Language of document : ECLI:EU:C:2014:2185

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45(1) u (4) TFUE — Kunċett ta’ ħaddiem — Impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika — Funzjoni ta’ President ta’ awtorità portwali — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika — Kundizzjoni ta’ nazzjonalità”

Fil-Kawża C‑270/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Iraklis Haralambidis

vs

Calogero Casilli,

fil-preżenza ta’:

Autorità Portuale di Brindisi,

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Regione Puglia,

Provincia di Brindisi,

Comune di Brindisi,

Camera di Commercio Industria Artigianato ed Agricoltura di Brindisi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I. Haralambidis, minn G. Giacomini, R. Damonte, G. Scuras u G. Demartini, avukati,

–        għal C. Casilli, minn R. Russo, avukat,

–        għall-Autorità Portuale di Brindisi, minn G. Giacomini u R. Damonte, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, D. Martin u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE, 49 TFUE, 51 TFUE, tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), u tal-Artikoli 15 u 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Haralambidis, ta’ nazzjonalità Griega, u C. Casilli, dwar in-nomina ta’ I. Haralambidis bħala President tal-Autorità Portuale di Brindisi (Awtorità Portwali ta’ Brindisi).

 Id-dritt Taljan

3        L-Artikolu 51 tal-Kostituzzjoni Taljana jipprovdi li “iċ-ċittadini kollha ta’ sess wieħed jew l-ieħor huma eliġibbli għall-impjiegi pubbliċi u għall-karigi elettivi f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi” u li, “għall-ammissjoni għall-impjiegi pubbliċi u għall-karigi elettivi, il-liġi tista’ tekwipara għaċ-ċittadini lit-Taljani li ma jappartjenux għar-Repubblika”.

4        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-espressjoni t-“Taljani li ma jappartjenux għar-Repubblika” tirreferi għaċ-ċittadini ta’ nazzjonalità Taljana li jirrisjedu barra mill-pajjiż.

5        L-Artikolu 38(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, li jirrigwarda r-regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjoni pubblika (decreto legislativo n. 165, Norme generalli sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche), tat-30 ta’ Marzu 2001 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01”), jipprovdi:

“1.      Ċittadini tal-Istati Membri [tal-Unjoni Ewropea] għandu jkollhom aċċess għal karigi l-amministrazzjoni pubblika li ma jinvolvux l-eżerċizzju dirett jew indirett ta’ setgħat pubbliċi jew li ma jkollhomx rabta mal-ħarsien tal-interess nazzjonali.

2.      Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri [...] għandu jiddetermina l-karigi u l-funzjonijiet li l-aċċess għalihom ikun ristrett għal ċittadini Taljani, kif ukoll il-kriterji mandatorji li jirregolaw l-aċċess għal karigi taċ-ċittadini msemmija fil-paragrafu 1.”

6        Id-Digriet Nru 174 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, li jistabbilixxi r-regoli dwar aċċess minn ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni għal karigi fl-amministrazzjoni pubblika (Decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri, Regolamento recante norme sull’accesso dei cittadini degli Stati membri dell’Unione europea ai posti di lavoro presso le amministrazioni pubbliche), tas-7 ta’ Frar 1994 (GURI Nru 61, tal-15 ta’ Marzu 1994), jidentifika l-karigi u l-funzjonijiet li għalihom hija rikjesta n-nazzjonalità Taljana. Dan id-digriet ġie adottat b’applikazzjoni tad-digriet li ppreċeda d-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01, jiġifieri d-Digriet Leġiżlattiv Nru 29, tat-3 ta’ Frar 1993 (GURI Nru 30, tas-6 ta’ Frar 1993) u li l-formulazzjoni tiegħu ma kinitx tvarja b’mod sinjifikattiv minn dik tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/01.

