Language of document : ECLI:EU:F:2014:245

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2014 (*)

“Servizz pubbliku — Proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv ta’ aġenzija regolatorja — L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) — Proċedura ta’ selezzjoni f’żewġ fażijiet — Preselezzjoni fi ħdan il-Kummissjoni — Ħatra mill-Bord Amministrattiv tal-EMA — Obbligu għall-Bord Amministrattiv tal-EMA li jagħżel id-direttur eżekuttiv minn fost il-kandidati magħżula mill-Kummissjoni — Rikors għal annullament — Kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni — Kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni u ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA — Kandidati membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li jinsabu fil-lista ta’ kandidati magħżula mill-Kummissjoni — Ħatra tal-kandidat membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA — Dmir ta’ imparzjalità — Ksur — Annullament — Rikors għad-danni — Dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament — Prova — Assenza”

Fil-Kawża F‑2/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Emil Hristov, residenti f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentat minn M. Ekimdjiev, K. Boncheva u G. Chernicherska, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Currall u D. Stefanov, sussegwentement minn J. Currall u N. Nikolova, bħala aġenti,

u

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), inizjalment irrappreżentata minn V. Salvatore u T. Jablonski, sussegwentement minn J. Currall u N. Nikolova, bħala aġenti,

konvenuti,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn M. I. Rofes i Pujol (Relatur), President, K. Bradley u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Jannar 2012, E. Hristov jitlob, minn naħa, l-annullament ta’ diversi deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tas-6 ta’ Ottubru 2011 li taħtar dan id-direttur eżekuttiv u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229), jipprovdi, fl-Artikolu 64(1), kif ġej:

“Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun maħtur mill-Bord Amministrattiv, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu ta’ ħames snin fuq bażi ta’ lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni wara sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u x’imkien ieħor. Qabel il-ħatra, il-kandidat nominat mill-Bord Amministrattiv għandu jkun mistieden biex fil-pront jagħmel dikjarazzjoni lill-Parlament [...] u biex iwieġeb xi mistoqsijiet tal-Membri tiegħu. […]”

3        L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 726/2004 jipprovdi:

“1.       Il-Bord Amministrattiv għandu jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u żewġ rappreżentanti tal-Parlament […].

[…]

Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu maħtura b’mod tali li jkunu garantiti l-ogħla livelli ta’ kwalifiki speċjalizzati, spettru wiesgħa ta’ esperjenza rilevanti u l-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli fl-Unjoni Ewropea.

2.       Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu maħtura fuq il-bażi tal-kompetenza rilevanti tagħhom fl-amministrazzjoni u, jekk xieraq, esperjenza fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju.

3.       Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru l-membri tagħhom tal-Bord Amministrattiv kif ukoll sostitut li jissostitwixxi lill-membru fl-assenza tiegħu u li jivvota f’ismu.

[…] 

7.       Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

[…]”

4        L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 726/2004 jipprovdi li l-Bord Amministrattiv tal-EMA għandu jaħtar id-direttur eżekuttiv.

5        Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 726/2004:

“Il-persunal ta’ l-[EMA] għandhom ikunu suġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċċjali u persunl ieħor tal-Komunitajiet Ewropej. Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-[EMA] għandha teżerċita l-poteri li ngħataw lill-awtorità li taħtar.

Il-Bord Amministrattiv bi qbil mal-Kummissjoni għandu jadotta d-disposizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni.”

6        Skont l-Artikolu 65(7) tar-Regolament Nru 726/2004, il-Bord Amministrattiv tal-EMA adotta, fit-13 ta’ Diċembru 2007, ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li sussegwentement ġew emendati diversi drabi. Fil-verżjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2009, applikabbli għat-tilwima ineżami, l-Artikolu 11(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:

“Il-membri [tal-Bord Amministrattiv] għandhom jiddikjaraw, matul kull laqgħa, kull interess partikolari li jista’ jitqies bħala li jista’ jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-punti inklużi fl-aġenda. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-Linji gwida tal-Kummissjoni SEC(2009) 27/2, tat-12 ta’ Jannar 2009, dwar is-selezzjoni u l-ħatra tad-diretturi tal-aġenziji regolatorji, tal-aġenziji eżekuttivi u tal-impriżi komuni (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), jistabbilixxu d-diversi stadji tal-proċedura ta’ selezzjoni tad-diretturi tal-parti l-kbira tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-aġenziji regolatorji, li fosthom hija inkluża l-EMA, il-Linji gwida jipprovdu li d-direttur eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv fuq il-bażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

8        Il-punt 7 tal-Linji gwida, intitolat “Preselezzjoni”, jipprovdi:

“Fil-każ standard fejn il-Kummissjoni tkun inkarigata li tistabbilixxi s-‘short list’ tal-kandidati [...], il-proċedura ta’ preselezzjoni għandha titmexxa minn kumitat ta’ preselezzjoni li għandu jidentifika l-iktar kandidati kkwalifikati u għandu jittrażmetti abbozz ta’ lista lill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet [...].

Id-[Direttorat Ġenerali] responsabbli għandu jistabbilixxi kumitat ta’ preselezzjoni fuq proposta tal-unità tar-riżorsi umani tad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli. Il-membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali.

7.1 Il-kumitat ta’ preselezzjoni

–        Il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit minn tliet uffiċjali f’pożizzjoni amministrattiva għolja fil-Kummissjoni li għandu jkollhom minn tal-inqas l-istess grad u l-istess livell ta’ funzjonijiet bħal dawk tad-direttur tal-aġenzija.

Bħala regola ġenerali, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jinkludi:

–        id-Direttur Ġenerali tad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli jew l-assistent Direttur Ġenerali ta’ dan [id-Direttorat Ġenerali], li jiżgura l-presidenza tal-kumitat;

–        direttur tad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli;

–        direttur ta’ Direttorat Ġenerali ieħor, preferibbilment tal-istess familja bħad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli u li jkollu, jekk ikun possibbli, kompetenza speċifika fis-settur ta’ attività tal-aġenzija;

[…]

–        Osservatur

Meta d-direttur jinħatar mill-Bord Amministrattiv jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], dawn tal-aħħar jistgħu jinnominaw osservatur sabiex jirrappreżentahom fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni.

[…]

7.2 Eżami tal-kandidaturi

[…]

7.2.1 Eżami tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u stabbiliment ta’ tabella ta’ evalwazzjoni mill-kumitat [ta’ preselezzjoni]

Il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ kontroll [‘check-list’] u għandu jipproċedi bl-eżami tal-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jistabbilixxi wkoll tabella ta’ evalwazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji ta’ selezzjoni ffissati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Din it-tabella għandha tippermetti li l-profil tal-kandidat jitqabbel mal-kompetenzi speċifiċi meħtieġa għall-pożizzjoni, kif innotifikati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

[…]

Fi tmiem din l-evalwazzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ kandidati preselezzjonati, ikkunsidrati bħala li jikkorrispondu l-aħjar għall-profil imfittex u li jissodisfaw il-kwalifiki ffissati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

[…]

7.2.4 Ir-rapport tal-kumitat ta’ preselezzjoni

Il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jistabbilixxi rapport komplet li jipprovdi informazzjoni ddettaljata ta’ kull intervista, evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidati kollha, kif ukoll proposta ta’ lista tal-kandidati meqjusa bħala l-iktar kkwalifikati.

Ir-rapport għandu jiġi redatt mill-president tal-kumitat ta’ preselezzjoni. […]

Is-segretarjat tal-kumitat għandu jittrażmetti r-rapport lis-segretarjat ġenerali fil-kwalità tiegħu ta’ president [tal-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], lis-segretarjat [tal-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], lid-[Direttorat Ġenerali tal-persunal u tal-amministrazzjoni] u lill-[Membru tal-Kummissjoni] tad-[Direttorat Ġenerali] responsbbli.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Il-punt 8 tal-Linji gwida, intitolat “L-istadju quddiem il-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet [...] u intervista mal-[Membru/i tal-Kummissjoni]”, huwa fformulat kif ġej:

“Minħabba r-rwol tal-Kummissjoni fil-proċeduri għall-ħatra tad-diretturi, il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], fir-rwol tiegħu li jiggarantixxi reklutaġġ ta’ kwalità fil-pożizzjonijiet amministrattivi għolja, għandu l-funzjoni li jippreżenta lill-Kummissjoni lista ta’ kandidati meqjusa bħala l-iktar ikkwalifikati għall-pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija.

