Language of document : ECLI:EU:C:2014:2209

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/31/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kawża dwar malafama”

Fil-Kawża C‑291/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Eparchiako Dikastirio Lefkosias (Ċipru), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Sotiris Papasavvas

vs

O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd,

Takis Kounnafi,

Giorgos Sertis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), u A. Arabadjiev, Imħallfin

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Papasavvas, minn Ch. Christaki, dikigoros,

–        għal O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd, minn L. Paschalidis, dikigoros,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn K. Lykourgos, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad- Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Papasavvas u O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd kif ukoll T. Kounnafi u G. Sertis fir-rigward ta’ azzjoni għal kumpens imressqa minn S. Papasavvas għal dannu subit minħabba atti kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu malafama.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 17 tad-Direttiva 2000/31 hija redatta kif ġej:

“Id-definizzjoni ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni diġà teżisti f’liġi tal-Komunità [...] din id-definizzjoni tkopri kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta’ tagħmir elettroniku u għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u ħażna ta’ data [...].”

4        Il-premessa 18 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“[…] servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni [...] sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta’ informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali, jew dawk li jipprovdu għodod li jippermettu riċerka, aċċess u akkwist ta’ dettalji; servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jinkludu wkoll servizzi li jikkonsistu fit-trasmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni, li jipprovdi aċċess għal network ta’ komunikazzjoni jew billi jilqa’ għandu informazzjoni provduta minn min jirċievi s-servizz; [...]”

5        Skont il-premessa 22 tal-imsemmija direttiva:

“Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku; [...] aktar minn hekk, sabiex tkun iggarantita effettivament il-libertà li jkunu provduti servizzi u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u għal dawk li jirċievu s-servizzi, servizzi bħal dawn minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih dak li jipprovdi s-servizzi jkun stabbilit.”

6        Il-premessa 42 tal-istess direttiva tistabbilixxi:

“L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f’din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u tagħti aċċess għal qafas ta’ komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.”

7        Il-premessa 43 tad-Direttiva 2000/31 hija redatta kif ġej:

“Dak li jipprovdi servizz jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet għal ‘sempliċi konduttur’ u għal ‘caching’ meta hu bl-ebda mod ma jkun involut ma’ l-informazzjoni trasmessa; din tinħtieġ fost affarijiet oħra li hu ma jkunx jista’ jimmodifika l-informazzjoni li hu jittrasmetti; din il-ħtieġa ma tkoprix manipulazzjonijiet ta’ natura teknika li jseħħu waqt il-kors tat-trasmissjoni billi dawn ma jalterawx l-integrità ta’ l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.”

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 98/34’)];

(b)      ‘dak li jipprovdi servizz’: kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;

(ċ)       ‘min hu stabbilit li jipprovdi servizz’: dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Il-presenza u l-użu ta’ mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz ma humiex, minnhom infushom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz;

[…]

(h) ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

[…]

–        il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 2000/31, intitolat “Suq intern”:

“1.       Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)       il-miżuri għandhom ikunu:

(i)       meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, […]

[…]

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, […]

(ii) meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet [li jippreġudika l-għanijiet] li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)       proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

[…]”

10      L-Artikoli 12 sa 14 tal-istess direttiva, huma inkorporati fit-Taqsima 4 tagħha, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”.

11      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Mere conduit”, jipprovdi li:

“1. Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta' komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa, bil-kundizzjoni li dak li jipprovdi:      

(a)      ma jkunx beda t-trasmissjoni;

(b)      ma jkunx għażel dak li jirċievi t-trasmissjoni;

u

(ċ)       ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

2.      L-atti tat-trasmissjoni u l-provvediment ta’ aċċess li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u transitorja ta’ l-informazzjoni trasmessa sakemm din tkun seħħet għall-uniku skop li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u basta li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trasmissjoni.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

12      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Caching”, jipprovdi:

“1.      Meta jkun provdut servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni li jikkonsisti fit-trasmissjoni fuq network ta’ komunikazzjoni minn informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għal ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, mwettqa biss għall-iskop li tagħmel aktar effiċjenti t-tmexxija tat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni lil oħrajn li jirċievu s-servizz fuq talba tagħhom, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi ma jkunx immodifika l-informazzjoni;

(b)      dak li jipprovdi jkun konformi mal-kundizzjonijiet dwar l-aċċess ta’ l-informazzjoni;

