Language of document : ECLI:EU:C:2014:2195

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Settembru 2014 (*)

“Artikolu 267 TFUE — Kostituzzjoni nazzjonali — Proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità mandatorja — Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Assenza ta’ domiċilju jew ta’ post ta’ soġġorn magħruf tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru — Proroga ta’ ġurisdizzjoni f’każ ta’ dehra tal-konvenut — Kuratur għall-konvenut assenti”

Fil-Kawża C‑112/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

A

vs

B et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn T. Frad, Rechtsanwalt,

–        għal B et., minn A. Egger, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger, H. Krämer u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A u B et dwar kawża għad-danni li dawn tal-aħħar ippreżentaw kontra A quddiem il-qrati Awstrijaċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[...]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

5        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:

1.      Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

2.      B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali stabbiliti fl-Anness I m’għandhomx ikunu applikabbli kontrihom.

6        Fil-Kapitolu II, Taqsima 7, bl-isem “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 22.”

7        L-Artikolu 26 tal-istess regolament li jinsab fit-Taqsima 8 ta’ dan il-Kapitolu, intitolat “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità” jipprovdi:

“1.      Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’ għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta’ jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan.

[...]”

8        Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi fil-punt (2) tiegħu, li deċiżjoni ma hijiex irrikonoxxuta jekk: “il-konvenut ma kienx ġie servut [nnotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

 Id-dritt Awstrijak

 Il-Liġi Kostituzzjonali Federali

9        Skont l-Artikolu 89(1) u (2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“B-VG”), il-qrati ordinarji ma għandhomx id-dritt li jannullaw il-liġijiet ordinarji minħabba li dawn imorru kontra l-Kostituzzjoni. L-Oberster Gerichtshof kif ukoll il-qrati msejħa jiddeċiedu fit-tieni istanza huma obbligati, f’każ ta’ dubji jekk liġi ordinarja taqbilx mal-Kostituzzjoni, iressqu talba għall-annullament tal-liġi ordinarja kkonċernata quddiem il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali).

10      L-Artikolu 92(1) tal-B-VG jipprovdi li l-Oberster Gerichtshof hija l-ogħla qorti fil-kawżi ċivili u kriminali.

11      Skont l-Artikolu 140(1) tal-B-VG il-Verfassungsgerichtshof għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk liġijiet ordinarji jaqblux mal-Kosttiuzzjoni fuq talba, b’mod partikolari, tal-Oberster Gerichtshof kif ukoll tal-qrati msejħa sabiex jiddeċiedi fit-tieni istanza. Skont l-Artikolu 140(6) u (7) tal-B-VG, id-deċiżjoni tal-Verfassungsgerichtshof, li tirrigwarda l-annullament ta’ liġi ordinarja minħabba li din tmur kontra l-kostituzzjoni, għandha effett ġenerali u torbot lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi kollha.

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

12      L-Artikolu 115 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), jipprevedi, bħala prinċipju, li n-notifika lil persuni li l-indirizz tagħhom ma jkunx magħruf issir permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż uffiċjali f’database ta’ avviżi uffiċjali (Ediktsdatei).

13      Skont l-Artikolu 116 taz-ZPO:

“Għall-persuni li setgħu jiġu nnotifikati biss permezz tal-pubblikazzjoni peress li l-post ta’ residenza tagħhom ma jkunx magħruf, il-qorti għandha, ex officio jew wara talba, tinnomina kuratur għall-konvenut assenti (Artikolu 9 [taz-ZPO]) meta, wara li ssir in-notifika, dawn il-persuni jkollhom iwettqu att proċedurali sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom u, b’mod partikolari, meta n-notifika tkun tinkludi taħrika biex wieħed jidher.”

14      Skont l-Artikolu 117 taz-ZPO, in-nomina ta’ dan il-kuratur għandha tiġi ppubblikata b’avviż uffiċjali fid-database tal-avviżi uffiċjali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, B et ippreżentaw rikors għad-danni kontra A quddiem il-Landesgericht Wien, li permezz tiegħu huma sostnew li dan tal-aħħar ħataf, fil-Każakistan, lill-konjuġi tagħhom jew lill-missirijiethom.

16      F’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi, B et sostnew li A kellu d-domiċilju abitwali tiegħu fit-territorju tal-qorti adita.

