Language of document : ECLI:EU:C:2014:2393

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑534/13

Fipa Group Srl. et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]

“Artikolu 191(2) TFUE – Direttiva 2004/35/KE – Responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali –Prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’ – Responsabbiltà tal-proprjetarju li ma kkawżax id-dannu ambjentali”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-belt Taljana ta’ Carrara hija magħrufa għall-irħam tagħha. Madankollu, fil-passat, qrib il-belt, seħħew ukoll attivitajiet industrijali oħrajn. Dawn ħallew tniġġis sinjifikattiv, tal-inqas fil-belt ġirien ta’ Massa Carrara, li huwa għaliex hemmhekk ġiet stabbilita “żona ta’ interess nazzjonali”. Wara li l-artijiet ikkonċernati temporanjament bidlu l-proprjetarji tagħhom, il-proprjetarji attwali, li ma kkawżawx il-kontaminazzjonijiet, qegħdin jargumentaw mal-awtoritajiet Taljani dwar kemm għandhom jitqiesu responsabbli għar-riabilitazzjoni.

2.        Skont il-Kunsill tal-Istat Taljan (Consiglio di Stato), id-dritt Taljan jipprevedi biss li fuq tali proprjetarji jistgħu jiġu imposti biss spejjeż ta’ riabilitazzjoni sal-valur tal-artijiet. Madankollu, skont dan ma humiex obbligati li jieħdu ċerti miżuri huma stess għar-riabilitazzjoni jew li jbatu spejjeż ta’ riabilitazzjoni ogħla. Għalhekk, il-Kunsill tal-Istat jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 191(2) TFUE, jiġifieri l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva kif ukoll il-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, u d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (2) jitolbux responsabbiltà ogħla minn dawn il-proprjetarji.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Dritt tal-Unjoni

3.        Il-prinċipji tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huma stabbiliti fl-Artikolu 191(2) TFUE:

“Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

[…]”

4.        Kif jenfasizza l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, din tirrealizza b’mod partikolari l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ta’ responsabbilità ambjentali ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, għall-prevenzjoni u r-rimedju [riabilitazzjoni] tad-danni ambjentali.”

5.        Madankollu, il-premessa 13 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali tippreżenta l-limiti tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”:

“Mhux il-forom kollha ta’ danni ambjentali jistgħu jkunu rmedjati permezz tal-mekkaniżmu tar-responsabbilità. Sabiex dan ta’ l-aħħar jista’ jkun effettiv, hemm bżonn li jkun hemm wieħed jew iktar niġġieża identifikabbli, id-danni jriedu jkunu konkreti u kwantifikabbli, u katina ta’ kawżazzjoni għandha tkun stabbilita bejn id-danni u n-niġġies(a) identifikat(i). Ir-responsabbilità għalhekk mhiex istrument adattat fil-kuntest ta’ tinġiż mifrux, meta jkun impossibbli torbot l-effetti ambjentali negattivi ma’ azzjoni jew nuqqas ta’ ċertu atturi individwali.”

6.        L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jillimita r-responsabbiltà tal-ispejjeż tal-operaturi f’każijiet partikolari:

“(3)      L-operatur m’għandux ikun mitlub jbati l-ispejjeż tal-miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju [riabilitazzjoni] mwettqa skond din id-Direttiva meta jista’ juri li d-danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni ambjentali:

(a)      kienu kkawżati minn terza persuna u seħħew minkejja li miżuri ta’ sigurità xierqa kienu f’posthom; jew

(b)      huma r-riżultat ta’ konformità ma ordni jew istruzzjoni ta’ bilfors minn awtorità pubblika ħlief ordni jew istruzzjoni li ħarġet wara emissjoni jew każ ikkawżat mil l-attivitajiet ta’ l-operatur proprju.

F’dawn il-każijiet L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jgħinu lil l-operatur jirkupra l-ispejjeż li nefaq.”

7.        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jippermetti lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet iktar estensivi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm lil L-Istati Membri milli jżżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju [riabilitazzjoni] tad-danni ambjentali, li jinkludi l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ prevenzjoni u rimedju ta’ din id-Direttiva u l-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħra.”

8.        Fl-aħħar nett, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-premessa 24, li tirrigwarda l-infurzar tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali:

“Huwa neċessarju li mezzi effettivi ta’ l-implimentazzjoni u infurzar jkunu disponibbli, filwaqt li jkun assigurat li l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi relevanti u partijiet oħra li għandhom interess ikunu adekwatament protetti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu inkarigati minn kompiti speċifiċi li jirrikjedu diskrezzjoni amministrattiva xierqa, jiġifieri l-inkarigu biex issir stima ta’ l-importanza tad-danni u d-deċiżjoni liema miżuri ta’ rimedju [riabilitazzjoni] għandhom jittieħdu.”

B –    Dritt Taljan

9.        L-Artikolu 3b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat-3 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152”) jirreferi b’mod espliċitu għall-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 191(2) TFUE, jiġifieri l-Artikolu 174(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li probabbilment jalludi għat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea. Din id-dispożizzjoni tobbliga lil kulħadd, l-awtoritajiet pubbliċi u privati, biex jipproteġu l-ambjent permezz ta’ miżuri xierqa li huma allinjati mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, mal-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent kif ukoll mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

10.      L-Artikolu 244(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jċanfru lin-niġġies wara l-iskoperta ta’ żona kkontaminata. Skont il-paragrafu 3, din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata wkoll lill-proprjetarju taż-żona. Skont il-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni taż-żona, jekk il-persuna responsabbli għat-tniġġis ma tistax tiġi identifikata u la l-proprjetarju taż-żona u lanqas partijiet ikkonċernati oħrajn ma jaġixxu.

