Language of document : ECLI:EU:F:2014:235

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑55/10 RENV

Chrysanthe Moschonaki

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kawża mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizza Pubbliku wara annullament – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti fi ħdan l-istituzzjoni – Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jidhru fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA fuq il-bażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Moschonaki talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2009 li tiċħad il-kandidatura tagħha għal pożizzjoni ta’ “[a]ssistent – [b]ibljotekarju/[u]ffiċjal li jiġbor id-dokumentazzjoni” u kumpens għad-dannu li hija tqis li sofriet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet il-kandidatura ta’ C. Moschonaki għal pożizzjoni ta’ “[a]ssistent – [b]ibljotekarju/[u]ffiċjal li jiġbor id-dokumentazzjoni” hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil C. Moschonaki s-somma ta’ EUR 5000. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn C. Moschonaki fil-Kawżi F-55/10, T-476/11 P u F-55/10 RENV.

Sommarju

Uffiċjali – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Skop – Obbligu tal-amministrazzjoni li tindika l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-okkupazzjoni ta’ impjieg – Portata – Ċaħda ta’ kandidatura minħabba li kundizzjoni li ma tidhirx fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma ġietx issodisfatta – Ksur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4 u 29)

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn jeħtieġ li l-amministrazzjoni tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, bi preċiżjoni, tal-estent tal-obbligi imposti fuqhom jew tad-drittijiet li huma għandhom, jirrikjedi li regola li tiddetermina drittijiet u obbligi għall-membri tal-persunal tagħha tiġi suġġetta għal miżura ta’ pubbliċità adegwata skont il-modalitajiet u l-forom li hija l-amministrazzjoni li tiddetermina.

B’mod partikolari, rigward ir-regoli li jikkonċernaw ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali, l-Awtorità tal-Ħatra hija meħtieġa tindika bl-iktar mod preċiż possibbli fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-okkupazzjoni tal-pożizzjoni inkwistjoni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jevalwaw jekk ikunx hemm lok għalihom li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom. Ċertament, din l-awtorità ma tistax tkun marbuta tfakkar il-kundizzjonijiet ipprovduti espressament fir-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kandidati huma preżunti li għandhom għarfien tagħhom, iżda avviż ta’ pożizzjoni vakanti jkun nieqes mill-iskop tiegħu, li huwa dak li jinforma lill-kandidati bil-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-okkupazzjoni ta’ pożizzjoni, jekk l-amministrazzjoni tkun tista’ tiċħad kandidat għal raġuni li ma hijiex espressament indikata fl-imsemmi avviż jew fir-Regolamenti tal-Persunal, jew li ma tkunx ġiet ippubblikata.

Għalhekk, kundizzjoni li, fil-kuntest ta’ avviż għal pożizzjoni vakanti fi ħdan l-istituzzjoni, tkun intiża sabiex teskludi mill-parteċipazzjoni fis-selezzjoni ċerti uffiċjali li jkunu kompletament eliġibbli, għandha, minħabba l-effett ġuridiku intiż, li huwa dak li tiġi ristretta l-parteċipazzjoni fl-għażla ta’ ċerti persuni li għandhom dritt, tistabbilixxi b’mod ċar u preċiż it-termini li jiġġustifikaw din l-esklużjoni. Għaldaqstant, ir-rekwiżit li ma jkun ġie bl-ebda mod ippubblikat ma jistax jiġi invokat kontra l-persuna kkonċernata sabiex il-kandidatura tagħha tiġi miċħuda.

(ara l-punti 41, 42, 45 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, EU:C:1974:112, punt 40, ROM-projecten, C-158/06, EU:C:2007:370, punt 25, Skoma-Lux, C-161/06, EU:C:2007:773, punt 28, u Heinrich, C-345/06, EU:C:2009:140, punt 44

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Vecchi vs Il-Kummissjoni, T-356/94, EU:T:1996:136, punt 50

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Wenig vs Il-Kummissjoni, F-80/08, EU:F:2009:160, punt 90, u Šimonis vs Il-Kummissjoni, F-113/07, EU:F:2011:44, punti 73 u 74