7        L-Artikolu 1(b) tad-Digriet Nru 174, tas-7 ta’ Frar 1994, jipprovdi:

“Il-karigi fl-amministrazzjoni pubblika li għalihom ma jistax jinkiseb aċċess mingħajr ċittadinanza Taljana huma s-segwenti:

[…]

b)      l-ogħla karigi amministrattivi fl-istrutturi periferiċi tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi l-amministrazzjonijiet awtonomi, fl-entitajiet pubbliċi li ma humiex ekonomiċi, fil-provinċji u muniċipalitajiet, kif ukoll fir-reġjuni, u fil-Bank tal-Italja.”

8        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità portwali hija organu pubbliku, maħluq mil-Liġi Nru 84 dwar ir-riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam portwali (legge n° 84, Riordino della legislazione in materia portuale), tat-28 ta’ Jannar 1994 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 28, tal-4 ta’ Frar 1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 84/94”).

9        L-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 84/94 jipprovdi:

“1.      […] hija stabbilita fil-portijiet ta’ Brindisi […] awtorità portwali, li hija fdata bil-funzjonijiet segwenti:

a)      Id-direzzjoni, l-ipprogrammar, il-koordinazzjoni, il-promozzjoni u l-kontroll ta’ operazzjonijiet portwali u attivitajiet kummerċjali u industrijali f’portijiet, b’setgħat ta’ regolamentazzjoni u ordni, inkluż fir-rigward ta’ sikurezza kontra riskji ta’ inċidenti relatati ma’ attivitajiet bħal dawn u l-kundizzjonijiet ta’ iġjene fuq ix-xogħol […];

b)      Il-manutenzjoni ordinarja u straordinarja tal-partijiet komuni fiż-żona portwali […];

c)      L-għoti u l-kontroll ta’ attivitajiet bil-għan li jiġu pprovduti, bi ħlas, servizzi ta’ interess ġenerali għall-utenti tal-port li ma jikkoinċidux mal-operazzjonijiet portwali individwali ddefiniti b’digriet tal-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport, u li ma humiex marbuta strettament magħhom.

2.      L-awtorità portwali hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u għandha awtonomija amministrattiva, suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12, kif ukoll baġitarja u finanzjarja fil-limiti previsti minn din il-liġi. Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-20 ta’ Mazu 1975, Nru 70, kif sussegwentement emendati, ma humiex applikabbli għaliha, u lanqas ma huma applikabbli għaliha d-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi tat-3 ta’ Frar 1993, Nru 29, kif sussegwentement emendati u ssupplimentati, ħlief għal dak li huwa previst speċifikament fl-Artikolu 23(2) ta’ din il-liġi.

3.      Il-ġestjoni tal-assi u tal-finanzi tal-awtorità portwali hija rregolata b’regolament ta’ kontabbiltà approvat mill-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, bi qbil mal-Ministru tat-Teżor. Il-karta tal-bilanċ tal-awtoritajiet portwali għandha tiġi annessa mal-estimi tal-ispejjeż u tad-dħul tal-Ministeru tat-Trasportu tan-Navigazzjoni għas-sena ta’ wara dik li matulha jkun ġie approvat.

4.      Ir-rendikont tal-ġestjoni finanzjarja tal-awtorità portwali hija suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Awdituri Taljana […]”

10      L-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 84/94 jipprovdi:

“[…]

2.      Ir-remunerazzjoni tal-President […] issir mill-baġit tal-awtorità portwali u hija ddeterminata mill-Kumitat Portwali fil-limiti massimi stabbiliti […] b’digriet tal-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni […].

3.      Il-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni għandu jordna, permezz ta’ digriet, ir-revoka tal-mandat tal-President u x-xoljiment tal-Kumitat Portwali meta:

a)       wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 9(3)(a), il-pjan operattiv ta’ tliet snin ma jkunx ġie approvat matul it-tletin jum ta’ wara;

[…]

c)       il-karta tal-bilanċ tirreġistra defiċit.”

11      L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 84/94 jaqra kif ġej:

“1.      Il-President għandu jinħatar b’digriet tal-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, wara li jkun inkiseb il-qbil tar-reġjun ikkonċernat, minn fost grupp ta’ tliet esperti li jkollhom l-ogħla kwalifiki u li jkunu ta’ kompetenza rrikonoxxuta fis-setturi tal-ekonomija tat-trasport u tal-ekonomija tal-portijiet […].