11.      L-Artikolu 245(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 jippermetti lill-proprjetarju u lill-partijiet ikkonċernati oħrajn biex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni u r-restawr taż-żona. Skont il-paragrafu 2, il-proprjetarju jew l-amministratur taż-żona, indipendenti mill-obbligi tal-persuna responsabbli għat-tniġġis, għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti u jieħdu ċerti miżuri preventivi meta jkunu mgħarrfa dwar ir-riskju meta jinqabżu l-valuri limiti tat-tniġġis.

12.      Skont l-Artikolu 250 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, jekk min iniġġes ma jaġixxix jew ma jkunx identifikabbli, u anki l-proprjetarju jew partijiet ikkonċernati oħrajn jibqgħu inattivi.

13.      Skont l-Artikolu 253(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, il-miżuri ta’ dan it-titolu tad-Digriet huma piżijiet reali (“oneri reali”) tal-proprjetà. Il-paragrafu 2 jistipula li l-ispejjeż ta’ tali azzjonijiet għandhom privileġġ reali speċjali (“privilegio speciale immobilare”) fuq il-proprjetà. Jekk l-ispejjeż jiġu mitluba lill-proprjetarju tal-art li ma kkawżax il-kontaminazzjoni, skont il-paragrafu 3 jrid ikun innotat b’mod partikolari, li l-persuna li niġġset ma tistax tiġi identifikata jew li l-ispejjeż ma jistgħux jiġu mitluba lilha. Skont il-paragrafu 4, dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu imposti fuq il-proprjetarju fl-għoli massimu tal-valur tal-art wara r-riabilitazzjoni.

III – Il-kwistjoni nazzjonali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

14.      Fipa Group Srl., TWS Automation Srl. u Ivan Srl. akkwistaw xi artijiet li qabel kienu proprjetà tal-grupp Montedison. Il-plottijiet jinsabu fl-hekk imsejħa żona ta’ interess nazzjonali “Massa Carrara” u huma milqutin minn tniġġis sinjifikattiv, li mingħajr ebda dubju l-ewwel tliet kumpanniji msemmijin ma kkawżawx. Għall-kuntrarju jidher li huwa l-konsegwenza ta’ kontaminazzjonijiet li kien għadu responsabbli għalihom il-grupp Montedison u li diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ riabilitazzjoni fi tmiem is-seklu li għadda.

15.      L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, skont l-informazzjoni tal-partijiet, permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Novembru 2011, inkarigaw lill-kumpanniji msemmijin bħala proprjetarji tal-artijiet ikkonċernati bl-implementazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u l-preżentazzjoni ta’ emenda għall-pjan ta’ riabilitazzjoni (tas-sena 1995). Għaldaqstant, f’din id-deċiżjoni barra minn hekk, il-kumpannija Montedison Srl. (iktar ’il quddiem Edison S.p.A.) ġiet irreferuta bħala l-kawża tat-tniġġis. Hi ġiet inkarigata bl-istess miżuri.

16.      Abbażi ta’ azzjonijiet mill-ewwel tliet kumpanniji msemmijin, il-Qorti Amministrattiva tar-reġjun ta’ Toscana rrevokat dawn il-miżuri fl-ewwel istanza. Issa, l-plenarja tal-Consiglio di Stato (iktar ’il quddiem, il-“Kunsill tal-Istat”) għandha tiddeċiedi dwar l-appell tal-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (Ministeru tal-Ambjent Taljan) kontra dawn it-tliet sentenzi.

17.      F’din il-proċedura, il-Kunsill tal-Istat jindirizza d-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, sanċiti mill-Artikolu 191(2) TFUE u mid-Direttiva 2004/35/KE, tal-21 ta’ April 2004 (Artikoli l u 8(3); premessi 13 u 24) – b’mod partikolari, il-prinċipju “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva, il-prinċipju ta’ korrezzjoni, bħala prijorità, fl-oriġini, tal-ħsara għall-ambjent – jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikoli 244, 245 u 253 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat-3 ta’ April 2006 li, fil-każ ta’ tniġġis ikkonstatat ta’ sit u ta’ impossibbiltà li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis jew ukoll ta’ impossibbiltà li jinkisbu minn din tal-aħħar il-miżuri ta’ riparazzjoni, ma tippermettix lill-awtorità amministrattiva li timponi l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ sikurezza tal-emerġenza u tar-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarju mhux responsabbli għat-tniġġis, u tipprevedi biss fil-konfront ta’ dan tal-aħħar responsabbiltà patrimonjali limitata għall-valur tas-sit wara l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni?”

18.      Matul il-proċedura bil-miktub, il-Kunsill tal-Istat Taljan informa lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kumpannija Versalis S.p.A. (iktar ’il quddiem, “Versalis”) kienet ingħaqdet fil-kawża. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati, peress li partijiet fil-kawża prinċipali, mill-kumpannija Ivan Srl. (iktar ’il quddiem, “Ivan”), il-kumpannija Edison S.p.A. (iktar ’il quddiem, “Edison”) u Versalis kif ukoll bħala partijiet ikkonċernati oħrajn, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014 ipparteċipaw Ivan, Edison, Versalis, l-Italja u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi legali

19.      Il-Kunsill tal-Istat Taljan jixtieq isir jaf jekk il-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE u tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, fil-każ ta’ tniġġis ikkonstatat ta’ sit u ta’ impossibbiltà li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis jew ukoll ta’ impossibbiltà li jinkisbu minn din tal-aħħar il-miżuri ta’ rimedju, ma jippermettux lill-awtorità amministrattiva li timponi l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u tar-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarju mhux responsabbli għat-tniġġis, u tipprevedi biss fil-konfront ta’ dan tal-aħħar responsabbiltà patrimonjali limitata għall-valur tas-sit wara l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni.

