Language of document : ECLI:EU:F:2014:61

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

6 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑153/12

Claude Forget

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Kundizzjoni għall-għoti — Sħubija rreġistrata taħt id-dritt Lussemburgiż — Koppja ta’ sħab stabbli mhux maritali li għandhom aċċess għaż-żwieġ ċivili — Uffiċjali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu (1)(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Forget jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2012 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħditlu l-għoti tal-allowance tad-dar u l-pensjoni tas-superstiti għas-sieħba tiegħu, u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Forget għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.



Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux maritali — Aċċess għaż-żwieġ ċivili — Kunċetti awtonomi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d u Anness VII, Artikolu 1(2)(ċ))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet — Koppja ta’ sħab stabbli li għandhom aċċess għaż-żwieġ ċivili — Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d u Anness VII, Artikolu 1(2)(ċ))

1.      Il-kunċett ta’ sħubija mhux maritali li jirriżulta fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal huwa ta’ natura awtonoma, fejn l-Artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal inkwistjoni ma jagħmilx riferiment għall-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali skont il-każ, iżda jistabbilixxi sistema legali distinta permezz tal-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mill-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII.

Dan l-artikolu jirrikjedi b’mod partikolari, minn naħa, li l-koppja tipprovdi lill-amministrazzjoni kkonċernata dokument uffiċjali rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru jew minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jiċċertifika l-istatus tagħhom ta’ msieħba mhux maritali, u li jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, bħala kundizzjoni supplimentari, li l-koppja ma għandhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru. Fir-rigward tal-kontenut u tal-portata ta’ din l-aħħar kundizzjoni, din l-istess dispożizzjoni tispeċifika li koppja għandha titqies li għandha aċċess għaż-żwieġ ċivili biss fil-każ fejn il-membri tal-koppja jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tawtorizza ż-żwieġ ta’ din il-koppja.

Issa, il-kunċett ta’ koppja li għandha aċċess għaż-żwieġ ċivili huwa marbut mar-Regolamenti tal-Persunal u jista’ jiġi interpretat biss b’mod separat. Barra minn hekk huwa jissodisfa l-għan segwit mil-leġiżlatur, hekk kif tipprevedi l-premessa 8 tar-Regolament Nru 723/2004, li stabbilixxiet din il-verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li jeħtieġ li l-uffiċjali li jinsabu f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ għandhom jingħataw l-istess vantaġġi bħall-koppji miżżewġa.

(ara l-punti 22 sa 24)

2.      Fir-rigward ta’ diskriminazzjoni allegata li tirriżulta minn trattament differenti fir-rigward tal-għoti tal-allowance tad-dar bejn, minn naħa, l-uffiċjali li kkonkludew sħubija mhux maritali ma’ persuna tal-istess sess u li lilhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tirrifjuta l-aċċess għaż-żwieġ, u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali, li huma ta’ sess differenti u li għandhom aċċess għaż-żwieġ ċivili, u li ppreferew jikkonkludu sħubija stabbli mhux maritali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-paragun huwa żbaljat peress li l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxix u ma jistax jistabbilixxi leġiżlazzjoni awtonoma li tista’ tmur kontra jew tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw, f’kull Stat Membru tal-Unjoni, id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-kategoriji ta’ relazzjonijiet maritali jew paramaritali possibbli previsti minn dawn il-leġiżlazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, preċiżament minħabba leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, dan l-artikolu jillimita ruħu jistabbilixxi, fir-rigward ta’ kull uffiċjal fi sħubija legalment rikonoxxuta fi Stat Membru u li jitlob l-allokazzjoni tad-dar, kundizzjoni speċifika, jiġifieri dik li l-koppja u mhux l-uffiċjal fih innifsu, ma għandux aċċess għaż-żwieġ. Issa, din il-kundizzjoni tiddependi, fir-rigward tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali tal-uffiċjal li jagħmel parti mill-isħubija, esklużivament mis-sistema legali li l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru tirrikonoxxi lill-imsemmija sħab mhux maritali, fejn minħabba dan il-fatt din il-kundizzjoni hija, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, effettivament newtrali.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti f’dan il-qasam u li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, il-kundizzjoni li l-koppja ma għandhiex aċċess għaż-żwieġ ma jagħtix lok għal diskriminazzjoni indiretta, inkwantu, minn fost ir-relazzjonijiet interpersonali differenti ġuridikament rikonoxxuti, iż-żwieġ huwa attwalment l-unika forma ta’ relazzjoni ċivili komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li min-naħa l-oħra ma huwiex il-każ tas-sħubija.

Ċertament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu differenza fit-trattament oġġettiva bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali. Madankollu, li kieku kellu jitqies li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jitqiegħdu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq mill-allowance tad-dar, differenza fit-trattament ta’ dan it-tip ikollha titqies li hija oġġettivament ġustifikata, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt xtaq li l-uffiċjali involuti f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ jingħataw l-istess vantaġġi bħall-koppji miżżewġa.

(ara l-punti 27 sa 29, 31 u 32)