Language of document : ECLI:EU:F:2013:198

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑68/12

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rapport ta’ evalwazzjoni — Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2010 — Talba għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Talba għall-annullament tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni attribwiti”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2010, u b’mod iktar speċifiku tal-livell ta’ prestazzjoni kif ukoll tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni attribwiti konsegwentement.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. G. Lebedef għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Tnaqqis fil-pożizzjoni — Kunċett — Tnaqqis tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni miksuba waqt il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ rapporti suċċessivi — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 86, u Anness IX, Artikolu 9)

1.      L-evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-ġudizzji dwar ix-xogħol tal-uffiċjali li huma inkarigati li jevalwaw. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti dwar il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter. Għaldaqstant, ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, meta din tinvolvi ġudizzji kumplessi ta’ valur li, min-natura nfisha tagħhom, ma jistgħux jiġu vverifikati oġġettivament.

(ara l-punt 53)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il‑Kummissjoni, F-74/10, punt 89

2.      It-tnaqqis tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni miksuba waqt il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ rapporti suċċessivi minn uffiċjal li kien suġġett għal deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-pożizzjoni jikkostitwixxi l-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni u mhux sanzjoni addizzjonali. Fil-fatt, iż-żamma tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni kif kien qabel id-deċiżjoni ta’ tnaqqis fil-pożizzjoni jkollha bħala effett li tippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat jibbenefika minn opportunità ikbar minn dik tal-kollegi tiegħu li jiġi promoss malajr fil-grad li jmiss, liema fatt imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jimplika li l-uffiċjali kollha promossi għall-istess grad għandhom, f’sitwazzjoni ugwali ta’ mertu, jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet ta’ promozzjoni. Għall-istess raġunijiet, l-uffiċjal ma jistax jippretendi li jżomm l-anzjanità tiegħu fi grad. Konstatazzjoni kuntrarja tħassar, mill-inqas parzjalment, is-sanzjoni ta’ tnaqqis fil-pożizzjoni.

(ara l-punt 63)