20.      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax lill-Istati Membri jimpostaw fuq il-proprjetarju ta’ art imniġġsa ċerti miżuri għall-protezzjoni u għar-riabilitazzjoni tal-istess art, minkejja li dan ma jkunx ikkawża t-tniġġis.

21.      Għal dan il-għan, bħala dispożizzjoni speċifika għandha qabelxejn tiġi diskussa d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali u mbagħad jiġu indirizzati l-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 191(2) TFUE. Fl-aħħar nett, ser nindirizza fil-qosor il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, li madankollu ma huwiex mitlub fil-każ preżenti.

22.      Ir-riżultat ta’ dan l-eżami nixtieq li nantiċipah: ma jistax jiġi eskluż li l-Unjoni tirrifletti l-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE f’termini ta’ impenn speċifiku (3). Madankollu, din l-ispeċifikazzjoni ma tinstabx fid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali invokata mill-Kunsill tal-Istat Taljan. U jekk dispożizzjonijiet oħrajn, pereżempju l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, humiex iktar wesgħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżaminah fil-proċedura preżenti, biex tiġi evitata deċiżjoni mhux mistennija u li ġiet diskussa insuffiċjentement.

A –    Fuq id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali

1.      Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda li tikkonċerna d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali

23.      Wieħed jista’ għal żewġ raġunijiet jiddubita l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, sakemm tirrigwarda d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. It-tnejn li huma jikkonċernaw ir-rilevanza tagħha.

24.      Qabelxejn, wara t-talba għal deċiżjoni preliminari huwa dubjuż jekk il-leġiżlazzjoni Taljana tistax tkun interpretata b’mod li jiġġustifika r-responsabbiltà iktar wiesgħa tal-proprjetarji tal-artijiet imqajma fid-domanda. Madankollu, direttiva tista’ toħloq obbligi tal-individwi biss bl-għajnuna tal-interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali (4). Għalhekk, huwa possibbli li l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali permezz tal-Qorti tal-Ġustizzja ma taffettwax id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

25.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda kompetenza, biex fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiddeċiedi kif għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet nazzjonali (5). Għalhekk għandha tinżamm il-preżunzjoni li d-domandi ppreżentati mill-qrati nazzjonali għad-deċiżjoni preliminari huma sinjifikattivi għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali (6).

26.      L-istess huwa veru, finalment, fir-rigward tat-tieni raġuni possibbli għal dubju dwar ir-rilevanza. Din tikkonċerna l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali għall-kawża prinċipali.

27.      Skont l-Artikolu 17, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali tapplika għal danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel din id-data (7).

28.      Id-dettalji ta’ Edison, skont liema l-attività li tniġġes diġà waqfet fl-1988 u li ż-żoni – possibbilment mhux b’suċċess komplet – kienu riabilitati fl-1995, għalhekk jimmilitaw kontra l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk ikun irrilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva, jekk il-kumpanniji kkonċernati humiex is-suċċessuri legali ta’ kumpannija li kkawżat ħsara qabel it-30 ta’ April 2007 (8).

29.      Fl-istess waqt il-qorti tar-rinviju għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ, abbażi tal-fatti li hija biss tista’ tevalwa, jekk, fil-kawża prinċipali, id-danni li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni ambjentali deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti humiex koperti minn waħda mis-sitwazzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Sakemm il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li tipprevedi li d-Direttiva hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, hi għandha għalhekk tiġi indirizzata (9).

2.      Dwar ir-regoli tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali

30.      Il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jobbligawx lill-Istati Membri jimpostaw ċerti miżuri tal-protezzjoni u r-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarji ta’ art ikkontaminata, għalkemm huma ma kkawżawx it-tniġġis, huwa sorprendenti. Għaliex ir-responsabbiltà għal danni ambjentali hija prerekwiżit għall-obbligazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew legali stabbiliti fid-Direttiva.

31.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali din għandha l-għan, li fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, toħloq qafas ta’ responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u tar-riabilitazzjoni tad-danni ambjentali. Skont l-Artikolu 3(1), din għandha għaldaqstant tgħodd għad-danni ambjentali kkawżati minn attivitajiet professjonali, kif ukoll kull perikolu imminenti tal-imsemmija danni minħabba minħabba l-istess attivitajiet. L-operatur responsabbli għal dawn l-attivitajiet, skont l-Artikoli 5 sa 7, għandu jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ riabilitazzjoni meħtieġa, jew iħallas għalihom skont l-Artikoli 8 sa 10 u l-premessa 18.

32.      Il-premessa 2 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali barra minn hekk tiċċara, li permezz ta’ din ir-responsabbiltà l-operaturi huma mħeġġa jadottaw miżuri u jiżviluppaw prattiki, li permezz tagħhom id-danni ambjentali jistgħu jinżammu għal minimu. Sabiex il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà jwasslu għar-riżultati (mixtieqa skont dawn), il-premessa 13 tiċċara li għandu jkun hemm niġġies wieħed jew iktar identifikabbli, ħsara konkreta u kwantifikabbli kif ukoll rabta kawżali bejn id-danni u n-niġġies jew in-niġġiesa identifikati.

