Language of document : ECLI:EU:C:2014:2146

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ — Inċident ikkawżat fil-bitħa ta’ razzett minn trattur li kien qed jirmonka trejler”

Fil-Kawża C‑162/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Damijan Vnuk

vs

Zavarovalnica Triglav d.d.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Kemper u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce, E. Creedon u L. Williams, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rous Demiri u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Vnuk u Zavarovalnica Triglav d.d. (iktar ’il quddiem “Zavarovalnica Triglav”) dwar il-ħlas ta’ kumpens taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni obbligatorja”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-ħames sas-seba’ premessa tal-Ewwel Direttiva jippreċiżaw:

“Billi huwa mixtieq li [...] jittieħdu miżuri biex jiġu lliberalizzati iktar ir-regoli rigward il-moviment ta’ persuni u vetturi bil-mutur li jivjaġġaw bejn Stati Membri; [...]

Billi dan ir-rilassament tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ moviment ta’ vjaġġaturi jikkonstitwixxi pass ieħor lejn il-ftuħ reċiproku tas-swieq tagħhom minn Stati Membri u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet simili għal dawk tas-suq domestiku;

Billi t-tneħħija ta’ kontrolli tal-kartolini [karti] ħodor għal vetturi normalment ibbażati fi Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tista’ tkun effettwata [...]”

4        L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru [trejler], kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga ta’ l-Artikolu 3 fir-rigward ta’:

[...]

b)      ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista ta’ dawn it-tipi jew ta’ dawn il-vetturi għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi kkomunikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni [Ewropea].

[...]”

7        L-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), jipprovdi:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali [fiżiċi].”

8        Il-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu stabbilixxa l-ammonti minimi li għandhom jiġu ggarantiti b’din l-assigurazzjoni obbligatorja. Dawn l-ammonti ġew evalwati mill-ġdid bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14), li wkoll introduċiet, fit-Tieni Direttiva, dispożizzjoni intiża li tiżgura r-reviżjoni regolari ta’ dawn l-ammonti skont l-iżvilupp tal-Indiċi Ewropew ta’ Prezzijiet tal-Konsumaturi.

9        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura mhix identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fil-paragrafu 1 ma ġiex sodisfatt”. Ir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni kien jipprovdi, barra minn hekk, li “Stati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fil-każ ta’ ħsara [materjali] lill-proprjetà minn vettura mhix identifikata”. Din il-possibbiltà madankollu ġiet sussegwentement eskluża mid-Direttiva 2005/14 “fejn il-korp ħallas kumpens għal danni personali [fiżiċi] sinifikanti lil kwalunkwe vittma ta’ l-istess inċident fejn ħsara lill-proprjetà ġiet kkawżata minn vettura mhix identifikata”.

10      L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jistipula li:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

–        persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,

jew

–        persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,

jew

–        persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

[...]”

11      Skont l-Artikolu 3 tat-Tieni Direttiva:

“Il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, ix-xufier jew kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex tiġi eskluża mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali [tad-danni fiżiċi] tagħha minħabba dik ir-relazzjoni.”

12      L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), kif emendata bid-Direttiva 2005/14, (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”), jippreċiża:

“[...]l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna [għad-danni fiżiċi] tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew imissu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol jew ta’ kwalunkwe sustanza li ssakkar [ta’ droga] fil-ħin ta’ l-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ tali passiġġier.

[...]”

13      L-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva jipprovdi:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri danni personali [fiżiċi] u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. [...]”

14      Skont l-Artikolu 4ċ ta’ din id-Direttiva:

“impriżi ta’ assigurazzjoni m’għandhomx iserrħu fuq eċċessi kontra l-parti li ġarrbet ħsara f’inċident safejn l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] hi konċernata.”

15      Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-Raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331), fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Dritt dirett ta’ azzjoni”, tipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-partijiet danneġġjati [leżi] [...] igawdu minn dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra r-responsabbiltà ċivili.”

16      Barra minn hekk, l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KE, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE, tal-10 ta’ Diċembru 1984 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 109), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.      Din id-Direttiva tikkonċerna l-bidu u t-twettiq ta l-attività ta’ min jaħdem għal rasu ta’ assigurazzjoni diretta [...] imwettqa minn intrapriżi li huma stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk.

[...]

3.      Il-klassifika skond il-klassijiet ta’ l-attività imsemmija f’dan l-Artikolu tidher fl-Anness.”

17      L-Anness ta’ din id-direttiva jippreċiża:

“A.      Klassifika tar-riskji skond il-klassijiet ta’ assigurazzjoni

[...]