[…]

8.1 Kompożizzjoni tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet]

Fir-rigward tas-selezzjoni tad-diretturi ta’ aġenzija, [...] il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jkun ikkostitwit mill-membri segwenti:

–        id-Direttur Ġenerali tal-persunal u tal-amministrazzjoni, li għandu jiżgura l-presidenza ta’ dan il-kumitat;

–        il-kap tal-uffiċċju tal-[Membru tal-Kummissjoni] responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni;

–        ir-relatur permanenti tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet];

–        ir-relatur innominat fir-rigward tal-proċedura ta’ selezzjoni;

–        l-assistent segretarju ġenerali;

–        id-Direttur Ġenerali tad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli [...];

[…]

8.2 Opinjoni tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] u ċentru ta’ evalwazzjoni [...]

8.2.1 [L-ewwel] stadju tal-proċedura tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet]: opinjoni preliminari

a) Il-proċedura

Is-segretarjat tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jittrażmetti r-rapport u l-abbozz ta’ lista tal-kandidati stabbiliti mill-kumitat ta’ preselezzjoni lill-membri kkonċernati tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] sabiex dawn jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ proċedura bil-miktub.

Tliet sitwazzjonijiet huma possibbli:

–        approvazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], inkluż tal-lista tal-kandidati proposta mill-kumitat ta’ preselezzjoni;

–        approvazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] b’emenda tal-lista tal-kandidati proposta mill-kumitat ta’ preselezzjoni. Il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] jista’ jirriżerva d-dritt jew li, fil-lista tal-kumitat ta’ preselezzjoni, jinkludi kandidati li għaddew minn intervista ma’ dan il-kumitat mingħajr ma ntgħażlu minn dan tal-aħħar, jew li jelimina xi kandidati;

–        oġġezzjoni mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] jew minn wieħed mill-membri tiegħu għall-konklużjonijiet tar-rapport ta’ preselezzjoni. F’dan il-każ, is-segretarjat tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] jista’ jitlob lill-president tal-kumitat ta’ preselezzjoni sabiex jipprovdi kjarifiki bil-miktub u/jew informazzjoni supplimentari. Jekk l-oġġezzjoni tinżamm, il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] jista’ jżid, fl-aġenda ta’ waħda mil-laqgħa ta’ kull ġimgħa tiegħu, punt dwar il-lista tal-kandidati preselezzjonati. Id-Direttur Ġenerali tad-[Direttorat Ġenerali] responsabbli u r-relatur għandhom jissejħu sabiex jattendu sabiex jiġi diskuss ir-rapport tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

Ladarba l-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] ikun approva r-rapport u l-abbozz ta’ lista tal-kandidati magħżula mill-kumitat ta’ preselezzjoni, huwa għandu joħroġ opinjoni preliminari.

b) Informazzjoni lill-kandidati

Is-segretarjat tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jistieden lill-kandidati magħżula sabiex jagħmlu intervista mal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], kif ukoll eżamijiet f’ċentru ta’ evalwazzjoni. […]

Fl-istess ħin, is-segretarjat tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jinnotifika l-opinjoni mogħtija mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] lill-kandidat/i mistieden/mistiedna għall-intervista/i mal-kumitat ta’ preselezzjoni iżda li ma ntgħażilx/ntgħażlux mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] sabiex jagħmlu intervista.

8.2.2 Ċentru ta’ evalwazzjoni

Il-kandidati magħżula sabiex jagħmlu intervista mal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandhom jissejħu sabiex jagħmlu eżamijiet ta’ evalwazzjoni ma’ konsulent estern fil-qasam tar-reklutaġġ [...]

8.2.3 [It-tieni] stadju tal-proċedura tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet]: opinjoni finali

Il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jeżamina waqt intervista lill-kandidati inklużi fil-lista stabbilita minnu fil-kuntest tal-opinjoni preliminari tiegħu.

Wara dawn l-intervisti, il-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] għandu jagħti l-opinjoni finali tiegħu fil-forma ta’ abbozz ta’ lista ta’ kandidati li l-profil tagħhom jidhirlu li huwa l-iktar adegwat għall-pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija u li għandha tinkludi, sa fejn ikun possibbli, l-isem ta’ diversi kandidati. L-opinjoni tal-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], iffirmata mill-president tiegħu, għandha tiġi trażmessa lill-uffiċċji tal-[Membru tal-Kummissjoni] responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni u tal-[Membru tal-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali] responsabbli bħala dokument li fuq il-bażi tiegħu għandhom imexxu l-intervisti tagħhom.

[…]

8.3 Intervista mill-[Membru/i tal-Kummissjoni]

Il-[Membru/i tal-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali] responsabbli għandu/għandhom jintervista/jintervistaw lill-kandidati magħżula mill-[kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet] fl-opinjoni finali tiegħu.

Jekk ikun jixtieq, il-[Membru tal-Kummissjoni] responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni jista’ jintervista lill-kandidati magħżula jew lill kull kandidat ieħor li huwa jqis li jista’ jintgħażel. Għal dan il-għan, huwa għandu jibbaża ruħu fuq il-kriterji ta’ selezzjoni ppubblikati u fuq il-prinċipji aċċettati b’mod ġenerali li jirregolaw il-ħatriet tal-uffiċjali f’pożizzjonijiet amministrattivi għolja fi ħdan il-Kummissjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 10 tal-Linji gwida, intitolat “Adozzjoni tas-short-list tal-kandidati u ħatra mill-Awtorità tal-Ħatra”, huwa fformulat kif ġej:

“10.1 Adozzjoni tal-proposta

Meta l-kandidati jkunu ġew intervistati mill-[Membru/i tal-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali] responsabbli, dan/dawn tal-aħħar għandu jitlob/għandhom jitolbu lill-uffiċċju [tal-Membru tal-Kummissjoni] responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni sabiex jippreżenta lill-Kummissjoni l-lista tal-kandidati magħżula.

Il-Kummissjoni għandha tadotta lista ta’ kandidati fil-kuntest tal-kwistjonijiet amministrattivi u baġitarji diversi [...] li għandha tiġi trażmessa lill-Awtorità tal-Ħatra mill-[Membru tal-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali] responsabbli […].

[…]

10.3 Intervista tal-kandidati mal-Awtorità tal-Ħatra

L-Awtorità tal-Ħatra – li fil-parti l-kbira tal-aġenziji hija l-Bord Amministrattiv [...] – għandha tintervista lill-kandidati li jinsabu fil-lista tal-kandidati magħżula.

[…]

10.4 Intervista quddiem il-Parlament

Meta dan ikun previst mir-regolament bażiku, il-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv jista’ jiġi mistieden sabiex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat/i kompetenti tal-Parlament [...] u sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu/tagħhom.

Attwalment, id-diretturi tas-seba’ aġenziji segwenti għandhom jiġu intervistati mill-Parlament qabel il-ħatra tagħhom: [...] [EMA] [...].

10.5 Ħatra tal-kandidati mill-Awtorità tal-Ħatra

Wara dawn l-intervisti u wara l-eventwali intervista quddiem il-kumitat/i kompetenti tal-Parlament [...], l-Awtorità tal-Ħatra għandha taħtar lill-kandidat magħżul minnha għall-pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (grad AD 15) COM/2010/10286 (ĠU C 296 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż”) jipprovdi:

“[…]

X’qegħdin nipproponu

Id-Direttur [eżekuttiv] hu r-rappreżentant legali u l-immaġini pubblika tal-[EMA] u għandu jwieġeb lill-Bord [Amministrattiv].