33.      L-importanza speċjali tal-kawżalità hija enfasizzata wkoll mill-premessa 20 u mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Skont dawn, l-operatur ma għandux ikun mitlub ibati l-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni jew ta’ riabilitazzjoni mwettqa skont din id-Direttiva f’sitwazzjonijiet fejn id-danni, jew il-perikolu ta’ danni msemmija huma r-riżultat ta’ affarijiet li l-operatur ma għandux kontroll fuqhom. Din l-eżenzjoni hija allura possibbli, għalkemm l-attività professjonali tal-operatur tikkawża ħsara. Għall-eżenzjoni huwa għandu jipprova li d-danni ambjentali jew il-perikolu imminenti ta’ tali danni huma kkawżati minn terza persuna u seħħew minkejja li ttieħdu miżuri xierqa ta’ protezzjoni. Din l-eċċezzjoni tapplika, għalhekk, pereżempju għal sabutaġġ jew interferenza minn barra.

34.      B’kuntrast, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, bi ksur ta’ ipoteżi stabbilita mill-Kunsill tal-Istat Taljan, ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jkun possibbli b’mod faċli, li sakemm tkun mogħtija prova ta’ kawża oħra, ikun ikkunsidrat li l-operatur li juża l-art imniġġsa, ikkawża dan it-tniġġis. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni teħles lill-operatur minkejja l-prova li l-ħsara kienet ikkawżata minħabba l-attività professjonali tiegħu jew tagħha.

35.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-Artikolu 8(3) diġà interpretat id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali b’tali mod, li hija possibbli preżunzjoni simili għad-detriment tal-operaturi. Għaliex l-Istati Membri, b’mod partikolari fid-determinazzjoni tal-kawżi ta’ kontaminazzjonijiet mifruxin li ma humiex definiti kjarament, għandhom disponibbli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (10). Għalhekk hija ammissibbli wkoll il-preżunzjoni ta’ kawżalità jekk ikunu jeżistu indizji plawżibbli, bħalma huma l-prossimità tal-installazzjoni tal-operatur mat-tniġġis ikkonstatat u l-korrispondenza bejn is-sustanzi li jniġġsu misjuba u l-komponenti użati mill-imsemmi operatur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu (11).

36.      Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ma jfissirx, madankollu, li l-operaturi huma obbligati jġorru l-piżijiet li huma assoċjati mat-tneħħija ta’ tniġġis li huma ma kkontribwixxewx għalih (12). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, l-operaturi għandhom rimedji legali sabiex jikkontestaw il-miżuri ta’ riabilitazzjoni adottati abbażi tad-Direttiva u biex jiċħdu rabta kawżali bejn l-attivitajiet tagħhom u t-tniġġis ikkonstatat (13). B’mod partikolari, huma jistgħu jirribattu l-preżunzjoni li huma kienu kkawżaw ħsara (14).

37.      Is-sempliċi proprjetarji ta’ artijiet imniġġsin, li ma kkawżawx il-ħsara, ma għandhom l-ebda rwol fis-sistema ppreżentata hawnhekk tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Din id-Direttiva ma hijiex applikabbli għalihom (15).

38.      Anki l-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, ma jbiddlux dan ir-riżultat. Għalkemm huma wkoll għandhom jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, ma huwiex evidenti li dawn jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

39.      L-obbligu għal implementazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, kif hija mitluba fil-premessa 24, lanqas ma jista’ jiġġustifika obbligi għall-proprjetarji ta’ artijiet li ma kkawżawx il-ħsara, li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fid-Direttiva.

3.      Dwar ir-responsabbiltajiet tal-proprjetarji tal-artijiet skont it-tieni sentenza ERG et

a)      Dwar ċerti traduzzjonijiet tas-sentenza

40.      Madankollu, xi traduzzjonijiet tat-tieni sentenza ERG et jidhru li qegħdin jipprovaw l-oppost tar-riżultat misjub sa issa. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi tliet verżjonijiet lingwistiċi, titkellem dwar il-proprjetarji (16), l-utenti (17) jew il-konċessjonarji (18) ta’ artijiet maġenb kumpless kostali li huwa suġġett ta’ miżuri tar-riabilitazzjoni. Hija tinnota li d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, f’ċirkustanzi eċċezzjonali għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità kompetenti tista’ titlob mingħand dawn il-persuni, li jwettqu miżuri ta’ riabilitazzjoni huma stess (19).

41.      Madankollu, wieħed jista’ jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma stabbilixxiet l-ebda konstatazzjoni dwar l-obbligi tal-proprjetarji, l-utenti jew il-konċessjonarji tal-artijiet bħala tali, iżda kienet relatata ma’ operaturi fis-sens tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, li jeżerċizzaw attivitajiet professjonali fuq l-artijiet ikkonċernati. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn kollha ta’ din is-sentenza, speċjalment l-oriġinali tagħha bil-Franċiż, li waħedha kienet meqjusa mill-Imħallfin kollha li pparteċipaw, u l-verżjoni Taljana vinkolanti jużaw it-terminu tal-operatur (20), kif użat fid-Direttiva.

b)      Dwar ir-responsabbiltà tal-operaturi għall-perikoli li jirriżultaw mill-artijiet tagħhom

42.      Iżda anki b’kont meħud ta’ problemi fit-traduzzjoni, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali skont it-tieni sentenza ERG et, f’ċirkustanzi eċċezzjonali apparentement għandha tiġi interpretata li tfisser li l-awtorità kompetenti tista’ titlob mill-proprjetarji tal-artijiet biex iwettqu miżuri ta’ riabilitazzjoni huma stess, jekk fuq l-artijiet iwettqu attivitajiet fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva (21). Kontribuzzjoni kawżali hemmhekk ma hijiex stabbilita bħala prerekwiżit.