17      Il-Landesgericht Wien għamlet diversi tenattivi sabiex tinnotifika lil A li wrew li A ma kienx għadu ddomiċiljat fl-indirizzi ta’ notifika. Fis-27 ta’ Awwissu 2010, fuq talba ta’ B et, din il-qorti nnominat kuratur għall-konvenut assenti (Abwesenheitskurator) skont l-Artikolu 116 taz-ZPO.

18      Wara li ġie nnotifikat bir-rikors, dan il-kuratur għall-konvenut assenti ppreżenta risposta li fiha huwa talab li jiġi miċħud ir-rikors u qajjem għadd ta’ oġġezzjonijiet dwar il-mertu, mingħajr madankollu ma kkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi.

19      Kien biss sussegwentement li ditta ta’ avukati li kellha mandat mingħand A intervjeniet għal dan tal-aħħar u kkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi. F’dan ir-rigward huwa sostna li l-intervent tal-kuratur għall-konvenut assenti ma setax jifforma l-bażi għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi, peress li dan il-kuratur għall-konvenut assenti ma għamilx kuntatt ma’ A u ma kienx jaf iċ-ċirkustanzi rilevanti li seħħew fil-Każakistan. Fir-rigward tad-domiċilju tiegħu, A indika li kien telaq b’mod definittiv mill-Awstrija qabel il-preżentata tar-rikors kontrih. Peress li invoka riskju għal ħajtu, A ma tax lil din il-qorti informazzjoni dwar id-domiċilju tiegħu iżda talab li n-notifiki kollha issa jiġu indirizzati lid-ditta ta’ avukati mandatarja.

20      Il-Landesgericht Wien iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali u ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti kkunsidrat li A kien iddomiċiljat fit-territorju tar-Repubblika ta’ Malta u li d-dehra tal-kuratur għall-konvenut assenti ma kinitx tgħodd bħala dehra skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

21      L-Oberlandesgericht Wien laqgħet l-appell minn din id-deċiżjoni ppreżentat minn B et u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Fil-fehma ta’ din il-qorti, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jivverifikaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom biss f’każ ta’ nuqqas ta’ dehra tal-konvenut. Issa, fid-dritt Awstrijaku, l-atti proċedurali tal-kuratur għall-konvenut assenti, li huwa obbligat li jippreżerva l-interessi ta’ dan il-konvenut, għandhom l-istess effetti ġuridiċi bħall-att ta’ mandatarju konvenzjonali.

22      L-Oberster Gerichtshof, li quddiemha tressaq appell għal “Reviżjoni” minn A, fejn dan tal-aħħar sostna ksur tad-drittijiet għad-difiża tiegħu stabbiliti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Min-naħa l-oħra, B et sostnew li dawn id-dispożizzjonijiet tal-KEDB kif ukoll tal-Karta jiggarantixxu wkoll id-dritt fundamentali tagħhom għal rimedju effettiv, li jimponi l-ħatra ta’ kuratur għall-konvenut assenti skont l-Artikolu 116 taz-ZPO.

23      Skont l-indikazzjonijiet tal-Oberster Gerichtshof, fil-mument tal-preżentata tar-rikors A kellu domiċilju Malti. Peress li l-kuratur għall-konvenut assenti, innominat għal A, ma kkontestax il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ir-risposta ppreżentata minn dan il-kuratur għall-konvenut assenti kinitx imputabbli għal A u tgħoddx bħala “dehra” tiegħu skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, l-Oberster Gerichtshof jirrileva li s-setgħa wiesgħa ta’ rappreżentazzjoni tal-kuratur għall-konvenut assenti, skont l-Artikolu 116 taz-ZPO, tista’ tiġi kkunsidrata kemm bħala neċessarja sabiex tiggarantixxi d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ta’ B et u kif ukoll bħala inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ ta’ A.

24      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija teskludi każ b’każ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni skont il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt. Issa, f’deċiżjoni tal-16 ta’ Marzu 2012, U 466/11, il-Verfassungsgerichtshof warrbet din il-ġurisprudenza meta ddeċidiet li l-istħarriġ tagħha tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġenerali tal-liġijiet (“Verfahren der generellen Normenkontrolle”) skont l-Artikolu 140 B-VG, għandu jiġi estiż għad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-drittijiet iggarantiti mill-KEDB jistgħu jiġu invokati quddiemha bħala drittijiet ta’ livell Kostituzzjonali. Għalhekk, skont il-Verfassungsgerichtshof, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġi li dan l-istħarriġ ġenerali tal-liġijiet jirrigwarda wkoll id-drittijiet iggarantiti mill-Karta.