(ċ)      dak li jipprovdi jkun konformi mar-regoli li jirrigwardaw l-aġġornament ta’ l-informazzjoni, speċifikata f’manjiera ferm rikonoxxuta u wżata mill-industrija;

(d)      dak li jipprovdi ma jkunx indaħal fl-użu legali ta’ teknoloġija, ferm rikonoxxuta u użata mill-industrija, biex jakkwista’ dettalji dwar l-użu ta’ l-informazzjoni;

u

(e)      dak li jipprovdi jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li hu jkun żamm malli jkun kiseb it-tagħrif dwar il-fatt li l-informazzjoni fis-sorsi inizjali tat-trasmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun twaqqaf, jew li qorti jew awtorità amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew it-twaqqif.

2.       Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew ma jħallix li jsir ksur.”

13      Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting”:

“1. Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.       Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.       Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

14      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Azzjonijiet Ġudizzjarji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.”

15      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

2.      ʻservizzʼ, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        ʻmill-bogħodʼ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ʻb’mezzi elettroniċiʼ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–        ʻfuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizziʼ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

[…]”

 Id-dritt Ċiprijott

16      Ir-reat ċivili ta’ malafama jaqa’ taħt l-Artikoli 17 sa 25, li jinsabu taħt il-Kapitolu 148 tal-liġi fuq ir-reati ċivili.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fil-11 ta’ Novembru 2010, S. Papasavvas beda azzjoni għal kumpens quddiem l-Eparchiako Dikastirio Lefkosias kontra O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd, kumpannija tal-istampa, kif ukoll T. Kounnafi, kap editur u ġurnalist tal-gazzetta O Fileleftheros, u G. Sertis, ġurnalist ta’ din l-istess gazzetta, minħabba atti li jikkostitwixxu, skont huwa, il-malafama.

18      S. Papasavvas jitlob kumpens għad-dannu li ġie kkawżat lilu permezz ta’ artikli ppubblikati fil-gazzetta ta’ kuljum nazzjonali O Fileleftheros, fis-7 ta’ Novembru 2010, li tqiegħdu online f’żewġ siti tal-internet [http://www.philenews.com u http://www.phileftheros.com]. Huwa jitlob ukoll lill-qorti nazzjonali biex tadotta miżuri provviżorji biex twaqqaf il-pubblikazzjoni tal-artikli inkwistjoni.

19      L-Eparchiako Dikastirio Lefkosias tqis li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tiddependi parzjalment mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Eparchiako Dikastirio Lefkosias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar il-malafama taffettwa l-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi ta’ informazzjoni bil-mezz elettroniku kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll ġewwa l-UE, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE?

2)      F’każ li r-risposta għad-domanda 1) hija affermattiva, b’liema mod japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva [2000/31], fuq ir-responsabbilità, għall-kawżi ċivili bejn individwi, bħal dawk li jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili għal malafama, jew huma limitati għar-responsabbiltà ċivili fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali/ta’ kuntratti mal-konsumaturi?

3)      Fir-rigward tal-għan previst mill-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva [2000/31] dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u kif jirriżulta mill-fatt li, f’ħafna Stati Membri, l-eżistenza ta’ azzjoni ġudizzjarja hija kundizzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiġu ordnati miżuri provviżorji li jimponu obbligu biex ma jseħħx att sakemm tingħata deċiżjoni, b’liema mod dawn l-artikoli joħolqu drittijiet individwali li jistgħu jiġu invokati bħala mezzi ta’ difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili dwar malafama, jew jikkostitwixxu ostakoli legali għat-tressiq ta’ azzjonijiet bħal dawn?

4)      B’liema mod id-definizzjonijiet ta’ ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’ u ta’ ‘dak li jipprovdi servizz’, fis-sens tal-Artikoli 2 tad-Direttiva [2000/31], u 1(2) tad-Direttiva [98/34], ikopru servizzi ta’ informazzjoni on line li huma mħallsa indirettament permezz tar-reklamar kummerċjali li jidher fis-sit internet u mhux direttament permezz tad-destinatarju ta’ dawn is-servizzi?