43.      Tali responsabbiltà tal-operatur tikkorrispondi mal-opinjoni tal-Italja. Skont din, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ifisser responsabbiltà oġġettiva tal-kumpanniji, li huma proprjetarji ta’ artijiet industrijalment użati, għall-kontaminazzjonijiet ta’ dawn l-artijiet. Huma jaħsdu l-benefiċċju ekonomiku mill-art u għalhekk huma responsabbli għar-riskji kollha li joħorġu mill-proprjetà. Għalhekk, ma għandux għalfejn ikun ipprovat jekk ikunux ikkawżaw il-kontaminazzjoni.

44.      Iżda anki din l-interpretazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex konvinċenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża din il-konstatazzjoni fuq l-obbligi li d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali timponi fuq l-operaturi responsabbli għal danni ambjentali (22).

45.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mit-tieni sentenza ERG et fil-punt 42 tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet l-oħrajn meħuda fl-istess jum fl-ewwel sentenza ERG et dwar id-dipendenza tar-responsabbiltà operazzjonali mill-kawżalità tal-ħsara, li min-naħa tagħhom jindirizzaw ġurisprudenza eżistenti (23). Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, ir-responsabbiltà għar-riabilitazzjoni taqa’ f’idejn l-operaturi biss minħabba li jkunu kkontribwixxew għall-ħolqien ta’ tniġġis jew riskju ta’ tniġġis (24). Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, l-operaturi ma humiex obbligati jġorru piżijiet li huma konnessi mal-eliminazzjoni ta’ tniġġis li huma ma kkontribwixxewx għalih (25).

46.      Għalhekk, l-imsemmija konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni sentenza ERG et tista’ tkun relatata biss għall-operaturi li jkunu kkawżaw danni, anki jekk – kif diġà ntqal (26) – din il-kawżalità hija biss issuspettata.

4.      Dwar dispożizzjonijiet iktar stretti tal-Istati Membri

47.      Għal danni ambjentali fuq artijiet, il-proprjetarji li madankollu ma kkawżawhomx, jistgħu permezz ta’ miżuri tal-Istati Membri jinżammu responsabbli. Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali din ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw regolamenti iktar stretti għall-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ danni ambjentali. L-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħrajn hija hemmhekk elenkata espressament.

48.      Din is-setgħa hija limitata minħabba l-għanijiet tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, li l-Istati Membri ma għandhomx jimminaw (27). Għalhekk, ikun b’mod partikolari pprojbit lilhom li jiddeterminaw persuni responsabbli oħrajn li jieħdu l-post ta’ min iniġġes, li huma responsabbli taħt din id-Direttiva. Billi r-responsabbiltà eżistenti fl-Italja hija tal-proprjetarji sempliċi, iżda skont l-Artikolu 253(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 jeħtieġ li n-niġġies ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew li l-ispejjeż ma jistgħux jiġu inforzati kontra tiegħu, dan l-għan ma jkunx affettwat.

49.      Għat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa biss ta’ interess jekk il-possibbiltà miftuħa permezz tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali sabiex jiġu adottati regoli iktar stretti, toħloqx obbligu li l-proprjetarji, li ma kkawżawx ħsara, jiġu involuti b’mod iktar qawwi minn dak previst preċedentement.

50.      Dan hu kontradett mill-fatt li waqt l-eżerċitar ta’ din il-kompetenza l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni. Madankollu, tali marġni jista’ jkun limitat, eżempju hawnhekk – kif intqal diġà – f’termini ta’ kontradizzjonijiet għall-għanijiet tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Eċċezzjonalment il-marġni jista’ jitnaqqas sal-punt, li jingħata l-obbligu għall-eżerċitar ta’ kompetenza.

51.      Pereżempju, f’każ ta’ qari superfiċjali tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 (28), wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li huwa fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti tal-Anness II. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minħabba l-għanijiet ta’ din id-direttiva, tali stima hija obbligatorja jekk proġett bħal dan jista’ jkollu effetti fuq l-ambjent sinjifikattivi (29).

52.      B’kuntrast, la mill-Artikolu 16 u lanqas minn dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali ma tingħata evidenza espliċita għal tnaqqis fid-diskrezzjoni regolatorja fis-sens li l-proprjetarji tal-artijiet għandhom ikunu involuti fir-riabilitazzjoni tad-danni ambjentali, jekk huma ma kkawżawx id-dannu. L-iktar l-iktar id-Direttiva tipprevedi impliċitament, li l-Istati Membri jobbligaw lil dawn il-persuni biex jaċċettaw il-miżuri neċessarji fuq l-artijiet tagħhom u, fejn meħtieġ, jikkooperaw fl-implementazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 12(4) jipprevedi s-smigħ tagħhom.

53.      Limitazzjonijiet oħrajn tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jistgħu jirriżultaw mill-prinċipji tal-liġi ambjentali tal-Artikolu 191(2) TFUE msemmijin fit-talba għal deċiżjoni preliminari (30). Anki l-Artikolu 16 ġie adottat skont l-Artikolu 192(1) TFUE sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Għandu għalhekk jiġi preżunt li l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, b’kont meħud tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, għandu bħala għan livell għoli ta’ protezzjoni u dan huwa bbażat fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

54.      Is-sinjifikat tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huwa effettivament l-istess bħal dak tal-għan tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 16. L-Istati Membri ma għandhomx idgħajfu l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” billi minflok jew minbarra n-niġġies jistabbilixxu partijiet oħrajn responsabbli. Partijiet responsabbli oħrajn għalhekk jistgħu jitqiesu responsabbli biss b’mod sekondarju.