10.      Ir-responsabbiltà għal vetturi bil-mutur

Kull responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li joperaw fuq l-art (inkluż l-impenn tat-trasportatur).

[...]”

 Id-dritt Sloven

18      L-Artikolu 15 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur (Zakon o obveznih zavarovanjih v prometu, iktar ’il quddiem iż-“ZOZP”) jipprovdi:

“Il-proprjetarju ta’ vettura għandu jikkonkludi kuntratt tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà għad-danni li huwa jikkawża lil terzi meta juża l-vettura: il-mewt, id-danni fiżiċi, il-problemi tas-saħħa, il-qerda u d-deterjorament tal-beni [...], ħlief għar-responsabbiltà għad-danni għall-beni li jkun aċċetta li jittrasporta. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-13 ta’ Awwissu 2007, waqt li kien qiegħed isir il-ħżin ta’ xi balal tal-ħuxlief fir-raff ta’ matmura, trattur li kien qed jirmonka trejler, li beda jirriversja fil-bitħa tar-razzett sabiex iqiegħed it-trejler f’din il-matmura, laqat is-sellum li fuqu kien tela’ D. Vnuk, u waqqgħu. D. Vnuk ta bidu, kontra Zavarovalnica Triglav, kumpannija tal-assigurazzjoni li magħha l-proprjetarju tat-trattur kien ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja, azzjoni intiża għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 15 944.10 bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali tiegħu, flimkien ma’ interessi moratorji.

20      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet din it-talba. Il-qorti tal-appell ċaħdet l-appell ippreżentat minn D. Vnuk mill-imsemmija deċiżjoni, billi rrilevat li l-polza ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur kienet tkopri d-dannu kkawżat bl-użu ta’ trattur bħala mezz ta’ trasport, iżda mhux dak ikkawżat matul l-użu ta’ trattur bħala magna ta’ propulsjoni.

21      Il-qorti tar-rinviju awtorizzat lil D. Vnuk jippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni sa fejn dan jirrigwarda l-kwistjoni tal-użu tat-trattur bħala “vettura”, fis-sens tal-Artikolu 15 taż-ZOZP.

22      Quddiem il-qorti tar-rinviju, D. Vnuk isostni li l-kunċett ta’ “użu ta’ vettura fit-triq” ma tistax tiġi limitata għas-sewqan fit-toroq pubbliċi u li, barra minn hekk, fil-mument li fih seħħ il-fatt li kkawża d-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-unità magħmula mit-trattur u t-trejler tiegħu kienet tabilħaqq tifforma vettura f’użu fit-triq, u li dan kien it-tmiem tal-vjaġġ. Għall-kuntrarju, Zavarovalnica Triglav ssostni li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-użu ta’ trattur mhux fil-funzjoni tiegħu ta’ vettura intiża għall-użu fit-triq, iżda fil-kuntest ta’ xogħol quddiem matmura ta’ razzett.

23      Il-qorti tar-rinviju tosserva li ż-ZOZP ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” iżda li din il-lakuna hija mimlija mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward hija tindika li l-għan prinċipali tal-assigurazzjoni obbligatorja taħt iż-ZOZP tikkonsisti fil-ġbir flimkien (pooling) tar-riskju u fin-neċessità li jiġu protetti l-bżonnijiet tal-persuni leżi u tal-passiġġiera waqt l-użu fit-toroq pubbliċi. Skont il-qorti tar-rinviju, taħt il-ġurisprudenza Slovena, sabiex jiġi evalwat jekk dannu partikolari huwiex kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja jew le, ma huwiex deċiżiv li wieħed isir jaf jekk dan seħħx fi triq pubblika. Madankollu ma jkunx hemm kopertura taħt l-assigurazzjoni obbligatorja meta l-vettura tintuża bħala magna, pereżempju fuq art agrikola, peress li, f’każ bħal dan, dan ma jikkostitwixxix użu fit-triq.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-diversi direttivi dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — jiġifieri l-ewwel sat-tielet direttivi, ir-Raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi kif ukoll id-Direttiva 2005/14 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”) — jagħmlu riferiment għall-“użu”, għall-“użu fit-triq” jew saħansitra għal “dawk li jużaw it-triq”, iżda ma jippreċiżawx x’jista’ jitqies bħala użu tal-vetturi u liema huwa l-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward. Għaldaqstant ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li l-assigurazzjoni obbligatorja tkopri d-dannu kkawżat minn vettura fil-kuntest tal-użu fit-triq biss jew li hija tkopri kull dannu li huwa marbut bi kwalunkwe mod mal-użu jew mal-funzjonament ta’ vettura, indipendentement mill-fatt li s-sitwazzjoni tista’, jew le, tiġi ddefinita bħala sitwazzjoni ta’ użu.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vrhovno sodišče (Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’, fis-sens tal-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn il-persuna assigurata mill-konvenuta laqtet is-sellum tar-rikorrent bi tractor li kien qed jirmonka trailer filwaqt li kien qed jinħażen tiben f’raff, għaliex l-inċident ma seħħx fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku?”