[…]

Għażla u ħatra

Se jiġi stabbilit kumitat ta’ preselezzjoni. Dan il-[kumitat] se jistieden lil dawk il-kandidati li għandhom l-aħjar profil għal dan il-post speċifiku għal intervista, u li jintgħażlu fuq il-bażi tal-merti tagħhom relevanti għall-pożizzjoni skont il-kriterji stipulati hawn fuq. Il-kandidati li jintgħażlu mill-kumitat tal-preselezzjoni ser jissejħu biex jattendu intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni [...] u se jkollhom jipparteċipaw f’evalwazzjoni f’ċentru ta’ evalwazzjoni immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Il-kandidati, li jkunu ntgħażlu b’mod preliminari [mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet], imbagħad jiġu intervistati mill-[Membri tal-Kummissjoni] rilevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni tadotta lista qasira tal-kandidati l-aktar xierqa, li tiġi kkomunikata lill-Bord [Amministrattiv] tal-[EMA]. D[a]n tal-aħħar se [j]innomina d-Direttur minn fost dawk il-kandidati li jkunu ntgħażlu. L-inkluzjoni fil-lista qasira mhix garanzija tal-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jintalbu biex jagħmlu aktar intervisti u/jew eżamijiet addizzjonali ma’ dawk indikati hawn fuq.

Qabel il-ħatra, l-applikant innominat ikun mistieden biex jagħmel prospett quddiem il-Parlament [...] u li jwieġeb mistoqsijiet magħmula mill-membri ta’ dik l-istituzzjoni.

[…] 

Informazzjoni importanti għall-kandidati

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti li jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew li jagħmlu dan permezz ta’ ħaddieħor.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Ir-rikorrent kien membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA minn Jannar 2007 sa April 2009 bħala rappreżentant tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu.

13      Fl-10 ta’ Diċembru 2009, is-Sur A, membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, ġie nnominat minn dan tal-aħħar sabiex jirrappreżentah bħala osservatur fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni, skont il-punt 7.1 tal-Linji gwida. Fuq il-bażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit minn tliet uffiċjali f’pożizzjoni amministrattiva għolja fil-Kummissjoni li għandu jkollhom minn tal-inqas l-istess grad u l-istess livell ta’ funzjonijiet bħal dawk tad-direttur tal-EMA.

14      Fil-15 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv (grad AD 14) tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (ĠU C 9 A, p. 1). Il-pożizzjoni proposta kienet pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 14 u t-terminu sabiex jiġi ppreżentat l-att ta’ kandidatura kien iffissat għas-17 ta’ Frar 2010. Ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu fis-16 ta’ Frar 2010.

15      Fil-31 ta’ Marzu 2010, il-kumitat ta’ preselezzjoni eżamina l-kandidaturi li kienu ġew ippreżentati, skont il-punt 7.2.1 tal-Linji gwida. F’dan il-kuntest, l-imsemmi kumitat qies li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma kienx ingħata pubbliċità suffiċjenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tippubblika l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

16      Permezz ta’ ittra elettronika tal-14 ta’ Ġunju 2010 mill-assistent kap tal-Unità tar-riżorsi umani tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tas-saħħa u tal-konsumaturi tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Saħħa”), ir-rikorrent ġie informat li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet ser terġa’ tinfetaħ sabiex tkun tista’ tingħata iktar pubbliċità u li avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kellu jiġi ppubblikat madwar il-25 ta’ Ġunju 2010, u kellu jiffissa terminu ġdid ta’ erba’ ġimgħat sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat att ta’ kandidatura. Din l-istess ittra elettronika kienet tippreċiża li r-rikorrent ma kellux bżonn jippreżenta att ta’ kandidatura ġdid peress li l-kandidatura tiegħu kienet għadha valida.

17      Fit-12 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent bagħat lill-assistent kap tal-Unità tar-riżorsi umani tad-DĠ “Saħħa” ittra elettronika sabiex jistaqsi x’kien sar fir-rigward tal-kandidatura tiegħu. L-għada dan tal-aħħar indikalu li kien ser jinżamm informat dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura.

18      Fis-7 ta’ Ottubru 2010, iltaqa’ l-Bord Amministrattiv tal-EMA. Matul din il-laqgħa, li fiha pparteċipaw fost l-oħra is-Sur B u s-Sur C, fil-kwalità tagħhom, rispettivament, ta’ president u membru tal-Bord Amministrattiv u ta’ membru tal-Bord Amministrattiv, ġiet adottata d-deċiżjoni li tinbeda proċedura għas-selezzjoni tad-direttur eżekuttiv tal-EMA, deċiżjoni li kienet tistabbilixxi fid-dettall id-diversi stadji ta’ din il-proċedura u li kienet tindika li kellha tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-EMA.

19      Fit-30 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż. Il-kandidati kellhom jissodisfaw l-istess kriterji ta’ selezzjoni u ta’ eliġibbiltà bħal dawk previsti fl-avviż preċedenti ta’ pożizzjoni vakanti, ħlief għal kriterju ta’ selezzjoni wieħed. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti kienet jipprovdi li l-kandidati kellu jkollhom “esperjenza bil-provi fil-ġestjoni tal-persunal f’livell għoli f’ambjent multikulturali”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż kien jeżiġi “esperjenza ppruvata fil-ġestjoni ta’ gruppi kbar ta’ persunal, f’livell għoli [filwaqt li l-]esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali se tkun ikkunsidrata bħala vantaġġ”.

20      Permezz ta’ ittra elettronika mill-assistent kap tal-Unità tar-riżorsi umani tad-DĠ “Saħħa”, tat-3 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent kien informat bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż. F’din l-ittra, l-imsemmi assistent kap issuġġerixxa lir-rikorrent li jerġa’ jibgħat id-dokumenti ta’ sostenn li kien bagħat flimkien mal-att ta’ kandidatura tiegħu wara l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti sabiex jaġġorna l-informazzjoni professjonali tiegħu, kif ir-rikorrent fil-fatt għamel permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2010, li waslet għand il-Kummissjoni l-għada.

21      Fl-1 ta’ Novembru 2010, is-Sur B ippreżenta l-att ta’ kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv. Is-Sur C għamel l-istess fit-23 ta’ Novembru 2010.

22      F’dan il-każ, il-kumitat ta’ preselezzjoni kien ikkostitwit minn president u minn tliet membri oħra. Il-funzjonijiet ta’ president tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu f’idejn id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Saħħa”, li, bħala d-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-EMA, kien inkarigat sabiex jissorvelja l-attivitajiet tagħha. Fir-rigward tat-tliet membri l-oħra, tnejn kienu uffiċjali tad-DĠ “Saħħa” u l-ieħor kien uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-president tal-kumitat ta’ preselezzjoni, f’dan il-każ is-Sinjura D, u wieħed miż-żewġ uffiċjali tad-DĠ “Saħħa” kienu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA bħala rappreżentanti tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 726/2004.

23      Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-kumitat ta’ preselezzjoni eżamina t-62 kandidaturi ppreżentati fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA. Wara dan l-eżami, il-kumitat ta’ preselezzjoni ddeċieda li jistieden lil disa’ kandidati, fosthom lir-rikorrent, għal intervista. Madankollu, wieħed minn dawn id-disa’ kandidati ġie eliminat mill-kumitat ta’ preselezzjoni qabel ma saritlu l-intervista.

24      Fit-8 ta’ Frar 2011, ir-rikorrent, kif ukoll is-seba’ kandidati l-oħra magħżula, saritilhom intervista mal-kumitat ta’ preselezzjoni. F’din l-okkażjoni, il-kumitat uża t-tabella ta’ evalwazzjoni li kien ipprepara.