2.      Il-President jirrappreżenta lill-awtorità portwali u jinħatar għal erba’ snin, liema ħatra tista’ tiġġedded darba waħda biss […].

3.      Il-President tal-awtorità portwali:

a)      jippresjedi l-Kumitat Portwali;

b)      jissottometti lill-Kumitat Portwali l-pjan operattiv ta’ tliet snin biex jiġi adottat;

c)      jissottometti lill-Kumitat Portwali l-pjan regolatur portwali biex jiġi adottat;

d)      jissottometti lill-Kumitat Portwali l-abbozzi ta’ deliberazzjonijiet dwar l-estimi tal-baġit u l-emendi għalihom, il-karta tal-bilanċ u r-remunerazzjoni tas-Segretarju Ġenerali, kif ukoll l-implementazzjoni tal-ftehimiet kuntrattwali għall-persunal tas-segretarjat tekniku u operattiv;

e)      jipproponi lill-Kumitat Portwali abbozzi ta’ deliberazzjonijiet dwar il-konċessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(5);

f)      jiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet imwettqa fil-port mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet suġġetti għal liċenzja u konċessjoni, u ta’ servizzi portwali; [...]

h)      jamministra ż-żoni u l-proprjetà tal-qasam marittimu tal-Istat inklużi fid-distrett territorjali previst fl-Artikolu 6(7), f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, billi jeżerċita, wara li jisma’ lill-Kumitat Portwali, il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 36 sa 55 u 68 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni u fir-regoli ta’ implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

i)      jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità portwali skont l-Artikoli 16 u 18 u jagħti, wara li jisma’ lill-Kumitat Portwali, l-awtorizzazzjonijiet u l-konċessjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli, meta jkunu għal żmien ta’ mhux iktar minn erba’ snin, u jiddetermina l-ammont tal-ħlasijiet korrispondenti;

l)      jippromwovi t-twaqqif ta’ sindakat għall-ħaddiema tal-port […];

m)      jiżgura n-navigabbiltà fiż-żona portwali […]. Għall-finijiet tax-xogħol ta’ skavi u manutenzjoni ta’ qiegħ il-baħar, jista’ jorganizza, billi jassumi l-presidenza tagħha, konferenza tas-servizzi mal-amministrazzjonijiet ikkonċernati, li għandha tiġi konkluża għeluq terminu ta’ sittin jum. Fil-każ ta’ neċessità u urġenza immedjata, jista’ jadotta deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti [...];

n)      jagħmel proposti dwar id-delimitazzjoni ta’ żoni ħielsa, wara li jisma’ lill-Awtorità Marittima u lill-amministrazzjonijiet lokali kkonċernati;

n-bis) jeżerċita kull setgħa oħra li din il-liġi ma tafdax lill-korpi l-oħra tal-awtorità portwali.”

12      Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 84/94, intitolat “Sorveljanza tal-awtorità portwali”:

“1.      L-awtorità portwali hija suġġetta għas-sorveljanza tal-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni.

2.      Huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità ta’ sorveljanza d-deliberazzjonijiet tal-President u tal-Kumitat Portwali dwar:

a)      l-approvazzjoni tal-estimi tal-baġit, [l-]emendi li jista’ jkun hemm [għalihom] u għall-karta tal-bilanċ;

b)      id-determinazzjoni tal-persunal tas-segretarjat tekniku u operattiv; […]”

13      L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 84/94, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(3)(i) tal-istess liġi, għandu bħala suġġett il-“konċessjoni ta’ żoni u ta’ baċiri” u jipprovdi li hija l-awtorità portwali li għandha tagħti tali konċessjonijiet lill-impriżi li huma awtorizzati jwettqu operazzjonijiet u/jew jipprovdu servizzi portwali. Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprovdi li huma wkoll is-suġġett ta’ konċessjoni, li hija l-awtorità portwali li għandha tagħti, it-twettiq u l-ġestjoni ta’ xogħlijiet marbuta mal-attivitajiet marittimi u portwali, li għandhom jitwettqu fi ħdan il-port.