25      Skont l-Oberster Gerichtshof, din id-deċiżjoni għandha bħala konsegwenza li l-qrati Awstrijaċi ma jistgħux iħallu inapplikata, bl-inizjattiva tagħhom stess, liġi li tmur kontra l-Karta, iżda li huma għandhom l-obbligu, “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jitressaq rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, li jressqu talba għal annullament erga omnes ta’ din il-liġi quddiem il-Verfassungsgerichtshof. Barra dan, din tal-aħħar iddeċidiet li, fil-każ fejn dritt iggarantit mill-Kostituzzjoni Awstrijaka kellu l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dritt iggarantit mill-Karta, ma hemmx lok li titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. F’dan il-każ, l-interpretazzjoni tal-Karta ma hijiex rilevanti sabiex tiddeċiedi fuq talba għal annullament erga omnes ta’ liġi, deċiżjoni li tista’ tingħata abbażi tad-drittijiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni Awstrijaka.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimponix li jiġi estiż ir-rikors inċidentali ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità għad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, peress li tali rikors itawwal il-proċeduri u jżid l-ispejjeż. L-għan ta’ korrezzjoni ġenerali tad-dritt għal annullament tal-liġi li tmur kontra l-Karta jista’ jintlaħaq ukoll wara l-għeluq tal-proċeduri. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza skont liema dritt iggarantit mill-Kostituzzjoni Awstrijaka u dritt ibbażat fuq il-Karta għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni ma tistax twarrab l-obbligu ta’ rinviju preliminari. Ma jistax jiġi eskluż li l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali mill-Verfassungsgerichtshof hija differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni tagħha tikkuntrasta mal-obbligi li jirriżultaw mi-Regolament Nru 44/2001.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fil-każ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal sistema proċedurali fejn, minkejja li l-qrati ordinarji li jiddeċiedu dwar il-mertu għandhom ukoll jivverifikaw l-inkostituzzjonalità tal-liġijiet, huma ma għandhomx id-dritt li jannullaw liġijiet b’mod ġenerali [erga omnes], li huwa rriżervat għal Qorti Kostituzzjonali organizzata b’mod speċifiku, għandu jiġi dedott mill-‘prinċipju ta’ ekwivalenza’ tad-dritt tal-Unjoni li, meta liġi tikser l-Artikolu 47 [tal-Karta] il-qrati ordinarji għandhom ukoll, matul il-proċeduri, iressqu talba għall-annullament erga omnes tal-liġi quddiem il-qorti Kostituzzjonali u ma għandhomx sempliċement jonqsu milli japplikawha f’dan il-każ?

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni proċedurali li tipprevedi li qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali taħtar kuratur għal konvenut assenti għal parti fil-kawża li r-residenza tagħha ma tistax tiġi stabbilita u li dan il-kuratur jista’ sussegwentement ‘jidher’ u, b’hekk, jagħti ġurisdizzjoni internazzjonali valida lil din il-qorti?

3)      L-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘konvenut ikun deher’ [dehra] fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni unikament meta dan l-att proċedurali jitwettaq mill-konvenut stess jew minn rappreżentant legali li jkun tah mandat jew minkejja li ma teżistix limitazzjoni f’dan ir-rigward u li dan japplika wkoll meta dan l-att proċedurali jiġi eżegwit minn kuratur għal konvenut assenti maħtur skont id-dritt tal-Istat Membru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema, il-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza huma obbligati, meta jqiesu li liġi nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta, li jadixxu l-Qorti Kostituzzjonali, fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti quddiemhom, talba għall-annullament erga omnes tal-liġi minflok jillimitaw ruħhom li ma japplikawhiex f’dan il-każ.

