Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria - l-Ungerija) – Árpád Kásler, Hajnalka Káslerné Rábai vs OTP Jelzálogbank Zrt

(Kawża C-26/13) 1

(Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur – Artikoli 4(2) u 6(1) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Esklużjoni tal-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni jekk dawn huma mfassla b’mod ċar u li jinftiehem – Kuntratti ta’ self lill-konsumatur f’munita barranija – Klawżoli dwar ir-rati tal-kambju – Differenza bejn il-prezz tax-xiri, li japplika fil-mument tal-għoti tas-self, u l-prezz tal-bejgħ, li japplika fil-mument tal-ħlas tiegħu – Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kklassifikata bħala ‘inġusta’ – Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari – Ammissibbiltà)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Árpád Kásler, Hajnalka Káslerné Rábai

Konvenuta: OTP Jelzálogbank Zrt

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Kúria - Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) - Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali - Kuntratt ta’ self, f’munita barranija, suġġett għal garanziji ipotekarji, konkluż bejn individwu u bank, li jipprovdi li l-għoti u l-ħlas tas-self għandhom isiru fil-munita nazzjonali - Dejn ikkalkulat, meta ġie konkluż il-kuntratt, abbażi tal-prezz tax-xiri tal-munita barranija - Klawżola li tipprovdi li l-pagamenti ta’ kull xahar li għandhom jitħallsu għandhom jiġu stabbiliti billi jintuża l-prezz tal-bejgħ attwali tal-munita u mhux il-prezz tax-xiri

Dispożittiv

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-frażi “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma tkoprix klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-prezz ta’ xiri ta’ din il-munita japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tas-self, ħlief jekk jiġi kkonstatat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali tiegħu, li l-imsemmija klawżola tistabbilixxi provvista essenzjali ta’ dan il-kuntratt li, bħala tali, tikkaratterizzah;

–    tali klawżola, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju li l-konsumatur għandu jħallas, fil-kuntest tal-ħlasijiet tas-self, ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija, ma tistax titqies li tinkludi “remunerazzjoni” li l-adegwatezza tagħha bħala korrispettiv ta’ provvista mwettqa mill-kreditur ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

2)    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra dwar l-għoti tas-self, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt.

3)    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tirrimedja għall-invalidità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

____________

1 ĠU C 156, 01.06.2013.