14      Mir-risposta tal-Gvern Taljan għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-President ta’ awtorità portwali huwa l-awtorità amministrattiva li għandha s-setgħa teżerċita l-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 54 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni (Codice della Navigazione, approvato con R. D. 30 marzo 1942, n. 327, Parte aggiornata alla l. 7 marzo 2001, n. 51), jiġifieri, l-adozzjoni ta’ att amministrattiv li permezz tiegħu tingħata ordni lil min ikun qed jokkupa b’mod abbużiv żoni tal-qasam marittimu li jinsabu fi ħdan il-port, sabiex jerġa’ jqegħidhom fl-istat inizjali tagħhom, bil-possibbiltà, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, li tagħmel dan ex officio bi spejjeż għall-persuna kkonċernata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fis-6 ta’ April 2010, id-data tal-iskadenza tal-mandat tal-President tal-awtorità portwali ta’ Brindisi, infetħet proċedura għall-ħatra ta’ President ġdid mill-Ministru tal-Infrastruttura u tat-Trasport (li qabel kien il-Ministru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministru”).

16      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Provincia di Brindisi (provinċja ta’ Brindisi), il-Comune di Brindisi (muniċipalità ta’ Brindisi) u l-Camera di Commercio, Industria, Artigianato ed Agricoltura di Brindisi (Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġjanat u tal-Agrikoltura ta’ Brindisi), ħatru, kull waħda minnhom, skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 84/94, tliet esperti fl-oqsma tal-ekonomija, tat-trasport u tal-ekonomija portwali, fosthom I. Haralambidis u C. Casilli.

17      B’digriet tas-7 ta’ Ġunju 2011, il-Ministru ħatar lil I. Haralambidis President tal-awtorità portwali ta’ Brindisi.

18      C. Casilli ppreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva reġjonali ta’ Puglia (Tribunale amministrativo regionale per la Puglia) għall-annullament ta’ dan id-digriet. Insostenn tar-rikors tiegħu, C. Casilli sostna li I. Haralambidis ma setax jinħatar President ta’ din l-awtorità, peress li ma kienx ta’ nazzjonalità Taljana.

19      Billi dan ir-rikors intlaqa’ abbażi tal-Artikolu 51 tal-Kostituzzjoni Taljana, I. Haralambidis appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Consiglio di Stato spjega li, fid-dritt Taljan, il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-awtoritajiet portwali tqajmet diversi drabi minn mindu nħolqu dawn l-awtoritajiet u li l-ġurisprudenza — inkluża dik tal-Consiglio di Stato — tikklassifikahom bħala “stabbilimenti pubbliċi” jew “stabbilimenti pubbliċi ekonomiċi”.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għandha tiġi ddeterminata n-natura ġuridika tal-awtorità portwali fil-każ li persuna fiżika ta’ nazzjonalità li ma tkunx Taljana tinħatar għall-Presidenza tagħha, peress li, fl-ipoteżi li din l-awtorità tiġi kklassifikata bħala stabbiliment pubbliku ekonomiku rregolat mid-dritt privat, ma tkun teżisti ebda raġuni sabiex tiġi opposta tali ħatra. Min-naħa l-oħra, ikun mod ieħor jekk l-istess awtorità tiġi kklassifikata bħala stabbiliment pubbliku rregolat istituzzjonalment mid-dritt pubbliku, u li għaldaqstant ikollu, ipso jure, il-karatteristiċi ta’ “amministrazzjoni pubblika”.

22      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, huwa inkontestabbli li s-setgħat tal-President ta’ awtorità portwali, bħalma huma dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 84/94, huma ta’ natura pubblika. Dik il-qorti tispeċifika li l-imsemmi President għandu jiżgura n-navigabbiltà taż-żona portwali, jipprepara l-pjan regolatur portwali u jħejji pjan operattiv ta’ tliet snin.