 Fuq it-talbiet intiżi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2014, l-Irlanda talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tiegħu, dan l-Istat Membru jinvoka n-neċessità, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali, li tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza li ser tingħata u, konsegwentement, in-neċessità li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura sabiex ikun possibbli għalih li jippreżenta l-argumenti tiegħu insostenn tat-talba tiegħu għal limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 u fil-21 ta’ Mejju 2014 rispettivament, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ġermaniż ukoll talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-imsemmija fażi orali, b’applikazzjoni tal-istess Artikolu 83. Insostenn tat-talba tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali huma vvizzjati minn diversi żbalji, li fir-rigward tagħhom huwa jixtieq jissottometti xi osservazzjonijiet. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-imsemmija konklużjonijiet jittrattaw argument li ma ġiex indirizzat mill-partijiet, jiġifieri l-preżenza ta’ lakuna possibbli fl-Ewwel Direttiva, li għandha timtela, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx informata biżżejjed sabiex tagħti deċiżjoni.

28      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fir-rigward ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fir-rigward ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha.

30      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kritiki magħmula lill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (digriet Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punt 2, u sentenza Döhler Neuenkirchen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 29).

31      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jippreżenta konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja li hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu x’ikunu d-domandi li dan jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi Hogan Lovells International, C‑229/09, EU:C:2010:673, punt 26; E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 62, u Weber, C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 30).

32      It-talbiet tal-Gvern Ġermaniż, tal-Irlanda u tal-Gvern tar-Renju Unit intiżi għall-ksib tal-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda.

 Fuq id-domanda preliminari

33      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex it-trejler ta’ dan it-trattur jiddaħħal f’matmura.

34      Il-Gvern Ġermaniż u l-Irlanda jsostnu li l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jirrigwarda biss is-sitwazzjonijiet ta’ użu fit-triq u li, għaldaqstant, ma japplikax għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din id-dispożizzjoni tapplika għall-użu ta’ vetturi, sew jekk bħala mezzi ta’ trasport jew bħala magni, f’kull post, kemm pubbliku kif ukoll privat, fejn jista’ jkun hemm riskji inerenti għall-użu ta’ vetturi, sew jekk dawn tal-aħħar ikunu qegħdin jiċċaqilqu jew le.

36      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

37      Il-kunċett ta’ vettura huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, li jgħid li “vettura”, fis-sens tad-direttiva, tfisser “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru [trejler], kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”.

38      Għandu jiġi kkonstatat li trattur li jkun qed jirmonka trejler jissodisfa din id-definizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan huwa indipendenti mill-użu li jsir jew li jista’ jsir mill-vettura inkwistjoni. Għaldaqstant, il-fatt li trattur, possibbilment bit-trejler, jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jintuża bħala magna agrikola ma għandux effett fuq il-konstatazzjoni li tali vettura tissodisfa l-kunċett ta’ “vettura” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva.

39      Madankollu, minn dan mhux neċessarjament isegwi li trattur li jkun qed jirmonka trejler ikun suġġett għall-obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili previst fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, minn naħa, skont din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li din il-vettura tkun normalment ibbażata fit-territorju ta’ Stat Membru, kundizzjoni li l-issodisfar tagħha ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(b) ta’ dik id-direttiva, kull Stat Membru jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tagħha f’dak li jikkonċerna ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali, li l-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat u nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

40      Minn dan isegwi li trattur li jkun qed jirmonka trejler huwa suġġett għall-obbligu previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva sakemm dan ikun normalment ibbażat fit-territorju ta’ Stat Membru li ma eskludiex dan it-tip ta’ vettura mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

41      Fir-rigward ta’ jekk il-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex idaħħal it-trejler ta’ dan it-trattur f’matmura għandhiex titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” msemmi f’din id-dispożizzjoni jew le, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li dan il-kunċett ma jistax jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru.