55.      Barra minn hekk, dan huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ azzjoni preventiva. Jekk in-niġġiesa jafu li huma kompletament responsabbli għal kwalunkwe ħsara, huma ser jieħdu l-miżuri preventivi neċessarji sabiex lanqas biss jiġu kkawżati ħsarat. U n-niġġiesa huma ġeneralment dawk li jistgħu jieħdu l-miżuri l-iktar effettivi.

56.      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva, eżattament bħall-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, madankollu jitlob, li irrispettivament minn kwalunkwe kontribuzzjoni għall-kawżalità mill-proprjetarji fuq artijiet ikkontaminati, jistgħu jittieħdu miżuri biex jipprevjenu iktar espansjoni tal-ħsara. F’ċerti każijiet jista’ jkun ukoll rakkomandabbli, li bl-għarfien aħjar tiegħu tal-art il-proprjetarju jappoġġja dawn il-miżuri. Inkella, ikun ħafna iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, li din l-espansjoni tkun evitata. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ prinċipji normalment ma jirrikjedux li dawn il-proprjetarji stess jiġu involuti fir-riabilitazzjoni.

57.      Il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva barra minn hekk huwa favur li l-proprjetarji tal-artijiet f’ċerti każijiet jiġu obbligati jieħdu miżuri ta’ protezzjoni preventivi kontra r-riskji li prinċipalment huma responsabbli għalihom partijiet terzi. Ikun konċepibbli pereżempju li l-proprjetarju tal-art li fuqha huwa ripetutament mormi skart illegali, ikollu jibni ċint jew ħajt mal-limiti tal-art sabiex jipprevjeni iktar ksur. L-obbligi tal-proprjetarji enfasizzati mill-Italja fl-Artikolu 245(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, li jinformaw lill-awtoritajiet fil-każ ta’ tniġġis u li jieħdu ċerti miżuri ta’ protezzjoni huma bbażati fuq din il-kunsiderazzjoni. Madankollu, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jwassal għall-konklużjoni li l-kwistjoni hawnhekk tikkonċerna l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Għalhekk ma huwiex meħtieġ iktar dettall dwar il-kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-proprjetarji.

58.      Lanqas ma huwa ċar kif il-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-każ preżenti għandu jaffettwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’relazzjoni mar-responsabbiltà ta’ riabilitazzjoni tal-proprjetarji tal-artijiet li ma kkawżawx ħsara. Skont dan il-prinċipju, miżuri ta’ protezzjoni jistgħu jittieħdu jekk l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem huma inċerti, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġi mistenni sakemm il-preżenza u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament evidenti (31). Madankollu, jekk jiġi stabbilit li persuna ma kkawżatx ħsara, dan il-prinċipju ma jistax jiġi applikat.

59.      Sakemm, madankollu, ma huwiex ċar jekk il-proprjetarju tal-art ikunx ikkawża xi ħsara, dan jista’ jagħti lok għall-preżunzjoni ta’ kawżalità deskritta hawn fuq (32). Imbagħad, madankollu, ma jifdal l-ebda lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

60.      Għalhekk, hekk jifdal biss l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni. Responsabbiltà sekondarja komprensiva tal-proprjetarji tal-artijiet għal danni ambjentali fuq l-artijiet tagħhom ċertament tkun tikkorrispondi ma’ dan l-għan. Peress li din tippermetti li riżorsi pubbliċi skarsi jkunu ffokati fuq il-ħsarat li għalihom ma jistgħu jiġu identifikati l-ebda partijiet responsabbli.

61.      Madankollu, inqis li huwa impossibbli li bl-għajnuna ta’ dan l-objettiv, il-permess li jinsab fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali biex jiġu identifikati iktar persuni responsabbli, jinftiehem bħala obbligu. Għall-kuntrarju, dan il-permess jiddelega s-setgħa lill-Istati Membri biex jiżnu l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ma’ għanijiet oħrajn, pereżempju d-drittijiet fundamentali tal-proprjetarji tal-artijiet. Inkella, kwalunkwe permess ta’ leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-adozzjoni ta’ miżuri iktar stretti għall-protezzjoni ambjentali, ikun jobbliga lill-Istati Membri biex lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja, jipprevedu l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli.

5.      Riżultat interim

62.      Minn dan jirriżulta li l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, stabbiliti mid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (Artikolu 1, Artikolu 8(3) u Artikolu 16 kif ukoll premessi 13 u 24) u mill-Artikolu 191(2) TFUE – b’mod partikolari, il-prinċipju “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva, il-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent – ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ tniġġis ikkonstatat ta’ sit u ta’ impossibbiltà li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis jew ukoll ta’ impossibbiltà li jinkisbu minn din tal-aħħar il-miżuri ta’ rimedju, ma tippermettix lill-awtorità amministrattiva li timponi l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u tar-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarju mhux responsabbli għat-tniġġis, u tipprevedi biss fil-konfront ta’ dan tal-aħħar responsabbiltà patrimonjali limitata għall-valur tas-sit wara l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni.

B –    Dwar l-Artikolu 191(2) TFUE

63.      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża wkoll biex tuża b’mod iżolat il-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE. Fid-dawl tad-dubji tar-rilevanza deċiżiva tad-dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (33), dan għandu jiġi diskuss kemm mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll minn dak tad-dritt nazzjonali.