5)      Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ ‘dak li jipprovdi servizz ta’ informazzjoni’, mogħtija fl-Artikoli 2 tad-Direttiva [2000/31], u 1(2) tad-Direttiva [98/34], b’liema mod jista’ jiġi kkunsidrat li l-każijiet segwenti jew wieħed fosthom jikkostitwixxu ‘sempliċi konduttur’ jew “[forma ta’ ħażna magħrufa bħala] ‘caching’” jew ‘hosting’ għall-finijiet tal-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva [2000/31]:

a)      ġurnal li għandu sit tal-internet aċċessibbli b’xejn, li fuqu hija ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-verżjoni kartaċja li tinkludi l-artikoli kollha u r-reklami ta’ din, f’forma PDF jew forma elettronika oħra simili;

b)      ġurnal elettroniku li huwa aċċessibbli minn kulħadd, li l-fournitur tiegħu huwa mħallas permezz tar-reklami kummerċjali li jidhru fis-sit tal-internet. L-informazzjoni li tidher fil-ġurnal elettroniku hija pprovduta mill-impjegati tal-ġurnal u/jew minn ġurnalisti indipendenti;

ċ)      sit tal-internet bi ħlas li jipprovdi servizzi previsti taħt [a)] jew [b)] iktar ’il fuq?”

 Fuq l-ammissibbiltà

21      S. Papasavvas jinvoka l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

22      Huwa jsostni, b’mod partikolari, li din it-talba tressqet “b’mod prematur” mill-qorti tar-rinviju, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali għadhom ma ssottomettewx ir-risposta u li l-fatti għadhom ma ġewx stabbiliti. B’hekk, il-qorti tar-rinviju ma ħaditx b’mod sħiħ konjizzjoni tal-kwistjonijiet legali mqajma mill-kawża pendenti quddiemha u d-domandi magħmula huma ipotetiċi.

23      Huwa jqies wkoll li d-Direttiva 2000/31 ma għandhiex rabta mal-kawża prinċipali, peress li hija tikkonċerna biss dawk li jipprovdu servizz u mhux id-destinatarji tiegħu u li r-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma humiex neċessarji biex tissolva din il-kawża.

24      Madankollu, id-deskrizzjoni tal-qafas legali u fattwali tal-kawża permezz tad-deċiżjoni ta’ rinviju tidher suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippronunzja ruħha u r-raba’ domanda għandha preċiżament bħala għan li ssir taf jekk il-kawża prinċipali taqa’ jew le taħt id-Direttiva 2000/31.

25      Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq ir-raba’ domanda

26      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġbor fi ħdanu servizzi li jipprovdu informazzjoni online li għalihom dak li jipprovdi servizz huwa rrimunerat mhux mir-riċevitur, iżda mid-dħul iġġenerat mir-reklamar imxandar fuq is-sit tal-internet.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-kliem “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” b’riferiment għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, li jirrigwarda kull servizz “normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni”, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

28      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din ir-remunerazzjoni għandhiex neċessarjament tiġi pprovduta mir-riċevitur tas-servizz stess, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni hija espliċitament eskluża mill-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31, li fid-dawl tagħha l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat, li tippreċiża li servizz minn soċjetà tal-informazzjoni sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi “li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta’ informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali”.

29      Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għal dik tal-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE li lanqas ma jeżiġix li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bond van Adverteerders et, 352/85, EU:C:1988:196, punt 16).

30      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat f’sens li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġbor fi ħdanu servizzi li jipprovdu informazzjoni online li għalihom dak li jipprovdi servizz huwa rremunerat mhux mir-riċevitur, iżda mid-dħul iġġenerat mir-reklamar imxandar fuq is-sit tal-internet.

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/31 tipprekludix l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama lil dak li jipprovdi servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni.

32      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru li jaqgħu fil-qasam ikkordinat, fejn dan il-qasam ikopri b’mod partikolari, kif jipprevedi l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili ta’ dak li jipprovdi servizz.

33      Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix li Stat Membru jadotta sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama, applikabbli għal dawk li jipprovdu servizz minn soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fit-territorju tiegħu.

34      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

35      F’dan il-każ, jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex ġejjin minn Stat Membru barra minn Ċipru, iżda huma pprovduti minn dak li jipprovdi servizz stabbilit f’dan l-Istat tal-aħħar. F’dan il-każ, peress li l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi applikat, ma għandux jiġi eżaminat l-effett tiegħu eventwali.

36      B’hekk jirriżulta li, fl-assenza ta’ dettalji addizzjonali minn naħa tal-qorti tar-rinviju, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix, f’kawża bħall-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama.

