Language of document : ECLI:EU:F:2014:106

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑42/13

CU

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat — Deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CU jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tas-16 ta’ Ottubru 2012, li jiġi rexiss il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat tiegħu u, sa fejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2013 u tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2013, li tiċħad l-ilment tiegħu, kif ukoll il-kundanna tal-KESE għal kumpens tad-dannu morali subit u sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 15 000 bħala dannu morali.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Ottubru 2012 u tal-31 ta’ Jannar 2013, li jxolju l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ta’ CU, huma annullati. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa kkundannat għall-ħlas lil CU tas-somma ta’ EUR 25 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat li jbati l-ispejjeż sostnuti minn CU.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ġdida li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża bħad-deċiżjoni kkontestata — Ilment imressaq kontra l-ewwel deċiżjoni — Ammissibbiltà (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, Artikolu 117)

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Portata — Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 41(2)(a))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat għal ksur tar-rabta ta’ fiduċja — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 41(2)(ċ))

1.      Li jiġi kkunsidrat li lment imressaq minn membru tal-persunal temporanju jkun sar mingħajr suġġett minħabba d-deċiżjoni tal-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg li tissostitwixxi l-ewwel deċiżjoni tagħha bit-tieni waħda li għandha, fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, l-istess kontenut iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-amministrazzjoni għandha s-setgħa li tobbliga lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jressaq numru ta’ lmenti daqs id-deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni li jirregolaw ċerti irregolaritajiet, filwaqt li l-att li jikkawża preġudizzju inkwistjoni, is-suġġett u l-kawża tiegħu jibqgħu preċiżament l-istess.

(ara l-punt 23)

2.      Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. Sabiex ksur ta’ dritt li jinstema’ jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. Ladarba l-istituzzjoni għandha l-għażla bejn ix-xoljiment tal-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju jew l-irtirar tiegħu, din tal-aħħar iktar għandha raġunijiet li tisimgħu qabel ma timponi fuqu soluzzjoni waħda jew l-oħra. B’hekk, l-argument tal-istituzzjoni li l-membru tal-persunal temporanju kien f’pożizzjoni li jesprimi l-perspettiva tiegħu, waqt intervista sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija jirrendi bla sustanza d-dritt fundamentali li jinstema’, jiġifieri l-possibbiltà mogħtija lill-membru tal-persunal temporanju li jesprimi l-perspettiva tiegħu dwar miżura li taffettwah ħażin u l-obbligu tal-istituzzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ dan qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, li b’hekk jiżgura li d-deċiżjoni li tieħu ma tkunx ivvizzjata minn żbalji fattwali u tikkostitwixxi r-riżultat ta’ bbilanċjar xieraq tal-interessi tas-servizz u tal-interess tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 33 u 38 sa 41)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, punt 136; 12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, punti 33 u 38

3.       L-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti motivi għad-deċiżjonijiet tagħha, stabbilit fl-Artikolu 41(1)(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss għal raġuni ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Dan l-obbligu għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk għandhiex difett li jippermetti li l-legalità tagħha tiġi kkontestata u sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni. Għalkemm huwa minnu li s-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-rabta ta’ fiduċja tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija u li, jekk tali deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq tali konstatazzjoni, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni dwar il-preżentazzjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni, taċ-ċirkustanzi fattwali li juru jew jiġġustifikaw tali ksur tal-fiduċja jista’ biss ikun ristrett, jibqa’ l-fatt li s-sempliċi riferiment għall-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, mingħajr ebda indikazzjoni kwalunkwe dwar iċ-ċirkustanzi fattwali li juru jew jiġġustifikaw din ir-rabta, ma huwiex biżżejjed sabiex il-membru tal-persunal temporanju jkun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata u li jippermetti lill-qrati tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ legalità. Ladarba l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li xxolji l-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju li tikkonstata l-ksur tar-rabta ta’ fiduċja hija biss formulazzjoni ta’ natura ġenerali u sterjotipata u ma għandha l-ebda informazzjoni speċifika għall-każ tal-persuna kkonċernata, hija ekwivalenti, fir-realtà, għal assenza totali ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 42, 44 u 49)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, punt 31; 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, punt 74

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, P vs Il-Parlament, F‑89/08, punt 73; Tzirani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 137 u 139