42      Fil-fatt, la l-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva, la l-Artikolu 3(1) tagħha, u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dik id-direttiva jew tad-direttivi l-oħra dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ma jagħmlu riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna dan il-kunċett. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Omejc, C‑536/09, EU:C:2011:398, punti 19 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem użat fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, minn eżami komparattiv tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din fiha diverġenzi f’dak li jikkonċerna t-tip ta’ sitwazzjoni intiża mill-obbligu ta’ assigurazzjoni li din tipprevedi, diverġenzi li barra minn hekk jinsabu fit-titolu stess ta’ dik id-direttiva, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża.

44      Għaldaqstant, bil-lingwa Franċiża, bħal bil-lingwa Spanjola, Griega, Taljana, Olandiża, Pollakka u Portugiża, l-imsemmi Artikolu 3(1) jirreferi għall-obbligu li tiġi assigurata r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-“ċirkolazzjoni” tal-vetturi, li b’hekk tagħti x’tifhem li dan l-obbligu ta’ assigurazzjoni jirrigwarda biss l-inċidenti kkawżati f’kuntest ta’ użu fit-triq, bħalma jsostnu l-Gvern Ġermaniż u l-Irlanda.

45      Madankollu, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża, kif ukoll bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Estonjana, Latvjana, Maltija, Slovakka, Slovena u Finlandiża ta’ din l-istess dispożizzjoni jagħmlu riferiment għall-kunċett ta’ “użu” tal-vetturi, mingħajr iktar preċiżazzjonijiet, filwaqt li l-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Ġermaniża, Litwana, Ungeriża, Rumena u Svediża tagħha jagħmlu, b’mod saħansitra iktar ġenerali, riferiment għall-obbligu li ssir assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi u għaldaqstant jidhru li jimponu l-obbligu li tiġi assigurata r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu jew mill-funzjonament ta’ vettura, indipendentement mill-fatt li wieħed ikun jaf jekk dan l-użu jew dan il-funzjonament iseħħx fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ użu fit-triq jew le.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni purament litterali ta’ verżjoni waħda jew iktar verżjonijiet lingwistiċi ta’ test plurilingwi ta’ dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-oħrajn, madankollu ma tistax tipprevali, u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni teħtieġ li dawn jiġu interpretati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet kollha stabbiliti bil-lingwi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jany et, C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑189/11, EU:C:2013:587, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ZVK, C‑300/05, EU:C:2006:735, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata; Haasová, C‑22/12, EU:C:2013:692, punt 48, kif ukoll Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 39).

47      Għaldaqstant, fit-tieni lok jaqbel li wieħed jiffoka fuq l-istruttura ġenerali kif ukoll fuq l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja, li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jagħmel parti minnha.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mid-direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ma fiha definizzjoni ta’ x’għandu jinftiehem bil-kunċetti ta’ “inċident” jew ta’ “użu ta’ vetturi” (circulation) jew ta’ “użu ta’ vetturi” (utilisation des véhicules), fis-sens ta’ dawn id-direttivi.

49      Madankollu, dawn il-kunċetti għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-għan doppju ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vettura bil-mutur u ta’ liberalizzazzjoni tal-moviment tal-persuni u tal-merkanzija fil-perspettiva tat-twettiq tas-suq intern segwit minn dawn id-direttivi.

50      Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva tagħmel parti minn sensiela ta’ direttivi li b’mod progressiv ippreċiżaw l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi. Issa, minkejja li l-Qorti ddeċidiet ripetutament li mill-premessi tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi li dawn huma intiżi li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jinsabu ġewwa fihom, hija ddeċidiet ripetutament ukoll li huma għandhom anki l-għan li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun x’ikun il-punt fit-territorju tal-Unjoni fejn l-inċident ikun seħħ (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Ruiz Bernáldez, C‑129/94, EU:C:1996:143, punt 13, kif ukoll Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-fatt, minkejja li, ċertament, jirriżulta b’mod partikolari mill-ħames sas-seba’ premessi tal-Ewwel Direttiva li din kienet intiża li tilliberalizza s-sistema ta’ moviment tal-persuni u tal-vetturi bil-mutur bejn l-Istati Membri bl-għan li jinħoloq suq intern, billi tneħħi l-kontroll tal-karta ħadra li kien iseħħ mal-fruntieri tal-Istati Membri, hija diġà kellha wkoll għan ta’ protezzjoni tal-vittmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ruiz Bernáldez, EU:C:1996:143, punt 18).