 Fuq il-ħames domanda

37      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 humiex applikabbli fil-każ ta’ kumpannija pubblikatriċi tal-istampa li għandha sit tal-internet li fuqu hija ppublikata l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta redatta minn ġurnalisti impjegati jew li jaħdmu għal rashom, fejn din il-kumpannija hija, barra minn hekk, irremunerata mid-dħul iġġenerat mir-riklamar kummerċjali mxandar fuq dan is-sit. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda tkunx identika, jekk l-aċċess għall-imsemmi sit ikun bla ħlas jew bil-ħlas.

38      L-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom dak li jipprovdi servizz minn soċjetà tal-informazzjoni jeżerċita, rispettivament, attività ta’ sempliċi konduttur (“mere conduit”), forma ta’ ħażna magħrufa bħala “caching” jew attività ta’ hosting.

39      Kif jirriżulta mit-titolu tat-Taqsima 4 ta’ din id-direttiva, l-aġir ta’ dak li jipprovdi servizz imsemmi minn dawn l-artikoli għandu jillimita ruħu għal dak ta’ “intermedjarj[u] li [j]ipprovdi servizz”.

40      Barra minn hekk, mill-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti b’din id-direttiva jkopru biss il-każijiet meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva, u dan jimplika li huwa la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trażmessa jew maħżuna. (ara s-sentenza Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 113).

41      Minn dan il-Qorti ddeduċiet li, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-responsabbiltà ta’ dak li jipprovdi servizz setgħetx tkun limitata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rwol li jeżerċita huwiex newtrali, jiġifieri li l-aġir tiegħu huwa sempliċement tekniku, awtomatiku u passiv, li jimplika n-nuqqas ta’ tagħrif jew ta’ kontroll fuq id-data li huwa jżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Google France u Google, EU:C:2010:159, punt 114, kif ukoll L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 113).

42      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sempliċi fatt li s-servizz ta’ referenzar huwa bi ħlas, li dak li jipprovdi servizz jistabbilixxi l-modalitajiet tar-remunerazzjoni, jew ukoll li jagħti informazzjoni ta’ natura ġenerali lil klijenti tiegħu, ma jistax ikollu l-effett li jelimina l-eżenzjonijiet għal dak li jipprovdi servizz fil-qasam tar-responsabbiltà previsti mid-Direttiva 2000/31 (ara s-sentenzi Google France u Google, EU:C:2010:159, punt 116, kif ukoll L’Oréal et, EU:C:2011:474, punt 115).

43      Madankollu, ir-rwol ta’ dak li jipprovdi servizz fir-redazzjoni tal-messaġġ kummerċjali li jakkompanja l-link pubbliċitarju jew fl-istabbiliment jew l-għażla tal-kliem prinċipali huwa rilevanti. (ara s-sentenza Google France u Google, EU:C:2010:159, punt 118).

44      Bl-istess mod, meta dak li jipprovdi servizz jagħti assistenza li tkun b’mod partikolari sabiex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni jew sabiex tippromwovi dawk l-offerti, huwa ma jkunx jokkupa pożizzjoni newtrali bejn il-klijent bejjiegħ ikkonċernat u x-xerrejja potenzjali, iżda huwa jkun assuma rwol attiv ta’ natura li jagħtih tagħrif jew kontroll tad-data relattiva għal dawk l-offerti (sentenza L’Oréal et, EU:C:2011:474, punt 116).

45      Konsegwentement, peress li kumpannija pubblikatriċi tal-istampa li tippubblika fuq is-sit tagħha tal-internet il-verżjoni elettronika ta’ gazzetta għandha, fil-prinċipju, konjizzjoni tal-informazzjoni li tippubblika u teżerċita kontroll fuqha, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “intermedjarja li tipprovdi servizz”, fis-sens tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31, kemm jekk l-aċċess għas-sit huwa bil-ħlas jew bla ħlas.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 ma jirrigwardawx il-każ ta’ kumpannija pubblikatriċi tal-istampa li għandha sit tal-internet li fuqu hija ppubblikata l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta, fejn din il-kumpannija hija, barra minn hekk, irremunerata mid-dħul iġġenerat mir-riklamar kummerċjali mxandar fuq dan is-sit, peress li hija għandha konjizzjoni tal-informazzjoni ppubblikata u teżerċita kontroll fuqha, kemm jekk l-aċċess għall-imsemmi sit huwa bla ħlas jew bil-ħlas.

 Fuq it-tieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 jistgħux jiġu applikati għal kawżi bejn individwi li jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili għal malafama, sabiex tkun tista’ tinterpreta il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha b’mod konformi għal din.