23      Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato jispjega li l-attività tal-President ta’ awtorità portwali, tidher li tixbah mhux lil relazzjoni ta’ xogħol subordinata għal amministrazzjoni, iżda lill-għoti ta’ funzjoni mogħtija minn awtorità governattiva tal-Istat Taljan, li hija limitata fiż-żmien u li għandha titwettaq bħala President ta’ persuna ġuridika li d-dritt tal-Unjoni tekwipara ma’ organu rregolat mid-dritt pubbliku.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, minn naħa, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 45(4) TFUE hija irrilevanti f’dan il-każ [li jikkonċerna l-ħatra ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea bħala President ta’ awtorità portwali Taljana, persuna ġuridika li tista’ tiġi kklassifikata bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku], sa fejn din tikkonċerna l-każijiet ta’ impjieg fl-amministrazzjoni pubblika (filwaqt li, fil-każ ineżami, [...] tali impjieg ma jeżistix), u tal-fatt li, min-naħa l-oħra — fi kwlaunkwe każ — il-funzjonijiet fdati lill-President tal-[awtorità portwali ta’ Brindisi] jistgħu jitqiesu bħala ‘attività ta’ xogħol’ f’sens wiesa’ —, [...] il-klawżola li tirriżerva t-twettiq ta’ dan l-inkarigu lill-persuni ta’ nazzjonalità Taljana biss tikkostitwixxi, jew le, diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, ipprojbita mill-imsemmi Artikolu 45?

2)      Il-funzjonijiet imwettqa bħala President ta’ awtorità portwali Taljana minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jistgħu, inkella, jitqiesu bħala li jaqgħu taħt id-dritt ta’ stabbiliment li jinsab fl-Artikoli 49 et seq TFUE, u, f’dan il-każ, il-projbizzjoni stabbilita mid-dritt intern li dawn il-funzjonijiet jiġu fdati lil persuna li ma għandhiex in-nazzjonalità Taljana tikkostitwixxi, jew le, diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jew dan il-fatt jista’ jitqies bħala eskluż permezz tal-Artikolu 51 TFUE?

3)      Sussidjarjament, fil-każ fejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President ta’ awtorità portwali Taljana miċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jista’ jirrappreżenta provvista ta’ ‘servizz’, fis-sens tad-Direttiva 2006/123/KE, l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għas-servizzi portwali hija rilevanti, jew le, għall-finijiet ikkonċernati u — jekk dan ma jkunx il-każ — il-projbizzjoni prevista fid-dritt intern li jiġu eżerċitati tali funzjonijiet tikkostitwixxi, jew le, diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità?

4)      Iktar sussidjarjament, [...] l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President ta’ awtorità portwali Taljana miċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jekk dan jitqies li ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jista’ xorta waħda jitqies, b’mod iktar ġenerali, skont l-Artikolu 15 tal-[Karta], bħala prerogattiva li taqa’ taħt id-dritt irrikonoxxut liċ-ċittadin Komunitarju ‘li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li jagħti servizzi’, anki irrispettivament mid-dispożizzjonijiet ‘settorjali’ li jinsabu fl-Artikoli 45 u 49 et seq TFUE, kif ukoll fid-Direttiva 2006/123 [...], u, konsegwentement, il-projbizzjoni stabbilita fid-dritt intern li jiġu eżerċitati dawn il-funzjonijiet tmur kontra — jew le — il-projbizzjoni, daqstant ieħor ġenerali, tad-diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità prevista fl-Artikolu 21(2) tal-imsemmija [Karta]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-ipoteżi li l-Artikolu 45(4) TFUE huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ma tawtorizzax lil Stat Membru jirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President ta’ awtorità portwali.

 Fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45(1) TFUE

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod iktar partikolari, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar in-natura tal-attività mwettqa mill-President ta’ awtorità portwali. Skont dik il-qorti, ma jidhirx li din l-attività tixbah lil relazzjoni ta’ xogħol subordinata, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandu portata awtonoma speċifika għad-dritt tal-Unjoni u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 68).

28      Għaldaqstant, għandha titqies li hija “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑karatteristika tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l‑fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id‑direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara s-sentenzi Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punt 17, u Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 30).