25      Wara dawn l-intervisti, it-tmien kandidati ngħataw marki fuq 100 u ġew ikklassifikati f’ordni axxendenti tal-marki mogħtija. Ir-rikorrent kiseb l-iktar marka baxxa, jiġifieri 61 punti minn 100. Is-seba’ kandidati l-oħra kisbu bejn 69 u 85 punti minn 100.

26      Fis-7 ta’ Marzu 2011, il-kumitat ta’ preselezzjoni stabbilixxa r-rapport tiegħu, li kien jipprovdi informazzjoni fuq kull kandidat intervistat, u ddeċieda li jirrakkomanda l-kandidaturi tal-erba’ kandidati li kisbu l-aħjar riżultati (minn 75 sa 85 punti minn 100), li fosthom kienu jinsabu s-Sur B u s-Sur C.

27      Wara li rċieva r-rapport tal-kumitat ta’ preselezzjoni, il-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“KKĦ”) eżamina, min-naħa tiegħu, l-inkartamenti tat-62 kandidaturi li kienu ġew ippreżentati għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA. Fi tmiem dan l-eżami, il-KKĦ ħareġ, fl-14 ta’ Marzu 2011, l-opinjoni preliminari prevista fil-punt 8.2.1 tal-Linji gwida. Skont l-opinjoni preliminari tal-KKĦ, l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni biss kellhom jiġu mistiedna għall-intervisti fiċ-ċentri ta’ evalwazzjoni kif ukoll għal intervista mal-KKĦ. Permezz ta’ ittra tal-istess data, is-segretarju li kien qiegħed jaġixxi bħala l-KKĦ informa lir-rikorrent li l-KKĦ kien iddeċieda li jimxi mal-opinjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni, fis-sens li kandidati oħra kien irnexxielhom jissodifaw aħjar il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż, u, għaldaqstant, li ma jistidnux għal intervista.

28      Wara li ppreżentaw ruħhom għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni ġew mistiedna għal intervista mal-KKĦ, li saret fis-7 ta’ April 2011. Fl-istess jum, il-KKĦ ħareġ opinjoni fis-sens li fil-fehma tiegħu l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni kienu effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA.

29      Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju responsabbli”) kellu intervista mal-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mill-KKĦ. Sussegwentement, id-DĠ “Riżorsi umani u sigurtà” ppropona lill-Membri tal-Kummissjoni, bil-kunsens tal-president tal-Kummissjoni u tal-Kummissarju responsabbli, li jirrakkomandaw dawn l-erba’ kandidati lill-Bord Amministrattiv tal-EMA.

30      Fl-20 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħadet formalment id-deċiżjoni li tipproponi lill-Bord Amministrattiv tal-EMA lista kkostitwita mill-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mill-KKĦ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011”).

31      Fil-5 ta’ Mejju 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA żamm laqgħa straordinarja bil-għan li jintgħażel id-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA. Matul din il-laqgħa, il-proċedura ta’ selezzjoni tad-direttur eżekuttiv, li kienet ġiet adottata fis-7 ta’ Ottubru 2010, ġiet emendata u l-erba’ kandidati proposti mill-Kummissjoni ġew intervistati. Peress li ma setax jintlaħaq ftehim dwar isem wieħed, ġie deċiż li l-Bord Amministrattiv tal-EMA kellu jiltaqa’ mill-ġdid fix-xahar li jmiss sabiex ikun jista’ jintgħażel kandidat minn fost l-erba’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

32      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011, irreġistrata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent ippreżenta lment “kontra l-mod kif il-kompetizzjoni [kienet] żvolġiet [quddiem il-Kummissjoni]”.

33      Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA għażel lis-Sur C sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA.

34      Fit-13 ta’ Lulju 2011, is-Sur C ġie intervistat mill-kumitat għall-ambjent, għas-saħħa pubblika u għas-sigurtà tal-ikel tal-Parlament.

35      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2011, il-president tal-Parlament informa lill-EMA li, wara l-intervista li s-Sur C kellu mal-kumitat imsemmi iktar ’il fuq, il-Parlament kien qiegħed jaċċetta l-ħatra tas-Sur C bħala d-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 ġie miċħud l-ilment tar-rikorrent imressaq permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011.

37      Permezz ta’ deċiżjoni adottata wkoll fis-6 ta’ Ottubru 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA ħatar lis-Sur C bħala direttur eżekuttiv (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011”).

38      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2012, mibgħuta l-istess jum permezz ta’ faks u permezz ta’ ittra postali, ir-rikorrent ippreżenta lment quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA kontra d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011.

39      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent talab, bħala miżura provviżorja, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011. Din it-talba għal miżura provviżorja ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Marzu 2012, Hristov vs Il-Kummissjoni u L-EMA (F‑2/12 R, EU:F:2012:35).

40      L-ilment tas-6 ta’ Jannar 2012 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA tas-16 ta’ Mejju 2012.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

41      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob essenzjalment li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni, li ġie informat biha permezz ta’ ittra postali tal-14 ta’ Marzu 2011, tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tistabbilixxi lista’ ta’ erba’ kandidati, li ma kienx inkluż fosthom;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-KKĦ tal-14 ta’ Marzu 2011 li jissejħu għal intervista l-erba’ kandidati biss li kienu inklużi fil-lista tal-kumitat ta’ preselezzjoni;

–        jannulla d-“deċiżjoni [tal-KKĦ] tal-14 ta’ Marzu 2011” li jiġu aċċettati r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011,

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011;

–        jordna kumpens ġust għad-dannu morali mġarrab;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni u lill-EMA għall-ispejjeż sostnuti matul il-proċedimenti amministrattivi u matul il-proċedura kontenzjuża;

–        jorganizza “kompetizzjoni” ġdida b’osservanza tal-proċeduri legali.

42      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

43      Fir-risposta tagħha, l-EMA titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        jew, inkella, jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

44      Sar it-tieni skambju ta’ noti li kien limitat għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u mill-EMA. Fil-kontroreplika tagħha, l-EMA irtirat l-ewwel talba tagħha fis-sens li r-rikors jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli.

45      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tat-23 ta’ Lulju 2013, il-partijiet ġew mistiedna sabiex iwieġbu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet onoraw din l-istedina fit-terminu mogħti.

46      Fit-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent indika li, permezz tat-tielet talba għal annullament tiegħu, huwa kien qiegħed jitlob fil-verità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-KKĦ li jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni li kienet adottata fis-7 ta’ April 2011, u mhux fl-14 ta’ Marzu 2011 kif indikat b’mod żbaljat fir-rikors.

47      Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pprovdiet diversi dokumenti, redatti f’lingwi differenti minn dik tal-kawża, li sa dak il-mument kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrent. Peress li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jkollu konoxxenza ta’ parti minn dawn id-dokumenti qabel is-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq it-talba mressqa mir-rikorrent matul is-seduta, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi, sa mhux iktar tard mit-18 ta’ Novembru 2013, traduzzjonijiet bil-Bulgaru jew, jekk ikun il-każ, bl-Ingliż ta’ ċerti dokumenti li hija kienet inkludiet man-nota tagħha bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’mod partikolari ta’ ċerti siltiet tal-Linji gwida.

48      Matul is-seduta, ir-rikorrent ipproduċa wkoll provi komplementari, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jinkludi fil-proċess. Fit-tmiem tas-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li ma jagħlaqx il-proċedura orali.

49      Permezz ta’ nota tat-18 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni onorat l-istedina tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tipproduċi ċerti traduzzjonijiet.

50      Permezz ta’ nota tas-16 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar in-nota tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2013.

51      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni u l-EMA ġew mistiedna sabiex jirreplikaw għan-nota tar-rikorrent tas-16 ta’ Diċembru 2013, kif il-Kummissjoni għamlet permezz ta’ nota tat-13 ta’ Frar 2014.