1.      Dwar l-effett tal-Artikolu 191(2) TFUE taħt id-dritt tal-Unjoni

64.      L-Artikolu 191(2) TFUE jistabbilixxi l-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 192, din il-politika hija implementata mil-leġiżlatur tal-Unjoni (34). L-obbligi tal-Istati Membri, madankollu, ma jistgħux ikunu bbażati direttament fuq din id-dispożizzjoni (35).

65.      Id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jobbliga lill-Istati Membri biex iqisu dawn il-prinċipji direttament fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw indipendentement mid-dritt tal-Unjoni u barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

66.      Konsegwentement, il-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE, skont id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kkunsidrati primarjament fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti (36), kif sar fil-każ preżenti fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

2.      Dwar l-effett tal-Artikolu 191(2) TFUE skont id-dritt Taljan

67.      Versalis madankollu tindika l-Artikolu 3b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152. Din id-dispożizzjoni espliċitament tirreferi għall-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 191(2) TFUE. Din tobbliga lil kulħadd, awtoritajiet u persuni privati, biex jipproteġu l-ambjent permezz ta’ miżuri xierqa li huma allinjati mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, mal-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, kif ukoll mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

68.      Din id-dispożizzjoni fid-dritt Taljan tista’ twassal sabiex il-liġi ambjentali Taljana kollha, jew għall-inqas id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, skont il-possibbiltà jridu jiġu interpretati konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 191(2) TFUE. F’dan il-każ ikun sinjifikattiv għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, kif dawn il-prinċipji għandhom jiġu interpretati indipendentement mil-liġi sekondarja tal-Unjoni. Minħabba d-dritt nazzjonali huma mbagħad jingħataw “effett eċċedenti”, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiethom (37) għal Direttivi (38) jew għal-libertajiet fundamentali b’rabta mal-projbizzjonijiet nazzjonali dwar id-diskriminazzjoni taċ-ċittadini (39).

69.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 3b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 għandux dan l-effett fid-dritt Taljan. Din hija r-responsabbiltà tal-qrati Taljani (40) u għalhekk idealment kellha tiġi kkomunikata fit-talba għal deċiżjoni preliminari (41).

70.      Fil-każ preżenti, l-Artikolu 3b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 apparentement huwa sottostanti b’mod impliċitu għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Inkella, huwa diffiċli li jiġi segwit għala qorti bħall-Kunsill tal-Istat Taljan tiddiskuti b’mod intensiv il-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE u bilkemm tqiegħed dawn f’kuntest mal-istandards tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni, fejn l-applikabbiltà temporali ta’ dawn l-istandards, jiġifieri tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, għadha wkoll dubjuża ħafna.

71.      Fl-aħħar nett, madankollu, jista’ ma huwiex neċessarju jiġi ddeterminat jekk fit-talba għal deċiżjoni preliminari ġiex spjegat biżżejjed l-effett tal-Artikolu 3b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152. Anki jekk wieħed jassumi li l-prinċipji tal-Artikolu 191(2) TFUE irrispettivament mil-liġi sekondarja tal-Unjoni jikkaratterizzaw il-liġi ambjentali Taljana minħabba dan l-istandard, dan ma jistax iwassal għal riżultati differenti mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

C –    Fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart

72.      Anki fil-konklużjonijiet tiegħi ERG et semmejt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart possibbilment tistabbilixxi responsabbiltà usa’ tal-proprjetarji tal-artijiet għar-riabilitazzjoni ta’ żoni mniġġsa mid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, iżda madankollu primarjament titlob l-involviment ta’ min iniġġes (42). Ma jidhirx li huwa impossibbli li skont din jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni b’mod subordinat il-proprjetarju ta’ artijiet ikkontaminati, li ma huwiex involut fi kwalunkwe mod ieħor, għajr bħala detentur tal-iskart (Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva dwar l-iskart (43)).

73.      Peress li l-Kunsill tal-Istat Taljan u l-partijiet qegħdin jistħarġu b’mod intensiv il-konklużjonijiet imsemmijin, iżda fl-istess waqt ma jinvokawx il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, madankollu nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja biex hi wkoll ma tagħtix l-opinjoni tagħha dwar id-dispożizzjonijiet.

74.      Deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà legali tal-iskart għal artijiet ikkontaminati fil-fatt toħloq kwistjonijiet diffiċli u xi kultant sensittivi, filwaqt li s-sinjifikat possibbli fil-kawża prinċipali ma huwiex ċar.

75.      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li idrokarburi, imxerrda aċċidentalment fl-art, fl-ilma ta’ taħt l-art, jew fil-baħar, li ma jistgħux jiġu użati iktar konformement mad-destinazzjoni tagħhom, għandhom ikunu kkunsidrati bħala skart (44). L-istess kwalifika ta’ “skart” tapplika għall-art ikkontaminata b’riżultat ta’ tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi (45). Madankollu, fir-riforma tad-Direttiva dwar l-Iskart, il-leġiżlatur għall-inqas irreveda l-konstatazzjonijiet dwar l-istatus ta’ skart ta’ ħamrija kkontaminata (46), billi minn dak il-waqt ’il quddiem eskluda ħamrija (in situ), inkluż ħamrija kkontaminata mhux skavata mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar l-Iskart.

