Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Ottubru 2014 – Citroën Commerce GmbH vs Zentralvereinigung des Kraffahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs e.V. (ZLW)

(Kawża C-476/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Citroën Commerce GmbH

Konvenut: Zentralvereinigung des Kraffahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs e.V. (ZLW)

Domandi preliminari

Reklam għal prodott li jindika l-prezz li għandu jitħallas għalih jikkostitwixxi offerta fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6/KE? 1

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Fil-każ ta’ offerta fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6/KE, il-prezz tal-bejgħ li għandu jiġi indikat skont l-Artikolu 1 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) għandu jinkludi wkoll l-ispejjeż neċessarjament sostnuti li huma marbuta mat-trasferiment ta’ vettura bil-mutur mill-manifattur lin-negozjant?

Fil-każ li għall-ewwel jew għat-tieni domanda tingħata risposta negattiva:

Fil-każ ta’ stedina għax-xiri fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE 2 , il-“prezz inklużi t-taxxi” li għandu jiġi indikat skont id-dispożizzjoni li tirregola l-ewwel xenarju previst fl-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29/KE għandu jinkludi wkoll, fil-każ ta’ vettura bil-mutur, l-ispejjeż neċessarjament sostnuti li huma marbuta mat-trasferiment tal-vettura bil-mutur mill-manifattur lin-negozjant?

____________

1 Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32).

2 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).