52      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq il-proċedura orali fil-5 ta’ Marzu 2014.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għall-għoti ta’ ordni

53      Fir-rigward tad-disa’ talba, intiża li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna li tiġi organizzata proċedura ġdida għar-reklutaġġ tad-direttur eżekuttiv tal-EMA, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jagħmel ordnijiet lil istituzzjoni tal-Unjoni, minbarra l-obbligu ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE, li l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat, għandha tieħu l-miżuri neċessarji li timplika l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddikjara l-annullament (sentenza Pleijte vs Il-Kummissjoni, F‑91/08, EU:F:2010:13, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Peress li t-talba tar-rikorrent imsemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi talba għall-għoti ta’ ordni, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

2.     Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

55      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel tliet talbiet huma inammissibbli sa fejn it-tliet deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti interni preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u għalhekk ma humiex atti li jikkawżaw preġudizzju li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors. Fir-rigward tal-ħames talba, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni msemmija ma hijiex att awtonomu li jista’ jiġi kkontestat. Fir-rigward tas-sitt talba, indirizzata kontra d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011, din it-talba hija inammissibbli sa fejn hija indirizzata kontra l-Kummissjoni, meta fil-fatt din id-deċiżjoni kienet adottata mill-EMA u mhux mill-Kummissjoni.

56      Ir-rikorrent jirribatti li, skont l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż, il-Kummissjoni hija meħtieġa tosserva r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-KKĦ. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet adottati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mill-KKĦ li qiegħed jitlob l-annullament tagħhom fl-ewwel tliet talbiet huma vinkolanti għall-Kummissjoni u ma humiex atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Ir-rikorrent iżid li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni setgħet ma ssegwix id-deċiżjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-KKĦ fil-każ li tikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni u fil-każ li tkun stabbilixxiet opinjoni motivata f’dan is-sens, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, minkejja l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx tali opinjoni motivata. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, għandu jitqies li l-ewwel tliet talbiet għal annullament huma ammissibbli.

57      Fir-rigward tal-ħames talba tiegħu, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent isostni li din id-deċiżjoni tinkludi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li ma jinkludihx fil-lista tal-kandidati preselezzjonati. Skontu, din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi wkoll fatti li huwa ma kienx jaf bihom qabel ma rċieva l-ittra tal-14 ta’ Marzu 2011 mis-segretarju li kienet qiegħed jaġixxi bħala l-KKĦ u għalhekk tikkompleta d-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2011 tal-KKĦ li jsegwi l-opinjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni u li japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-imsemmi kumitat. Barra minn hekk, huwa jqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment għandha natura awtonoma u għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ta’ legalità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa meħtieġ iwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

58      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel tliet talbiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari wara li tintemm proċedura interna, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss il-miżuri li jiffissaw b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fir-rigward tar-rikorrent, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom ikun li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali. Dawn tal-aħħar, għalkemm jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-kontenut tal-att li jiffissa b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti u għandhom jiġu kkontestati insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra dan l-att (ara s-sentenzi N vs Il-Parlament, F‑71/08, EU:F:2009:150, punt 28, u Pleijte vs Il-Kummissjoni, EU:F:2010:13, punt 27; digriet Possanzini vs Frontex, F‑61/11, EU:F:2012:146, punti 42 u 43).

59      Fil-kawża ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 726/2004 jipprovdi li d-direttur eżekuttiv tal-EMA għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv tal-EMA fuq il-bażi ta’ lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, skont il-Linji gwida, il-proċedura ta’ selezzjoni tad-direttur eżekuttiv tal-EMA għandha titwettaq f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tiżvolġi fi ħdan il-Kummissjoni u hija maqsuma f’diversi stadji. L-ewwel nett, jitwaqqaf kumitat ta’ preselezzjoni sabiex jiġi stabbilit abbozz ta’ lista ta’ kandidati meqjusa bħala l-iktar ikkwalifikati. It-tieni nett, dan l-abbozz ta’ lista jintbagħat lill-KKĦ għall-opinjoni tiegħu. Il-KKĦ jagħti opinjoni preliminari dwar il-kandidati preselezzjonati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mbagħad jistabbilixxi huwa stess lista ta’ kandidati li tista’ tkun differenti minn dik ippreparata mill-kumitat ta’ preselezzjoni. Wara li l-kandidati magħżula mill-KKĦ jgħaddu test ta’ evalwazzjoni minn konsulent estern fil-qasam tar-reklutaġġ, dawn jiġu intervistati mill-KKĦ. Wara dawn l-intervisti, il-KKĦ jagħti l-opinjoni finali tiegħu bil-lista tal-kandidati li fil-fehma tiegħu jkunu l-iktar adegwati. Din l-opinjoni finali sservi bħala dokument ta’ bażi għall-Kummissarju responsabbli u, jekk ikun il-każ, għall-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni meta jwettqu l-intervisti tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissarju responsabbli u, jekk ikun il-każ, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni jintervistaw lill-kandidati magħżula mill-KKĦ fl-opinjoni finali tiegħu jew, fil-każ tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni, kull kandidat ieħor li huwa jqis bħala li jista’ jintgħażel. Wara dan, il-Kummissarju responsabbli jittrażmetti lill-Kummissjoni l-lista tal-kandidati magħżula u mbagħad hija l-Kummissjoni li għandha tadotta lista ta’ kandidati rrakkomandati minnha, liema lista tintbagħat mill-Kummissarju responsabbli lill-Awtorità tal-Ħatra, f’dan il-każ il-Bord Amministrattiv tal-EMA.

60      It-tieni fażi tiżvolġi essenzjalment quddiem il-Bord Amministrattiv tal-EMA. Wara li jintervista lill-kandidati li jkunu jinsabu fil-lista trażmessa mill-Kummissjoni, il-Bord Amministrattiv tal-EMA jagħżel wieħed minn dawn il-kandidati. Sussegwentement, il-kandidat magħżul ikun mistieden sabiex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament. Wara li l-Parlament jindika l-approvazzjoni tiegħu tal-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv tal-EMA, dan tal-aħħar jaħtar lil dan il-kandidat bħala direttur eżekuttiv.

61      Għalhekk, mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 726/2004, żviluppat mil-Linji gwida, jirriżulta li l-Bord Amministrattiv tal-EMA jista’ jagħżel lid-direttur eżekuttiv biss minn fost il-kandidati proposti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, kienet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, dwar l-adozzjoni ta’ lista ta’ erba’ kandidati li kellhom jiġu rrakkomandati lill-Bord Amministrattiv tal-EMA, li ffissat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u stabbilixxiet il-limiti tal-libertà ta’ għażla tal-Bord Amministrattiv tal-EMA sa fejn eskludiet b’mod definittiv lir-rikorrent mill-parteċipazzjoni fl-istadji ulterjuri tal-proċedura ta’ selezzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent (ara, b’analoġija, is-sentenza Pleijte vs Il-Kummissjoni, EU:F:2010:13, punt 28).

62      Issa, mil-Linji gwida jirriżulta wkoll li l-KKĦ ma huwiex marbut mil-lista tal-kandidati preselezzjonati mill-kumitat ta’ preselezzjoni sabiex jistabbilixxi l-lista tiegħu stess ta’ kandidati li jintervista u li l-KKĦ jista’ ma jintervistax kandidat preselezzjonat jew, għall-kuntrarju, jintervista kandidat li ma jkunx inkluż fil-lista ppreparata mill-kumitat ta’ preselezzjoni. Bl-istess mod, dejjem skont il-Linji gwida, il-Membri tal-Kummissjoni responsabbli sabiex jistabbilixxu lista ta’ kandidati sabiex tiġi proposta lill-Kummissjoni ma humiex marbuta mil-lista tal-kandidati magħżula mill-KKĦ peress li l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-amministrazzjoni jista’ jintervista kull kandidat ieħor li huwa jqis li jista’ jintgħażel.