76.      Huwa dubjuż madankollu, jekk din id-dispożizzjoni fil-fatt teskludix ħamrija kkontaminata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Jekk sustanza li tniġġes issir skart kawża tal-kontaminazzjoni, dan l-istatus ma jistax sempliċement jitħassar bl-argument li din tniġġes il-ħamrija (47). Iżda fil-prattika huwa probabbli li ma tagħmilx differenza jekk il-ħamrija titqiesx li hija skart b’mod globali jew is-sustanzi li qegħdin jikkontaminawha biss. Barra minn hekk jistgħu jirriżultaw domandi – possibbilment delikati – dwar ir-relazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

77.      Fuq kollox, ma huwiex ċar jekk id-dikjarazzjonijiet dwar din il-kwistjoni sensittiva jistgħux, qabelxejn, ikunu ta’ importanza għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Minn naħa, bit-talba għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet ftit informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart Taljana. Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE madankollu tista’ wkoll tiġġustifika l-obbligi ta’ individwi jew ta’ kumpanniji sakemm dan ikun implementat fl-Istati Membri jew sakemm id-dritt nazzjonali jista’ jkun interpretat tal-inqas b’mod konformi għal dan (48). Min-naħa l-oħra ma huwiex ċar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħux jiġu sussegwentement sostnuti fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.

78.      Jekk il-Kunsill tal-Istat, fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari, xorta waħda jasal għar-riżultat li responsabbiltà skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tista’ tkun ta’ importanza għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, hekk hu għandu għaldaqstant jindirizza talba għal deċiżjoni preliminari ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    Konklużjoni

79.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

Il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, stabbiliti mid-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (Artikoli l u 8(3); premessi 13 u 24) – b’mod partikolari l-prinċipju “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent – ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ tniġġis ikkonstatat ta’ sit u ta’ impossibbiltà li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis jew ukoll ta’ impossibbiltà li jinkisbu minn din tal-aħħar il-miżuri ta’ rimedju, ma tippermettix lill-awtorità amministrattiva li timponi l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u tar-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarju mhux responsabbli għat-tniġġis, u tipprevedi biss fil-konfront ta’ dan tal-aħħar responsabbiltà patrimonjali limitata għall-valur tas-sit wara l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364); hija wisq probabbli ta’ rilevanza l-verżjoni tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (ĠU L 140, p. 114). L-emendi li jirriżultaw bid-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore (ĠU L 178, p. 66) għandhom jiġu implementati fl-2015.


3 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑378/08 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08 (ERG et, EU:C:2009:650, punti 111 et seq).


4 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:174, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Ara, pereżempju, is-sentenza Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48).


6 – Ara s-sentenza Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 30).


7 – Sentenzi ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 41, kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 34).


8 – Dan jista’ jkun minnu għal Edison, li apparentement irriżultat mill-grupp Montedison, li uża l-art inkwistjoni fil-passat u li skont l-informazzjoni ta’ Ivan huwa responsabbli wkoll għat-tniġġis.


9 – Sentenzi ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punti 43 u 47, kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 36 u 40).


10 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 55).


11 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 57).


12 – Sentenzi Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 50) kif ukoll ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 67).


13 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 67).


14 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 58).


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 58).


16 – Bil-Litwan: “sklypų savininkams”.


17 – Bil-Ġermaniż: “Nutzern der Grundstücke”.


18 – Fil-verżjoni Portugiża: “concessionários dos terrenos”.


19 – Sentenza ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 78, ara wkoll punt 82).


20 –      Bil-Franċiż: “exploitants”; bit-Taljan: “operatori”.


21 – Sentenza ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 78, ara wkoll punt 82).


22 – Sentenza ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 87 sa 90).


23 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punti 52 sa 59 kif ukoll 64 sa 67).


24 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 57) li tirreferi għas-sentenza Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 77).


25 – Sentenza ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 67) li tirreferi għas-sentenza Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 51).


26 – Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.


27 – Sentenza ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 65 u 66). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑378/08 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08 (ERG et, EU:C:2009:650, punti 96 sa 115).


28 – Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1).


29 – Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).


30 – Ara s-sentenzi Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 38), Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑301/10, EU:C:2012:633, punt 49), Shell Nederland (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 38) u Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 30).


31 – Sentenzi National Farmers’ Union et (C‑157/96, EU:C:1998:191, punt 63), Agrarproduktion Staebelow (C‑504/04, EU:C:2006:30, punt 39) kif ukoll Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 61 u 62).


32 – Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.


33 – Ara l-punti 23 sa 29 iktar ’il fuq.


34 – Ara s-sentenzi Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 57) kif ukoll ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 45).


35 – Sentenzi Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 58) kif ukoll ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 46).


36 – Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.


37 – Ara wkoll id-digriet De Bellis et (C‑246/14, EU:C:2014:2291, punti 15 sa 17).


38 – Sentenzi Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 35 sa 39), Leur‑Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 32) u Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 48).


39 – Sentenzi Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663, punt 23), Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 29) u Airport Shuttle Express (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punt 44).


40 – Sentenzi Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 41 u 42) kif ukoll Leur‑Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 33).


41 – Ara d-digriet De Bellis et (C‑246/14, EU:C:2014:2291, punt 20).


42 – Konklużjonijiet fil-Kawżi C‑378/08 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08 (ERG et, EU:C:2009:650, punti 130 sa 138).


43 – Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart (ĠU L 312, p. 3). Dispożizzjonijiet simili kienu inklużi wkoll fid-direttivi dwar l-iskart applikabbli sa mill-1977.


44 – Sentenzi Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490, punti 47 sa 50) u Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punti 57 sa 59).


45 – Sentenza Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490, punt 52).


46 – Petersen, “Entwicklungen des Kreislaufwirtschaftsrechts – Die neue Abfallrahmenrichtlinie – Auswirkungen auf das Kreislaufwirtschafts- und Abfallgesetz”, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht 2009, 1063 (1064).


47 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑196/13 u C‑378/13, EU:C:2014:2162, punt 99).


48 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:174, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).