Language of document : ECLI:EU:F:2014:78

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

8 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑50/13

A

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Inċident jew marda kkaġunata mix-xogħol — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Invalidità parzjali permanenti — Talba għal kumpens — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A ressaq din l-kawża intiża, essenzjalment, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tħallsu kumpens għad-danni materjali u morali mġarrba minħabba l-marda tiegħu kkaġunata mix-xogħol.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Allowance b’rata fissa skont is-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kumpens komplementari mressqa qabel it-tmiem tal-proċedura skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(2))

1.      L-uffiċjal vittma ta’ marda kkaġunata mix-xogħol jista’ biss jitlob kumpens addizzjonali skont id-dritt komuni meta s-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq. Konsegwentement u bħala prinċipju, it-talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li uffiċjal ikun ġarrab minħabba marda kkaġunata mix-xogħol ma hijiex ammissibbli sakemm il-proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tkunx intemmet.

(ara l-punt 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, punt 94

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punti 151 u 152

2.      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

F’sitwazzjoni fejn l-illegalità mwettqa mill-amministrazzjoni, issanzjonata f’sentenza ta’ annullament, tkun wasslet għall-inammissibbiltà tat-talbiet għal kumpens, li ma setgħux, għal raġunijiet proċedurali, jitressqu fil-kuntest tar-rikors li jkun wassal għall-imsemmija sentenza ta’ annullament, iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

(ara l-punti 39 u 40)