63      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tadotta lista ta’ erba’ kandidati li kellhom jiġu rrakkomandati, id-deċiżjoni tal-KKĦ tal-14 ta’ Marzu 2011 li jissejħu għal intervista l-erba’ kandidati biss li kienu rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal-KKĦ tas-7 ta’ April 2011 li jiġu kkonfermati r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni b’ebda mod ma ffissaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u kienu jikkostitwixxu atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-ewwel tliet talbiet, intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

64      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ħames talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011, skont ġurisprudenza stabbilita l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari meħtieġa qabel ma t-tilwima titressaq quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment, ħlief fil-każ li ċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih kien ġie ppreżentat dan l-ilment. Ġie deċiż, diversi drabi, li jista’ jkun li deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment ma jkollhiex, fir-rigward tal-kontenut tagħha, natura konfermattiva tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta din temenda jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħu din iċ-ċaħda inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, u li tista’ saħansitra tqisu bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post l-att ikkontestat (sentenzi Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32, u Arguelles Arias vs Il-Kunsill, F‑122/12, EU:F:2013:185, punt 38).

65      Peress li, fis-sistema stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), il-persuna kkonċernata għandha tippreżenta lment kontra d-deċiżjoni li tkun qiegħda tikkontesta u għandha tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li r-rikors ikun ammissibbli, kemm jekk jiġi ppreżentat biss kontra d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment, kemm jekk jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u kemm jekk jiġi ppreżentat kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors ikunu ġew ippreżentati fit-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, inkonformità mal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tagħti deċiżjoni speċifikament dwar it-talba indirizzata kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta tikkonstata li din ma għandhiex kontenut awtonomu u li fil-verità tikkoinċidi mat-talba indirizzata kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun ġie ppreżentat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8). B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta l-qorti tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li hija impliċita, hija sempliċi konferma tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-ilment u li, għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma ser ikollu, fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, ebda effett distint minn dak li jirriżulta mill-annullament tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-ilment (sentenzi Adjemian et vs Il-Kummissjoni, EU:T:2011:506, punt 33, u Arguelles Arias vs Il-Kunsill, EU:F:2013:185, punt 39).

66      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrent ma jidentifikax, fl-ilment tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2011, l-atti li qiegħed jikkontesta. Issa, mill-proċess jirriżulta li, sussegwentement għall-ittra tal-14 ta’ Marzu 2011 tas-segretarju li kien qiegħed jaġixxi bħala l-KKĦ li tinformah b’mod partikolari li ma kienx ser jissejjaħ għal intervista, ir-rikorrent ma rċeviex kopja tad-deċiżjoni tal-KKĦ tas-7 ta’ April 2011 li permezz tagħha l-KKĦ ikkonferma l-abbozz ta’ lista tal-erba’ kandidati proposti mill-kumitat ta’ selezzjoni u lanqas ma rċieva kopja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Għaldaqstant, fis-27 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent kien jaf biss, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Marzu 2011 imsemmija iktar ’il fuq, li huwa ma kienx ġie preselezzjonat mill-kumitat ta’ preselezzjoni, li l-KKĦ ma kienx ser jistiednu għal intervista u li, skont il-KKĦ, il-kandidatura tiegħu ma kinitx irnexxiet.

67      Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu jitqies li, fl-ilment tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2011, kien qiegħed jikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha kien ġie eliminat mill-ewwel fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri minn dik li żvolġiet fi ħdan il-Kummissjoni. Peress li d-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tadotta abbozz ta’ lista ta’ erba’ kandidati preselezzjonati, id-deċiżjoni tal-KKĦ tal-14 ta’ Marzu 2011 li jissejħu għal intervista biss l-erba’ kandidati inklużi fl-abbozz ta’ lista tal-kumitat ta’ preselezzjoni u d-deċiżjoni tal-KKĦ tas-7 ta’ April 2011 li jimxi mal-opinjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni u li jikkonferma r-rakkomandazzjonijiet tiegħu huma atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 (ara l-punt 63 ta’ din is-sentenza), għandu jitqies, kif barra minn hekk tammetti l-Kummissjoni fin-nota tagħha tat-2 ta’ Settembru 2013 ippreżentata bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li, f’dan l-ilment, ir-rikorrent kien qiegħed jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011.

68      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011 tinkludi numru ta’ preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari fattwali, fir-rigward tal-atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ukoll il-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni adottat l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ippreċiżata fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punti 31 u 32).

69      Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sitt talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011, din it-talba hija fil-fatt inammissibbli sa fejn hija indirizzata kontra l-Kummissjoni peress li dan ma hijiex l-awtur ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq il-mertu

70      Għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok ir-raba’ talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u, fit-tieni lok, is-sitt talba, indirizzata kontra d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011.

 Fuq ir-raba’ talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011

71      Insostenn ta’ din it-talba għal annullament, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi formalment ippreżentati bħala bbażati rispettivament:

“[–]      fuq ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq ksur tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq abbuż proċedurali u fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ imparzjalità, ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza u ta’ tqassim tal-kompetenzi;

[–]      fuq ksur tal-Artikolu 27 [tar-Regolamenti tal-Persunal], fuq nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ selezzjoni, fuq ksur tal-qafas legali kif jirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti [kontenzjuż], fuq ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi [...], fuq ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ oġġettività fl-evalwazzjoni, ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, [...] ta’ ugwaljanza u ta’ assenza ta’ użu ħażin ta’ poter;

[–]      fuq ksur tal-prinċipji ta’ tqassim tal-kompetenzi, ta’ ugwaljanza, ta’ assenza ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ abbuż proċedurali;

[–]      fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni”.

72      Minn qari tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, taħt dan l-ewwel motiv, ir-rikorrent qiegħed jinvoka ksur tar-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ħatra tal-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni f’numru biż-żewġ; it-tieni waħda hija bbażata fuq il-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

73      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata wkoll li, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, minn naħa, żball ta’ liġi sa fejn il-kumitat ta’ preselezzjoni ma eliminax ex officio ż-żewġ kandidati li kienu membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u, min-naħa l-oħra, ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuża sa fejn il-kumitat ta’ preselezzjoni wettaq irregolaritajiet fl-iffissar tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, kemm fir-rigward tal-eżami tal-inkartamenti ta’ kandidatura u kemm fir-rigward tal-intervista mar-rikorrent.

74      Bl-istess mod, min-noti tar-rikorrent jirriżulta li, permezz tat-tielet motiv tiegħu, huwa qiegħed jikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni fis-sens li din tal-aħħar setgħet ma tapprovax l-abbozz ta’ lista ppreparat mill-kumitat ta’ preselezzjoni u setgħet titlob li din tiġi emendata. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li kellha l-libertà li ma ssegwix id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tistabbilixxi abbozz ta’ lista ta’ kandidati li kellhom jiġu rrakkomandati.

75      Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kapaċitajiet tiegħu, bil-konsegwenza li ngħatat preferenza lill-kandidati l-oħra.

76      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina l-ewwel it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

–       L-argumenti tal-partijiet

77      Ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-president tal-kumitat ta’ preselezzjoni, is-Sinjura D, kif ukoll membru ieħor tal-kumitat ta’ preselezzjoni, is-Sur E, kienu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA ħoloq, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ persuni, kunflitt ta’ interessi u kiser il-prinċipju ta’ imparzjalità li bih għandhom ikunu marbuta l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar fil-każ ineżami sa fejn żewġ membri oħra tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, jiġifieri s-Sur B u s-Sur C, kienu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom. B’hekk, billi għażlet bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, il-Kummissjoni ppermettiet, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li l-kandidaturi msemmija iktar ’il fuq tas-Sur B u tas-Sur C ikunu ffavoriti.