52      Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja turi li dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi ġie mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

53      Dan jirriżulta b’mod partikolari, qabelxejn, mill-Artikoli 1 sa 3 tat-Tieni Direttiva. Għalhekk, l-Artikolu 1 tagħha impona li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tkopri d-danni kemm materjali kif ukoll dawk fiżiċi. Huwa impona wkoll il-ħolqien, mill-Istati Membri, ta’ korpi li għandhom l-għan li jikkumpensaw id-danni kkawżati mill-vetturi mhux identifikati jew li għalihom ma ġiex issodisfatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni u stabbilixxa ammonti minimi ta’ garanzija. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva llimita l-portata ta’ ċerti klawżoli ta’ esklużjoni previsti b’mod leġiżlattiv jew kuntrattwali f’dak li jikkonċerna r-rimedju tat-terzi vittmi ta’ inċident ikkawżat minħabba l-użu jew is-sewqan tal-vettura assigurata minn ċerti persuni. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva estendiet il-benefiċċju tal-assigurazzjoni għad-danni fiżiċi tal-membri tal-familja ta’ min jagħmel il-polza tal-assigurazzjoni, tas-sewwieq jew ta’ kull persuna oħra responsabbli għall-inċident.

54      Sussegwentement, it-Tielet Direttiva, permezz tal-Artikolu 1 tagħha, b’mod partikolari estendiet il-kopertura ta’ assigurazzjoni għad-danni fiżiċi tal-passiġġiera kollha minbarra s-sewwieq u r-Raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi, fost affarijiet oħra, introduċiet fl-Artikolu 3 tagħha dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuni leżi kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli.

55      Fl-aħħar nett, id-Direttiva 2005/14, permezz tal-Artikoli 2 u 4 tagħha li jemendaw it-Tieni u t-Tielet Direttivi rispettivament, b’mod partikolari aġġustat l-ammonti minimi ta’ garanzija, u pprevediet ir-reviżjoni regolari tagħhom, u estendiet il-kamp ta’ intervent tal-korp stabbilit bit-Tieni Direttiva kif ukoll il-kopertura ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għad-danni fiżiċi u materjali sostnuti mill-persuni li jkunu mixjin, miċ-ċiklisti u mill-utenti l-oħra tat-triq b’mezzi mhux motorizzati. Hija introduċiet ukoll limitazzjoni għall-possibbiltà li tapplika ċerti klawżoli ta’ esklużjoni tal-kopertura ta’ assigurazzjoni u pprojbixxiet li xi eċċess (excess) jiġi impost fuq il-persuni leżi wara inċident f’dak li jikkonċerna l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.

56      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, u b’mod partikolari l-għan ta’ protezzjoni mfittex mill-Ewwel u t-Tielet Direttivi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi mill-protezzjoni mogħtija minn dawn id-direttivi l-persuni leżi minn inċident ikkawżat minn vettura matul l-użu tagħha, sakemm dan huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura.

57      F’dan ir-rigward, barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li, skont il-parti A tal-Anness tad-Direttiva 73/239 kif emendata bid-Direttiva 84/641, il-fergħa ta’ attività ta’ assigurazzjoni diretta li tirrigwarda “Ir-responsabbiltà [ċivili] għal vetturi bil-mutur” tikkonċerna “Kull responsabbiltà kkawżata mill-użu ta’ vetturi bil-mutur li joperaw fuq l-art (inkluż l-impenn tat-trasportatur)”.

58      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma eskludiet, skont l-Artikolu 4(b) tal-ewwel Direttiva, ebda tip ta’ vettura mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-inċident li wassal għall-kawża prinċipali kien ikkawżat minn vettura waqt li kienet qiegħda tirriversja, bl-għan li tiċċaqlaq għal post partikolari, u, għaldaqstant, jidher li kien ikkawżat mill-użu ta’ vettura li kien konformi mal-funzjoni normali tagħha, li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jidher hemmhekk kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura. Għaldaqstant tista’ taqa’ taħt l-imsemmi kunċett il-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex jiddaħħal f’matmura t-trejler ta’ dan it-trattur, bħal fil-kawża prinċipali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jidher hemmhekk kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura. Għaldaqstant tista’ taqa’ taħt l-imsemmi kunċett il-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex jiddaħħal f’matmura t-trejler ta’ dan it-trattur, bħal fil-kawża prinċipali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Sloven.