residenza prinċipali — Residenza mqassma bejn żewġ Stati Membri — Dokumenti ta’ sostenn — Aspettattivi leġittimi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat tal-KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. L. Cortivo titlob, b’mod partikolari, l-annullament ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament Ewropew, stabbilixxiet, b’effett retroattiv, fl-1 ta’ Jannar 2010, ir-residenza prinċipali tagħha fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) u ħassret l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni (iktar ʼil quddiem il-“KK”) għal Franza.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. M. L. Cortivo għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni tal-pajjiż ta’ residenza prinċipali tal-pensjonant — Kunċett ta’ residenza prinċipali — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 20)

2.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni tal-pajjiż ta’ residenza prinċipali tal-pensjonant — Oneru tal-prova li tinkombi l-uffiċjal irtirat — Mezzi ta’ prova

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 20)

3.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Verifika annwali tar-residenza prinċipali tal-uffiċjali rtirati li jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ iktar minn 100 — Ksur — Assenza

1.      Sabiex il-post fejn ikun jgħix l-uffiċjal irtirat ikun jista’ jikkwalifika mhux biss bħala r-residenza tiegħu iżda wkoll bħala r-residenza prinċipali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tingħata importanza maġġuri lill-komponenti differenti tal-kunċett ta’ residenza jiġifieri l-fatt fiżiku ta’ residenza fil-post ikkonċernat, li jagħti lil dan tal-aħħar in-natura ta’ residenza effettiva, l-iżvilupp ta’ rapporti soċjali normali u l-ħruġ ta’ spejjeż kurrenti bl-intenzjoni li tingħata natura stabbli u ta’ kontinwità lir-residenza f’dan il-post.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-amministrazzjoni l-ebda setgħa diskrezzjonali li tagħti jew le l-benefiċċju tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni, iżda jagħtuha kompetenza marbuta, fis-sens li r-redazzjoni imperattiva tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq juru li l-amministrazzjoni hija obbligata li tagħti l-vantaġġ inkwistjoni meta hija tikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma ssodisfatti. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ ġudizzjarju sħiħ meta teżamina l-fatti miġbura mill-amministrazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti minn din tal-aħħar sabiex tagħti risposta għad-domanda dwar jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-għoti tad-dritt għall-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni ddeterminat.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il-Kunsill, T‑416/04, punti 74 u 75

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il-Kummissjoni, F‑134/06, punt 89

2.      L-oneru tal-prova, dwar il-post tar-residenza prinċipali, tinkombi lill-uffiċjal irtirat u lill-istituzzjoni kompetenti, li billi tevalwa l-provi prodotti f’dan ir-rigward u billi twettaq, fejn ikun xieraq, kontrolli, għandha tevita l-abbużi mill-imsemmija dispożizzjoni.

Sabiex tiġġustifika r-residenza prinċipali tagħha, il-persuna kkonċernata tista’ tagħmel riferiment għall-fatti kollha li jikkostitwixxu lil din tal-aħħar u tipproduċi l-mezzi ta’ provi kollha li hija tqis utli.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il-Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, punt 75

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Mejju 2010, Petrilli vs Il-Kummissjoni, F‑100/08, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi invokat minn kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Ewropea, filwaqt li tagħtih garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fi ħdanu aspettattivi fondati. Barra minn hekk, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli b’mod ġenerali.

Sistema ta’ kontroll, li titlob lill-irtirati li jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ iktar minn 100 li jimlew kull sena dikjarazzjoni bil-għan li jiġi vverifikat jekk matul is-sena preċedenti dawn żammewx ir-residenza prinċipali tagħhom fil-pajjiż li għalih ingħata l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni u jekk l-għoti tal-imsemmi koeffiċjent ta’ korrezzjoni kienx iġġustifikat għal dik is-sena, ma tistax, mid-definizzjoni tagħha stess, toħloq aspettattivi leġittimi għaż-żamma ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni.

(ara l-punti 85 sa 87)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ April 2011, Sukup vs Il-Kummissjoni, F‑73/09, punt 89