78      Ir-rikorrent iżid li, permezz tal-ħatra ta’ żewġ membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni, kienu l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li “eżaminaw fid-dettall” id-diversi kandidaturi u li intervistaw lill-kandidati matul il-fażi ta’ preselezzjoni, mingħajr ma kienu awtorizzati jagħmlu dan peress li din il-fażi tal-proċedura għandha tiżvolġi fi ħdan il-Kummissjoni u mhux quddiem il-Bord Amministrattiv. Billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni bl-evalwazzjoni ta’ żewġ membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter u abbuż proċedurali u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Bord Amministrattiv tal-EMA u l-kumitat ta’ preselezzjoni.

79      Il-Kummissjoni tirribatti li ma hemm ebda dispożizzjoni legali li tipprovdi li huwa pprojbit li membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA jinħatar bħala membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Skontha, lanqas ma teżisti regola li tipprojbixxi lill-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA milli jippreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA. Għaldaqstant, il-fatt li żewġ membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA inħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni u eżaminaw u ppreselezzjonaw il-kandidati, inklużi s-Sur B u s-Sur C, li huma wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, ma jikser ebda dispożizzjoni legali.

80      Il-Kummissjoni żżid li, meta jkun meħtieġ li jinħatar id-direttur eżekuttiv ta’ aġenzija f’qasam speċjalizzat ħafna, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit minn esperti fil-qasam ikkonċernat li jokkupaw funzjonijiet għolja. B’hekk, fil-każ ineżami, il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni għolja tad-DĠ “Saħħa” u ta’ Direttorat Ġenerali ieħor tal-Kummissjoni b’missjoni xjentifika, jiġifieri d-Direttorat Ġenerali tar-riċerka u tal-innovazzjoni, u kien preċiżament minħabba li kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni għolja tal-Kummissjoni u minħabba li kellhom il-kwalifiki u l-esperjenza neċessarji li ċerti membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu jagħmlu parti wkoll mill-Bord Amministrattiv tal-EMA. L-esperti li jistgħu jinħatru membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ nies u għalhekk ma huwiex sorprendenti li kienu jafu, minħabba r-reputazzjoni jew personalment, xi kandidat jew ieħor. Fil-każ ineżami, il-ħatra tas-Sinjura D u tas-Sur E, rispettivament direttur ġenerali u uffiċjal tad-DĠ “Saħħa”, li kienu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u li huma esperti f’dan il-qasam, bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienet għalhekk oġġettivament iġġustifikata, jekk mhux ukoll neċessarja. Issa, skont il-Kummissjoni, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità jew li kien hemm kunflitt ta’ interessi jew xi irregolarità oħra. Tali allegazzjoni tista’ titressaq biss fuq il-bażi ta’ provi preċiżi tal-eżistenza ta’ tali irregolarità u tal-impatt tagħha fuq il-proċedura ta’ selezzjoni, provi li r-rikorrent ma pproduċiex.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

81      Fil-qasam ta’ kompetizzjonijiet, ġie deċiż li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet orali li għalihom ikunu suġġetti l-kandidati għandha tiġi kkumpensata permezz ta’ osservanza skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet (sentenzi Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punt 24, u Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, EU:T:2005:115, punt 38).

82      Skont ġurisprudenza stabbilita, Bord tal-Għażla huwa meħtieġ jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kandidati eżaminati kollha, matul l-eżamijiet orali, isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività (sentenza Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T‑290/03, EU:T:2005:316, punt 90).

83      Għalkemm huwa minnu li, f’dan il-każ, il-kumitat ta’ preselezzjoni ma huwiex Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u li l-opinjoni tiegħu la hija vinkolanti għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata f’din il-kawża peress li l-kumitat ta’ preselezzjoni kellu l-għan, bħalma jagħmel Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, li jagħżel l-aħjar kandidati minn fost dawk li ppreżentaw il-kandidatura tagħhom wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż u kellu marġni ta’ manuvra wiesa’ fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni (ara, fir-rigward ta’ bord ta’ selezzjoni għal reklutaġġ intern, is-sentenza CG vs BEI, F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 60).

84      Għaldaqstant, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kellha tiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni li kellu jiżvolġi quddiem il-kumitat ta’ preselezzjoni. Dan kien jeħtieġ li l-membri kollha tal-kumitat ta’ preselezzjoni, innominati mill-Kummissjoni, ikollhom l-indipendenza neċessarja sabiex ma jkunx jista’ jkun hemm dubju dwar l-oġġettività tagħhom (ara s-sentenza CG vs BEI, EU:F:2014:187, punt 61).

85      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, huwa stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, u li fl-Artikolu 41 tagħha, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, tipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni.

86      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jivverifika jekk il-kumitat ta’ preselezzjoni kienx ikkostitwit u ffunzjonax b’mod regolari, b’osservanza b’mod partikolari tad-dmir ta’ imparzjalità tiegħu, liema dmir jikkostitwixxi waħda mir-regoli li għalihom hija suġġetta l-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, u, b’analoġija, il-ħidma tal-kumitati ta’ preselezzjoni, u li huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, fir-rigward tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, id-digriet Meierhofer vs Il-Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 62).

87      Fil-każ ineżami, minn naħa, mill-punt 7.2 tal-Linji gwida jirriżulta li l-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jibda l-proċedura ta’ selezzjoni billi jeżamina, bl-għajnuna ta’ check-list, jekk il-kandidati jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà u mbagħad, fuq il-bażi tal-kriterji ta’ selezzjoni inklużi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandu jistabbilixxi tabella ta’ evalwazzjoni li tippermettilu jqabbel il-profil tal-kandidati mal-profil mixtieq u mal-kompetenzi speċifiċi mitluba fl-imsemmi avviż. Fi tmiem din l-evalwazzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jadotta lista inizjali ta’ kandidati preselezzjonati li fil-fehma tiegħu jikkorrispondu l-iktar mal-profil mixtieq u għandu jsejħilhom għal intervista. Wara l-intervisti, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jittrażmetti lill-KKĦ rapport komplet li jinkludi l-informazzjoni dwar kull intervista, evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidati kollha, kemm jekk ikunu ġew intervistati u kemm jekk le, kif ukoll abbozz ta’ lista tal-kandidati meqjusa li huma l-iktar ikkwalifikati. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 726/2004 u mill-punt 10.3 tal-Linji gwida jirriżulta li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa meħtieġ, min-naħa tiegħu, li jagħżel id-direttur eżekuttiv minn fost il-kandidati proposti mill-Kummissjoni.

88      Għaldaqstant, il-kumitat ta’ preselezzjoni huwa kompetenti sabiex jirrakkomanda diversi kandidati lill-KKĦ, filwaqt li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-EMA. Dan ifisser li l-kwistjoni li tqum hija dik ta’ jekk is-Sinjura D u s-Sur E, li kienu kemm membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni, l-entità li tagħmel il-proposta, u kif ukoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, l-entità li tieħu d-deċiżjoni, osservawx id-dmir ta’ imparzjalità tagħhom fid-dawl tal-kompetenzi ferm distinti tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-Bord Amministrattiv tal-EMA.

89      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, għalkemm huwa minnu li l-abbozz ta’ lista tal-kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni ma huwiex vinkolanti la għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-abbozz ta’ lista kif ukoll l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidati kollha li l-kumitat ta’ preselezzjoni jinkludi fir-rapport tiegħu għandhom importanza reali għas-segwitu tal-proċedura ta’ preselezzjoni sa fejn, minn naħa, il-KKĦ huwa obbligat joħodhom inkunsiderazzjoni u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissarju responsabbli jintervista, skont il-punt 8.3 tal-Linji gwida, biss lill-kandidati li jkunu ntgħażlu mill-KKĦ fl-opinjoni finali tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi nnegat li l-kumitat ta’ preselezzjoni jeżerċita influwenza determinanti fuq il-lista finali tal-kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-EMA.