29      Għalkemm il-qorti tar-rinviju qed tirreferi, fl-ewwel domanda, biss għall-prinċipju ta’ ekwivalenza minħabba l-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof li bbażat fuq dan il-prinċipju l-obbligu li titressqilha talba għall-annullament erga omnes ta’ kwalunkwe liġi li tmur kontra l-Karta, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju turi li din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konformità ta’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-obbligi tal-qrati ordinarji skont l-Artikolu 267 TFUE u tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

30      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza huma obbligati li jadixxu din il-qorti meta jikkunsidraw li liġi tmur kontra l-Karta, skont il-proċedura ta’ annullament erga omnes ta’ liġijiet skont l-Artikoli 89 u 140 B-VG. Peress li tali talba għall-annullament erga omnes tal-liġijiet għandha ssir fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti quddiem il-qrati ordinarji, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn ma jistgħux jiddeċiedu l-kawża immedjatament li titressaq quddiemhom billi ma japplikawx liġi li huma jikkunsidraw li tmur kontra l-Karta.

31      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi ta’ din il-ġurisprudenza kostituzzjonali dwar l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li tindika li l-obbligu li kwalunkwe liġi li tmur kontra l-Karta titressaq lill-Verfassungsgerichtshof ma taffettwax il-possibbiltà li tadixxi il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari, mingħajr, għaldaqstant, ma jiġi ppreċiżat jekk din il-possibbiltà hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet.

32      Madankollu, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja, li fih tidher id-deċiżjoni tal-Verfassungsgerichtshof iċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-obbligu li titressqilha tali talba għall-annullament erga omnes ta’ liġijiet ma taffettwax il-possibbiltà tal-qrati ordinarji li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-formulazzjoni tal-Verfassungsgerichtshof mislufa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 57), fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri li huma jikkunsidraw xieraq, u anki fi tmiem tal-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità, kwalunkwe domanda preliminari li huma jqiesu neċessarja, jistgħu jadottaw kull miżura ta’ protezzjoni ġurisdizzjonali provviżorja neċessarja u li ma japplikawx, fi tmiem ta’ tali proċedura inċidentali, dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Verfassungsgerichtshof tikkunsidra importanti, kif jirriżulta mill-punt 42 tad-deċiżjoni tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx imċaħħda mill-possibbiltà li tistħarreġ il-validità tad-dritt idderivat tal-Unjoni fir-rigward mad-dritt primarju u l-Karta.

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandha tingħata risposta lill-ewwel domanda.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jipprovdi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, kemm fuq l-interpretazzjoni tat-trattati u fuq atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni kif ukoll fuq il-validità ta’ dawn l-atti. Dan l-artikolu jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li qorti nazzjonali tista’ tissottometti tali domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija stess tqis li deċiżjoni fuq dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, u, fit-tielet paragrafu tiegħu, li għandha tagħmel id-domandi tagħha jekk id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern.

35      Fl-ewwel lok, minn dan jirriżulta, li anki jekk jista’ jkun vantaġġjuż, skont iċ-ċirkustanzi, li l-fatti tal-kawża jiġu stabbiliti u li l-problemi li huma purament ta’ dritt nazzjonali jiġu riżolti fil-mument tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 6; Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 26, kif ukoll JämO, C‑236/98, EU:C:2000:173, punt 31), il-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà l-iktar wiesgħa li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk huma jikkunsidraw li kawża li hija pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 3; Mecanarte, C‑348/89, EU:C:1991:278, punt 44, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 88, kif ukoll Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 41).

36      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24; Filipiak, C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 81; Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 45).

37      Fil-fatt, kull dispożizzjoni, ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha bħala effett li tnaqqas l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt, tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jiffurmaw ostaklu għall-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Simmenthal, EU:C:1978:49, punt 22, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 20, kif ukoll Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ikun il-każ jekk, fl-ipoteżi ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali, ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-kunflitt jiġi rriżervat għal awtorità li ma hijiex qorti li lilha huwa fdat il-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija investita b’setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma, anki jekk l-ostaklu li jirriżulta għall-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt huwa biss temporanju (ara s-sentenzi Simmenthal, EU:C:1978:49, punt 23, kif ukoll Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 44).