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ħames domanda, li tipprovdi li dawk li jipprovdu servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala intermedjarji li jipprovdu servizz fis-sens tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31, jista’ ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda. Madankollu sa fejn ma jirriżultax b’mod ċert mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-ħames domanda jikkorrispondu għal dawk tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa utli li tingħata risposta għat-tieni domanda.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dak li jipprovdi servizz” bħala kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni.

50      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 jistgħu jiġu applikati fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi li tirrigwarda r-responsabbiltà ċivili għal malafama, meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli jkunu ssodisfatti.

 Fuq it-tielet domanda

51      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja kontrih u, konsegwentement, għall-adozzjoni anki ta’ miżuri provviżorji minn qorti nazzjonali. Fl-alternattiv, hija tistaqsi jekk dawn l-artikoli joħolqux drittijiet individwali li dak li jipprovdi servizz ikkonċernat jista’ jinvoka bħala eċċezzjonijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52      Bl-istess mod bħal qabel, jista’ jiġi kkunsidrat li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda, peress li dawk li jipprovdu servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala intermedjarji li jipprovdu servizz fis-sens tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31.

53      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tindika lill-qorti tar-rinviju li, mis-suġġett tagħhom, dawn l-artikoli ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet li fihom ir-rimedji ġudizzjarji għar-responsabbiltà ċivili jistgħu jiġu eżerċitati kontra dawk li jipprovdu servizz, li jaqgħu, fl-assenza tad-dettall fid-dritt tal-Unjoni, taħt il-ġurisdizzjoni biss tal-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

54      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn l-artikoli joħolqux drittijiet individwali li jistgħu jiġu invokati minn dak li jipprovdi servizz bħala eċċezzjonijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili għal malafama, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ kawża bejn individwi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti ddeċidiet li direttiva ma tistax, waħedha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48, u Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20), bla ħsara, madankollu, għall-azzjoni eventwali għar-responsabbiltà li tista’ tiġi ppreżentata kontra l-Istat għad-danni kkawżati mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma imputabbli lilu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 35).

55      Madankollu, mill-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri għandhom ikunu pprevedew, fid-dritt nazzjonali, il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà stabbiliti fl-imsemmija artikoli.

56      Fl-ipoteżi fejn dawn il-limitazzjonijiet ma jkunux madankollu trasposti fid-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali li qed tintalab tinterpretah għandha tagħmel dan, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-direttiva sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u sabiex b’hekk tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 26, u Marleasing, C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8).

57      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 ma jippermettux lil dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja għar-responsabbiltà ċivili kontrih u, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji minn qorti nazzjonali. Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà previsti f’dawn l-artikoli jistgħu jiġu invokati minn dak li jipprovdi servizz skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħhom jew, fl-alternattiv, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni skont dan. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2000/31 ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax għaldaqstant tiġi invokata bħala tali kontrih.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġbor fi ħdanu servizzi li jipprovdu informazzjoni online li għalihom dak li jipprovdi servizz huwa rremunerat mhux mir-riċevitur, iżda mid-dħul iġġenerat mir-reklamar imxandar fuq is-sit tal-internet.

2)      Id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix, f’kawża bħall-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama.

3)      Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 ma jirrigwardawx il-każ ta’ kumpannija pubblikatriċi tal-istampa li għandha sit tal-internet li fuqu hija ppubblikata l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta, fejn din il-kumpannija hija, barra minn hekk, irremunerata mid-dħul iġġenerat mir-riklamar kummerċjali mxnadar fuq dan is-sit, peress li hija għandha konjizzjoni tal-informazzjoni ppubblikata u teżerċita kontroll fuqha, kemm jekk l-aċċess għall-imsemmi sit huwa bla ħlas jew bil-ħlas.

4)      Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 jistgħu jiġu applikati fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi li tirrigwarda r-responsabbiltà ċivili għal malafama, meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli jkunu sodisfatti.

5)      L-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 ma jippermettux lil dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja għar-responsabbiltà ċivili kontrih u, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji minn qorti nazzjonali. Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà previsti f’dawn l-artikoli jistgħu jiġu invokati minn dak li jipprovdi servizz skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħhom jew, fl-alternattiv, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni skont dan. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2000/31 ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax għaldaqstant tiġi invokata bħala tali kontrih.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.