90      Bl-istess mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, minn naħa, li l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni li jkunu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA ser ikunu jistgħu jivvotaw, matul il-laqgħa tal-Bord Amministrattiv, personalment jew permezz tas-sostitut tagħhom, favur il-ħatra ta’ wieħed mill-kandidati magħżula mill-Kummissjoni. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva, min-naħa l-oħra, li l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA jista’ jkollhom rwol partikolarment importanti matul id-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv, irrispettivament minn jekk jeżerċitawx jew le id-dritt ta’ vot tagħhom, u li fi kwalunkwe każ dawn jinsabu f’kuntatt dirett mal-membri l-oħra tal-Bord Amministrattiv.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni flimkien mal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza u l-oġġettività tal-persuni kkonċernati minn dan il-kumulu ta’ funzjonijiet.

92      Għaldaqstant, mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar il-kontenut tad-dibattiti li saru bejn il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni u dwar il-pożizzjonijiet meħuda mid-diversi membri ta’ dan il-kumitat, inkluż mis-Sinjura D u mis-Sur E, għandu jiġi konkluż li s-Sinjura D u s-Sur E, minħabba s-sempliċi fatt li poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni, kisru d-dmir ta’ imparzjalità tagħhom. Għaldaqstant, sa fejn kull wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkollu l-indipendenza neċessarja sabiex ma tkunx tista’ tiġi kompromessa l-oġġettività tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu, għandu jitqies li ġie miksur id-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu.

93      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.

94      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument fis-sens li l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li kienu nħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma kinux qegħdin jirrappreżentaw lill-Bord Amministrattiv tal-EMA fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni u ma kinux qegħdin jaġixxu f’ismu, peress li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa effettivament irrappreżentat fil-kumitat ta’ preselezzjoni permezz tal-osservatur, f’dan il-każ is-Sur A, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-parteċipazzjoni tas-Sur A bħala osservatur fil-ħidma tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma hijiex qiegħda tiġi kkontestata mir-rikorrent. Issa, kif ġie deċiż fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li s-Sinjura D u s-Sur E, li t-tnejn li huma huma membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, kienu poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni kkostitwixxa ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tagħhom. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li s-Sinjura D ipparteċipat fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011 li kellhom bħala s-suġġett tagħhom il-ħatra tad-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA u li hija għalhekk ipparteċipat fl-intervista tal-erba’ kandidati proposti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ukoll fid-dibattiti li wasslu għal-ħatra tas-Sur C. Dan il-fatt juri li r-rikorrent kellu raġun jiddubita dwar l-imparzjalità li biha s-Sinjura D ppresjediet il-ħidma tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

95      It-tieni nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-fatt li kienu biss żewġ membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, mit-35 membru li jikkostitwixxuh, li kienu wkoll membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma jippermettix li jiġi sostnut li l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienet ġiet issostitwita b’dik tal-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Fil-fatt, anki jekk jitqies li la s-Sinjura D u lanqas is-Sur E ma kienu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat ta’ preselezzjoni u setgħu, bħala membri ta’ dan il-kumitat, jeżerċitaw influwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-kandidati min-naħa tal-membri l-oħra tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

96      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-ħatra tas-Sinjura D u tas-Sur E bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienet oġġettivament iġġustifikata u anki neċessarja sa fejn kienu t-tnejn li huma esperti f’dan il-qasam. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet matul is-seduta, ma kienx impossibbli li jinħatru, sabiex jifformaw parti mill-kumitat ta’ preselezzjoni, esperti li ma kinux membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-Linji gwida jippermettu li jiġi evitat li membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni jkunu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Fil-fatt, il-punt 7.1 tal-Linji gwida, minn naħa, jippermettu lid-Direttorat Ġenerali responsabbli jagħżel il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni minn fost diversi uffiċjali f’pożizzjoni ta’ amministrazzjoni għolja billi jipprovdi li l-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit mid-Direttur Ġenerali jew mill-assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli, minn direttur tad-Direttorat Ġenerali responsabbli u minn direttur ta’ Direttorat Ġenerali ieħor. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandhom jinħatru “[b]ħala regola ġenerali” minn fost l-uffiċjali msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, jekk jirriżulta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li l-persuni elenkati fil-punt 7.1 tal-Linji gwida, jiġifieri d-Direttur Ġenerali, l-assistent Direttur Ġenerali u direttur tad-Direttorat Ġenerali responsabbli, ikunu diġà membri tal-Bord Amministrattiv tal-aġenzija kkonċernata, persuni oħra jistgħu jinħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni.

97      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li ebda regola ma tipprojbixxi lill-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA milli jinħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Fil-fatt, il-kumulu ta’ dawn iż-żewġ funzjonijiet fl-istess persuna jikkostitwixxi ksur, bħalma għadu kemm ikkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni u għalhekk imur kontra l-Artikolu 41 tal-Karta.

98      Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi garanzija tal-imparzjalità tal-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal huwa obbligat jastjeni milli jittratta każ li fih ikollu interess personali ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu u għalkemm huwa minnu li mill-proċess jirriżulta li s-Sur A kif ukoll membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma pparteċipawx f’intervista ma’ kandidat, xorta waħda jibqa’ fatt li s-Sinjura D u s-Sur E, minkejja l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, ma oġġezzjonawx għall-ħatra tagħhom bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni, li pparteċipaw fl-intervisti kollha mal-kandidati u li, fir-rigward tas-Sinjura D, hija ma indikatx, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Amministrattiv, l-eżistenza min-naħa tagħha ta’ interess li seta’ jkun ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħha matul il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni, għandha tiġi ddikjarata fondata.

100    Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 għandha tintlaqa’, mingħajr ma jkun meħtieġ la li tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv u lanqas li jiġu eżaminati l-motivi mqajma l-oħra.

 Fuq is-sitt talba, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011

101    Mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 726/2004, żviluppat mil-Linji gwida, jirriżulta li l-Bord Amministrattiv tal-EMA seta’ jaħtar biss, bħala direttur eżekuttiv tal-EMA, wieħed mill-kandidati preselezzjonati u inklużi fil-lista adottata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Dan kien il-każ hawnhekk, peress li d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 ħatret lis-Sur C, li kien jinsab fil-lista adottata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Sa fejn fil-punt preċedenti t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 għandha tiġi annullata, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 għandha tiġi annullata wkoll.

102    Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 għandha tintlaqa’ wkoll.

3.     Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

103    Ir-rikorrent essenzjalment iqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 ikkawżawlu dannu morali, għalkemm ma jikkwantifikahx.

104    Il-Kummissjoni u l-EMA jitolbu li t-talba għad-danni tiġi miċħuda bħala infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

105    Ġie deċiż li l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jistax jiġi rrimedjat kompletament permezz ta’ dan l-annullament (sentenza Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).

106    Sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 ġew annullati, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu għaldaqstant iwettaq tali eżami.

107    Fil-każ ineżami, ir-rikorrent b’ebda mod ma żviluppa t-talba għad-danni tiegħu. Lanqas l-eżistenza ta’ dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 u li ma jistax jiġi rrimedjat kompletament permezz tal-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma tirriżulta min-noti tar-rikorrent. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li kull dannu morali li r-rikorrent seta’ ġarrab minħabba l-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet huwa rrimedjat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tagħhom.

108    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu VIII tat-Titolu II ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

110    Mill-motivi esposti f’din is-sentenza jirriżulta li, peress li r-rikors essenzjalment intlaqa’, il-Kummissjoni u l-EMA huma l-partijiet li tilfu. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espliċitament li l-Kummissjoni u l-EMA jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-EMA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk li huma sostnew fl-istanza għal miżuri provviżorji, u għandhom jiġu kkundannati jbati f’partijiet indaqs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent, inklużi dawk li huwa sostna fl-istanza għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ April 2011, li permezz tagħha tipproponi lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet, hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tas-6 ta’ Ottubru 2011, li taħtar id-direttur eżekuttiv, hija annullata.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati jbatu, nofs kull waħda, l-ispejjeż kollha sostnuti minn E. Hristov.

Rofes i Pujol

Bradley

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Novembru 2014.

W. Hakenberg

 

       K. Bradley

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.