38      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali adita b’kawża li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali hija mhux biss kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda hija wkoll ivvizzjata b’nuqqas ta’ kostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew eżentata mill-obbligu, previst fl-Artikolu 267 TFUE, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors mandatorju quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Fil-fatt, l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni tkun mhedda jekk l-eżistenza ta’ rikors mandatorju quddiem il-Qorti Kostituzzjonali seta’ jimpedixxi lill-qorti nazzjonali, li hija adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni, li teżerċita l-possibbiltà, li hija mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jippermettilha li tiddeċiedi jekk regola nazzjonali hijiex jew le kompatibbli miegħu (sentenza Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li jqiesu xieraq, kif ukoll fi tmiem tal-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull domanda preliminari li tqies xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punti 51 u 52).

40      Barra minn hekk, peress li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-obbligu li tinbeda proċedura kostituzzjonali inċidentali ta’ stħarriġ ġenerali tal-liġijiet, il-funzjonament tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE jimponi li l-qorti nazzjonali hija libera, minn naħa, li tadotta kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li ma jiġux applikati, fi tmiem tali proċedura inċidentali, dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li hija tkun ddeċidiet li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 53).

41      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna, l-applikabbiltà parallela tad-drittijiet fundamentali ggarantiti minn Kostituzzjoni nazzjonali kif ukoll dawk iggarantiti mill-Karta għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tagħha, għandu jiġi rrilevat li n-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità ta’ liġi nazzjonali li l-kontenut tagħha jillimita ruħu li jittrasponi d-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ direttiva tal-Unjoni ma taffettwax il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, u b’mod partikolari ta’ direttiva, ġurisdizzjoni li għandha bħala għan li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali billi tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punti 15 sa 20; IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 27, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 53, kif ukoll Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 54).

42      Fil-fatt, sakemm in-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità jkollha l-għan tat-tħassir ta’ liġi nazzjonali li tillimita ruħha li tittrasponi d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-direttiva tal-Unjoni minħabba li din il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-prattika, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tipproċedi, fuq talba tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, għall-istħarriġ tal-validità tal-imsemmija direttiva fir-rigward mal-istess motivi fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt primarju, u b’mod partikolari tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta, li l-Artikolu 6 TUE jagħtihom l-istess valur ġuridiku bħal dak irrikonoxxut lit-trattati (sentenza Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 55).

43      Qabel l-istħarriġ inċidentali ta’ kostituzzjonalità ta’ liġi li l-kontenut tagħha jillimita ruħu li jittrasponi d-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ direttiva tal-Unjoni jista’ jsir fir-rigward tal-istess raġunijiet li jikkontestaw il-validità ta’ din id-direttiva, il-qrati nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja tad-dritt intern, għandhom, fil-prinċipju, l-obbligu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-imsemmija direttiva u, sussegwentement, tal-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-qorti li tibda l-istħarriġ inċidentali ta’ kostituzzjonalità ma tkunx hija stess adixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja b’din il-kwistjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, fir-rigward ta’ liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dan il-kontenut, il-kwistjoni ta’ jekk id-direttiva hijiex valida tieħu, fid-dawl tal-obbligu tat-traspożizzjoni tagħha, natura preliminari (is-sentenza Melki u Abdeli, EU:C:2010:363, punt 56).

44      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, jibqa’ permissibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Kostituzzjoni nazzjonali, sakemm l-applikazzjoni tal-istandards nazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60).

45      F’dak li jikkonċerna il-prinċipju ta’ ekwivalenza li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li, skont dan il-prinċipju, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ dritt intern (sentenzi Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 33, kif ukoll Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-użu tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma għandux ikollu bħala effett li jeżenta lill-qrati nazzjonali, fil-mument tal-applikazzjoni tal-modalitajiet proċedurali nazzjonali, mill-osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 267 TFUE.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont liema l-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza huma obbligati, meta jqisu li liġi nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta, matul il-proċeduri, li jadixxu l-Qorti Kostituzzjonali b’talba għall-annullament erga omnes tal-liġi minflok jillimitaw ruħhom li ma japplikawhiex f’dak il-każ, sakemm in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura għandha l-effett li tipprevjeni, kemm qabel it-tressiq ta’ din it-talba lill-qorti nazzjonali li għandha r-responsabbiltà li teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġijiet kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti fuq l-imsemmija talba, dawn il-qrati ordinarji, li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom jew jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm l-imsemmijin qrati ordinarji jibqgħu liberi:

–        li, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li huma jqisu xieraq u anki fi tmiem il-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ġenerali tal-liġijiet, jadixxu b’kwalunkwe domanda preliminari li jqisu neċessarja l-Qorti tal-Ġustizzja,

–        li jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u

–        li ma japplikawx, fi tmiem tali proċedura inċidentali, id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni jekk iqisuha kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tiġi interpretata skont dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

47      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tinnomina kuratur għall-konvenut assenti għal konvenut li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur fin-nuqqas ta’ residenza magħrufa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dehra ta’ dan il-kuratur għall-konvenut assenti hija ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.

