Language of document : ECLI:EU:F:2013:202

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑22/12

Mark Hall

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u

Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Allowance tal-edukazzjoni — Ulied tal-konjuġi tar-rikorrent li ma jgħixux fid-dar tal-koppja — Kundizzjonijiet għall-għoti”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Hall jitlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-25 ta’ Marzu 2011 u tad-deċiżjoni espliċita tal-11 ta’ Lulju 2011 tal-Kummissjoni Ewropea li jiċħdu t-talba tiegħu li jirċievi l-allowance għall-ulied dipendenti u l-allowance tal-edukazzjoni għat-tliet ulied tal-konjuġi tiegħu matul il-perijodu meta huma kienu għadhom jirrisjedu fil-Filippini u l-kumpens għad-dannu materjali u morali li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn l-allowances.

Deċiżjoni:      Ir-rikors, sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, huwa miċħud bħala inammissibbli. Id-deċiżjoni impliċita tal-25 ta’ Marzu 2011 kif ukoll id-deċiżjoni espliċita tal-11 ta’ Lulju 2011 tal-Kummissjoni Ewropea li jiċħdu t-talba għal allowance għall-ulied dipendenti u għal allowance tal-edukazzjoni għat-tliet ulied tal-konjuġi ta’ M. Hall, għall-perijodu meta huma kienu għadhom jirrisjedu fil-Filippini, huma annullati. Il-kumplament tar-rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni Ewropea huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn M. Hall. M. Hall huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Kundizzjonijiet għall-għoti — Manteniment effettiv — Kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2)

L-Artikolu 2(3) u (5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċernaw il-każijiet fejn il-wild tal-uffiċjal jagħti neċessarjament dritt għal allowance għall-ulied dipendenti, mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jippreżumu li l-wild li għalih jirreferu, minħabba ċ-ċirkustanza biss li huwa wild minuri, student, marid jew ibati minn invalidità, effettivament huwa dipendenti fuq l-uffiċjal. Minkejja dan, ma jsegwix li l-istituzzjoni hija eżenti mill-obbligu li tivverifika li l-kundizzjoni tal-manteniment effettiv tal-wild mill-uffiċjal, stabbilita mill-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ssodisfatta. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni hija ssodisfatta li jista’ jiġi kkunsidrat li l-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra hija limitata, fit-tliet każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a) u (b) u tal-Artikolu 2(5) ta’ dan l-anness. Fil-fatt, wild minuri ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa dipendenti fuq l-uffiċjal ikkonċernat u lanqas ma jagħti dritt għal allowance għall-ulied dipendenti meta persuna oħra, pubblika jew privata, tiżgura totalment il-manteniment effettiv tiegħu.

(ara l-punti 39 sa 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Novembru 1991 Schwedler vs Il‑Parlament, C‑132/90 P, punti 19 sa 24; 7 ta’ Mejju 1992, Il‑Kunsill vs Brems, C‑70/91 P, punt 5

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2000 Skrzypek vs Il‑Kummissjoni, T‑134/99, punt 66