29      Minn dan isegwi li r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni u l-ħlas ta’ remunerazzjoni jifformaw l-elementi ta’ kull relazzjoni ta’ xogħol bis-salarju, sakemm l-attività professjonali inkwistjoni tkun ta’ natura reali u effettiva.

30      F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni, mil-Liġi Nru 84/94 jirriżulta li l-Ministru għandu setgħat ta’ direzzjoni u ta’ kontroll, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ sanzjoni fil-konfront tal-President ta’ awtorità portwali.

31      Fil-fatt, il-Ministru jaħtar il-President ta’ tali awtorità għal mandat ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded darba (Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi Nru 84/94) u jista’ jneħħih jekk il-pjan operattiv ta’ tliet snin dwar il-ġestjoni tal-port ma jiġix approvat u jekk il-karta tal-bilanċ tirreġistra defiċit, jiġifieri fil-każ ta’ ġestjoni finanzjarja ħażina (Artikolu 7(3)(a) u (c) tal-Liġi Nru 84/94). Mir-risposta tal-Gvern Taljan għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-revoka tal-President ta’ awtorità porwarja min-naħa tal-Ministru “tista’ tiġi ordnata fil-każijiet fejn jiġu kkonstati irregolaritajiet sinjifikattivi f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni, b’mod li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-organu. Dawn is-setgħat jistgħu jimplikaw ukoll revoka tal-funzjonijiet fil-każijiet fejn l-aġir tal-President ma josservax il-prinċipji ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni reċiproka”.

32      Barra minn hekk, il-Ministru jeżerċita setgħat ta’ kontroll sa fejn huwa japprova d-deliberazzjonijiet tal-President ta’ awtorità portwali, b’mod partikolari, dwar l-approvazzjoni tal-estimi tal-baġit, ta’ emendi li jista’ jkun hemm għalihom u għall-karta tal-bilanċ, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tal-persunal tas-segretarjat tekniku u operattiv [Artikolu 12(2)(a) u (b) tal-Liġi Nru 84/94].

33      Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kariga ta’ President ta’ awtorità portwali ma għandhiex l-elementi li huma ġeneralment assoċjati mal-funzjonijiet ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti, jiġifieri flessibbiltà ikbar f’dak li jirrigwarda l-għażla tat-tip ta’ xogħol u tal-kompiti li jkollhom jiġu eżegwiti, tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti jew xogħlijiet, tas-sigħat ta’ xogħol u tal-post tax-xogħol, u iktar libertà fir-reklutaġġ ta’ dawk li jaħdmu miegħu.

34      Minn dan isegwi li l-attivitajiet ta’ President ta’ awtorità portwali jiġu eżerċitati taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-Ministru, u, għaldaqstant, f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

35      F’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tal-President ta’ awtorità portwali, mir-risposta tal-Gvern Taljan għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din hija stabbilita b’digriet tal-Ministru tal-31 ta’ Marzu 2003. Skont dan id-digriet, din ir-remunerazzjoni hija ddeterminata skont is-salarju bażiku previst għad-diretturi ġenerali tal-Ministeru. Għalhekk hija ffissata b’riferiment għar-remunerazzjoni ta’ uffiċjal għoli fl-amministrazzjoni pubblika.

36      Tali remunerazzjoni titħallas lill-President ta’ awtorità portwali bħala korrispettiv għat-twettiq tal-funzjonijiet assenjati lilu mil-liġi. Għalhekk għandha l-karatteristiċi ta’ prevedibbiltà u ta’ regolarità inerenti f’relazzjoni ta’ xogħol subordinata.

37      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, in-natura reali u effettiva tal-funzjonijiet eżerċitati mill-President ta’ awtorità portwali ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Lawrie-Blum, EU:C:1986:284, l-aħħar sentenza tal-punt 21).

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-President ta’ awtorità portwali għandu jitqies li huwa ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 45(1) TFUE.

39      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-ħatra tal-President ta’ awtorità portwali ma tistax tirrappreżenta relazzjoni ta’ impjieg li taqa’ taħt il-qafas tas-“servizz pubbliku”, iżda tikkorrispondi għall-għoti ta’ “funzjoni ta’ fiduċja” iddelegata minn awtorità governattiva marbuta mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi.