48      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fil-mument tat-tressiq tal-kawża prinċipali quddiem il-qrati Awstrijaċi, A ma kienx iddomiċiljat iktar f’dan l-Istat Membru. Barra dan, din il-kawża għandha bħala suġġett kawża għad-danni għall-ħtif ta’ persuni li seħħ mhux fl-Awstrija, iżda fil-Każakistan. Għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi ma tirriżultax mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, ma jidhirx li din il-kawża prinċipali għandha xi rabta kwalunkwe mat-territorju Awstrijaku li jista’ jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm A ma jkunx deher quddiem il-qorti adita skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament.

49      F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kuratur għall-konvenut assenti maħtur skont l-Artikolu 116 taz-ZPO għandu setgħa wiesgħa ta’ rappreżentazzjoni, li timplika s-setgħa li jidher għall-konvenut assenti.

50      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, meta jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions Assurance, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 24).

51      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma dawk tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 jesprimu l-intenzjoni li jiżguraw li, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenzi Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 48 u 49, u G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk id-dehra ta’ kuratur għall-konvenut assenti hijiex ekwivalenti għal dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li dan l-Artikolu 24 jinsab fil-Kapitolu II, Taqsima 7, tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Proroga tal-ġurisdizzjoni”. L-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 24 tipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għall-kawżi kollha fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każijiet fejn il-qorti tkun ġiet adita b’nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u timplika li d-dehra tal-konvenut tista’ tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għaldaqstant bħala proroga tal-ġuridizzjoni tagħha (ara s-sentenzi ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 21, kif ukoll Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions Assurance, EU:C:2014:109, punt 34).

54      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proroga taċita tal-ġurisdizzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq għażla deliberata tal-partijiet fil-kawża marbuta ma’ din il-ġurisdizzjoni, li jippreżumi li l-konvenut kien jaf bil-proċeduri mressqa kontrih. Min-naħa l-oħra, konvenut assenti li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur u li ma jkunx jaf bil-proċeduri mibdija kontra tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li qed jaċċetta taċitament il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

55      Barra minn hekk, konvenut assenti li ma jkunx jaf bir-rikors ippreżentat kontrih kif ukoll bil-ħatra ta’ kuratur għall-konvenut assenti, ma jistax jagħti lil dan il-kuratur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita u sabiex tippermettilu jikkontesta effettivament din il-ġurisdizzjoni jew li jaċċettaha b’konjizzjoni tal-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dehra tal-imsemmi kuratur għall-konvenut assenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni taċita ta’ dan il-konvenut.

56      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ex officio jew b’rikors ta’ dan il-konvenut, kif jirriżulta mill-Artikolu 26 u mill-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament, biss jekk jista’ jiġi kkunsidrat bħala kontumaċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimponi li rappreżentant legali jista’ biss validament jidher għall-konvenut skont ir-Regolament Nru 44/2001 jekk ikun jista’ effettivament jiżgura d-difiża tad-drittijiet tal-konvenut assenti. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), kif ukoll mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, konvenut li ma jkunx jaf bil-proċeduri mressqa kontrih u li jidher avukat jew “tutur” għalih li ma għandux il-mandat ma jkunx possibbli għalih li jiddefendi lilu nnifsu effettivament u għandu, konsegwentement, jiġi kkunsidrat bħala kontumaċi skont din id-dispożizzjoni, anki jekk il-proċeduri jkunu ħadu natura kontradittorja (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, kif emendata, is-sentenza Hendrikman u Feyen, C‑78/95, EU:C:1996:380, punt 18, kif ukoll is-sentenza Hypoteční banka, EU:C:2011:745, punti 53 u 54).

