Language of document : ECLI:EU:F:2014:115

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑65/13

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Ksur tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk it-Tribunal iqis b’mod partikolari “li l-aġir ta’ [rappreżentant ta’ parti] quddiem it-Tribunal huwa inkompatibbli mad-dekor tat-Tribunal jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” huwa għandu jinforma lill-parti kkonċernata b’dan. Għall-istess raġunijiet, huwa “jista’, f’kull ħin u wara li tinstema’ l-persuna kkonċernata, jiddeċiedi, permezz ta’ digriet [...], li jeskludi [lill-parti kkonċernata] mill-proċedura. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat”.

Deċiżjoni:      A huwa eskluż mill-proċedura, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Kopja ta’ dan id-digriet għandha tintbagħat lill-awtoritajiet Spanjoli u Taljani kompetenti, li tagħhom A huwa membru.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rappreżentanza tal-partijiet — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 32(1))

L-aġir ta’ avukat, rappreżentant ta’ parti quddiem il-qrati tal-Unjoni, li jikkonsisti fil-preżentata ta’ rikors ibbażat fuq fatti kważi identiċi għal dawk li wasslu għal rikorsi preċedenti li ġew miċħuda bħala manifestament infondati jew manifestament inammissibbli, jew li huwa bbażat fuq l-istess motivi li jindikaw il-propensjoni tal-imsemmija parti li sistematikament u mingħajr distinzjoni tirrikorri għal proċeduri kontenzjużi, jista’ jitqies inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Dan ikun il-każ meta, permezz ta’ tali aġir, dan l-avukat jikkontribwixxi, mingħajr dixxerniment, għall-aġir vessatorju tal-parti kkonċernata, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru partikolarment għoli ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni, numru li l-importanza tiegħu ma setgħetx ma tkunx magħrufa minn avukat diliġenti b’mod normali, irriżulta li huwa partikolarment ta’ ħsara għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi applikat l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi r-rappreżentant legali jiġi eskluż mill-proċedura. Din l-esklużjoni tobbliga lill-parti kkonċernata tibdel ir-rappreżentant legali, iżda hija ma taffettwax l-evalwazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jagħmel fuq il-mertu tar-rikors, li bih huwa jibqa’ adit sakemm l-imsemmija parti ma tirtirax.

(ara l-punti 12, 18, 22, 27 u 28)