40      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat tar-rabta ġuridika tar-relazzjoni ta’ impjieg ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (ara s-sentenzi Sotgiu, 152/73, EU:C:1974:13, punt 5, u Bettray, 344/87, EU:C:1989:226, punt 16).

41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rabta eżistenti bejn membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u l-istess kumpannija, li membru ta’ tali bord li, inkambju għal rimunerazzjoni, jagħti servizzi lill-kumpannija li ħatritu u li minnha huwa jagħmel parti integrali, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija u li jista’, f’kull mument, jitneħħa mill-kariga tiegħu, jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jiġi kklassifikat bħala ħaddiem fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 51).

 Fuq il-kunċett ta’ “impjieg fl-amministrazzjoni pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 45(4) TFUE

42      L-Artikolu 45(1) sa (3) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri. L-Artikolu 45(4) TFUE madankollu jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għal impjieg fl-amministrazzjoni pubblika.

43      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “amministrazzjoni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 45(4) TFUE għandu jingħata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha u għaldaqstant ma jistax jitħalla fid-diskrezzjoni totali tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Sotgiu, EU:C:1974:13, punt 5, u Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, C‑405/01, EU:C:2003:515, punt 38). Barra minn hekk, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi li hija tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu (ara s-sentenza Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, C‑405/01, EU:C:2003:515, punt 41).

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 45(4) TFUE, jikkonċerna l-impjiegi li jinvolvu parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u fil-funzjonijiet li l-għan tagħhom huwa s-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat jew ta’ kollettivitajiet pubbliċi oħra, u għalhekk jippresupponu, min-naħa tad-detenturi tagħhom, l-eżistenza ta’ relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà fil-konfront tal-Istat kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑290/94, EU:C:1996:265, punt 2, u Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, EU:C:2003:515, punt 39).

45      Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45(4) TFUE ma tapplikax għal impjiegi li, filwaqt li jaqgħu taħt l-Istat jew taħt organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, madankollu ma jinvolvu ebda parteċipazzjoni fil-kompiti li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika vera u proprja (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, EU:C:1996:265, punt 2, u Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, EU:C:2003:515, punt 40).

46      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-funzjonijiet mogħtija lill-President ta’ awtorità portwali jinkludux prerogattivi ta’ setgħa pubblika u s-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat, li konsegwentement jiġġustifikaw li dawn jiġu rriżervati għaċ-ċittadini Taljani.

47      L-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 84/94 jelenka l-kompiti li huma assenjati lill-President ta’ awtorità portwali.

48      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-Presidenza tal-Kumitat Portwali, l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 8(3)(a) sa (e) u (n) ta’ din il-liġi huma limitati għal funzjonijiet ta’ proposta mill-President ta’ awtorità portwali, lill-Kumitat Portwali, ta’ ċerti miżuri marbuta mal-ġestjoni ta’ kuljum tal-port.

49      Tali attivitajiet ma jistgħux jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 45(4) TFUE, iktar u iktar meta l-President ta’ awtorità portwali ma għandux setgħa diskrezzjonali, liema setgħa tappartjeni lill-Kumitat Portwali.

50      Bl-istess mod, is-setgħat deskritti fl-Artikolu 8(3)(f) u (l) tal-Liġi Nru 84/94, sa fejn jirrigwardaw biss setgħat ta’ koordinazzjoni u ta’ promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ entitajiet oħra, ma jistgħux jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u tal-funzjonijiet li l-għan tagħhom huwa s-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-entitajiet li l-President ta’ awtorità portwali jiżgura l-koordinazzjoni tagħhom jew jippromwovi l-attività tagħhom huma inkarigati, huma stess, b’funzjonijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika, fis-sens tal-Artikolu 45(4) TFUE.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(3)(i) tal-Liġi Nru 84/94, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, il-President ta’ awtorità portwali jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità portwali u jagħti awtorizzazzjonijiet u konċessjonijiet ta’ żoni u ta’ baċiri lil impriżi li jkunu jixtiequ jwettqu operazzjonijiet jew jipprovdu servizzi portwali.