57      It-tielet nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament skont liema kuratur għall-konvenut assenti jista’ jidher għalih ma hijiex konformi mal-għanijiet tar-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament li, kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu, għandhom juru livell għoli ta’ prevedibbiltà u li jkunu fformulati madwar il-ġurisdizzjoni tal-prinċipju ta’ domiċilju tal-konvenut Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-att promotur ma jkunx ġie nnotifikat lil A, li kien iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor li mhux dak tal-qorti adita, l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi minħabba dehra ta’ kuratur għall-konvenut assenti, innominat għal A, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha natura prevedibbli.

58      Fl-aħħar nett, id-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrent iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li għandu jiġi implementat flimkien mad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut fil-qafas tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hypoteční banka, EU:C:2011:745, punti 48 u 49, kif ukoll G, EU:C:2012:142, punti 47 u 48), ma twassalx għal interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, kuntrarjament għal dak li jsostnu B et fl-osservazzjonijiet tagħhom imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja.

59      F’dan ir-rigward, B et jirrilevaw li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, A ma żvelax id-domiċilju attwali tiegħu, u b’hekk impedixxa d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv. F’din is-sitwazzjoni, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ ċaħda fit-twettiq tal-ġustizzja u sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet tar-rikorrent u dawk tal-konvenut, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, għandu jiġi ammess li kuratur għall-konvenut assenti jista’ jidher għal dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

60      Issa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Hypoteční banka (EU:C:2011:745) u G (EU:C:2012:142), li r-Regolament Nru 44/2001, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma tipprekludix proċedura kontra konvenut assenti li fiha dan tal-aħħar ikun ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu effikaċjament, hija aċċentwat il-fatt li dan il-konvenut għandu l-possibbiltà li jinforza d-drittijiet ta’ difiża tiegħu billi jopponi, skont l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija kontra tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hypoteční banka, EU:C:2011:745, punti 54 u 55, kif ukoll G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punti 57 u 58). Din il-possibbiltà ta’ rimedju abbażi tal-Artikolu 34(2) tal-imsemmi regolament tippresupponi madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-kontumaċja tal-konvenut u li l-atti ta’ proċedura magħmula mit-tutur jew mill-kuratur għall-konvenut assenti ma humiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan tal-aħħar skont l-istess regolament. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-atti ta’ proċedura meħuda mill-kuratur għall-konvenut assenti skont l-Artikolu 116 taz-ZPO għandhom bħala effett li A jiġi kkunsidrat bħala li deher quddiem il-qorti adita skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 skont liema dan it-tutur jew il-kuratur għall-konvenut assenti jistgħu jidhru għal dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn id-drittijiet għal rimedju effettiv u d-drittijiet tad-difiża.

61      Għlahekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi hija li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tinnomina kuratur għall-konvenut assenti għal konvenut li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur fin-nuqqas ta’ residenza magħrufa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dehra ta’ dan kuratur għall-konvenut assenti ma hijiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont liema l-qrati ordinarji li jiddeċiedu fl-appell jew fl-aħħar istanza huma obbligati, meta jqisu li liġi nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li matul il-proċedura, jadixxu l-Qorti Kostituzzjonali b’talba għall-annullament erga omnes tal-liġi minflok jillimitaw ruħhom li ma japplikawhiex f’dak il-każ, sakemm in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura għandha l-effett li tipprevjeni kemm qabel it-tressiq ta’ din it-talba lill-qorti nazzjonali li għandha r-responsabbiltà li teżerċita l-istħarriġ tal-Kostituzzjonalità ta’ liġijiet li, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti fuq l-imsemmija talba, dawn il-qrati ordinarji, li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom jew jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm l-imsemmijin qrati ordinarji jibqgħu liberi:

–        li, fi kwalunkwe mument tal-proċeduri li huma jqisu xieraq u anki fi tmiem il-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-liġijiet, jadixxu bi kwalunkwe domanda preliminari li jqisu neċessarja l-Qorti tal-Ġustizzja,

–        li jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u

–        li ma japplikawx, fi tmiem tali proċedura inċidentali, id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni jekk iqisuha kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata skont dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

2)      L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tinnomina kuratur għall-konvenut assenti għal konvenut li ma jkunx ġie nnotifikat bir-rikors promotur fin-nuqqas ta’ residenza magħrufa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dehra ta’ dan il-kuratur għall-konvenut assenti ma hijiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.