53      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Spanjol u l-Gvern Olandiż, lanqas il-ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u konċessjonijiet, sa fejn jikkostitwixxu atti ta’ ġestjoni li jsegwu kunsiderazzjonijiet ta’ natura prinċipalment ekonomika, ma jista’ jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(4) TFUE.

54      Fl-aħħar nett, f’ċerti ċirkustanzi, il-President ta’ awtorità portwali huwa awtorizzat, fl-eżerċizzju tas-setgħat li għandu li jagħti ordnijiet, li jadotta deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti intiżi sabiex jissalvagwardaw l-interessi ġenerali tal-Istat, f’dan il-każ l-integrità tal-proprjetà komuni.

55      Fost dawn il-setgħat li jingħataw ordnijiet hemm, minn naħa, fil-kuntest tal-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni taż-żoni u tal-proprjetà tal-qasam marittimu, is-setgħa li min ikun qed jokkupa b’mod abbużiv żoni ta’ dan il-qasam li jinsabu fi ħdan il-port jiġi ordnat jerġa’ jqegħidhom fl-istat inizjali tagħhom, bil-possibbiltà, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din l-ordni, li jiġi ordnat it-tqegħid f’dan l-istat ex officio bi spejjeż għal min jikser din l-ordni [Artikolu 8(3)(h) tal-Liġi Nru 84/94, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni].

56      Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3)(m) tal-Liġi Nru 84/94, il-President ta’ awtorità portwali jiżgura n-navigabbiltà fiż-żona portwali, kif ukoll it-twettiq ta’ xogħol ta’ skavi u ta’ manutenzjoni ta’ qiegħ il-baħar. Għal dan il-għan, u fil-każ ta’ neċessità u urġenza immedjata, il-President għandu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti.

57      Dawn is-setgħat, sa fejn jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, jistgħu jaqgħu taħt id-deroga mill-moviment liberu tal-ħaddiema, prevista fl-Artikolu 45(4) TFUE.

58      Madankollu, l-użu ta’ din id-deroga ma jistax jiġi ġġustifikat mis-sempliċi fatt li d-dritt nazzjonali jagħti prerogattivi ta’ setgħa pubblika lill-President ta’ awtorità portwali. Jeħtieġ ukoll li dawn il-prerogattivi jiġu effettivament eżerċitati b’mod abitwali mill-imsemmi detentur u ma jirrappreżentawx parti żgħira ħafna mill-attivitajiet tiegħu.

59      Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju għas-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, liema salvagwardja ma tistax tiġi pperikolata jekk prerogattivi ta’ setgħa pubblika jiġu eżerċitati biss b’mod sporadiku, jew saħansitra eċċezzjonali, minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara s-sentenzi Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, EU:C:2003:515, punt 44; Anker et, C‑47/02, EU:C:2003:516, punt 63, u Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑89/07, EU:C:2008:154, punt 14).

60      Issa mill-informazzjoni kkomunikata mill-Gvern Taljan jirriżulta li s-setgħat tal-President ta’ awtorità portwali jikkostitwixxu parti marġinali mill-attività tiegħu, li hija ġeneralment ta’ natura teknika u ta’ ġestjoni ekonomika li ma tistax tinbidel bl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħat. Barra minn hekk, skont dan il-gvern, l-istess setgħat huma intiżi sabiex jiġu eżerċitati biss b’mod okkażjonali jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, esklużjoni ġenerali tal-aċċess taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra għall-funzjoni ta’ President ta’ awtorità portwali Taljana tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 45(1) sa (3) TFUE.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 45(4) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lil Stat Membru jirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President ta’ awtorità portwali.

 Fuq it-tieni sa r-raba’ domandi

63      It-tieni sar-raba’ domandi saru sussidjarjament u fl-ipoteżi li l-Artikolu 45 TFUE ma kienx applikabbli għall-kawża prinċipali.

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 45(4) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lil Stat Membru jirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ President ta’ awtorità portwali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.