Language of document : ECLI:EU:F:2014:189

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑22/13

Mátyás Tamás Mészáros

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/207/11 — Kandidat li għadda minn kompetizzjoni inkluż fil-lista ta’ riżerva — Verifika mill-Awtorità tal-Ħatra tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni fi grad AD 7 — Esperjenza professjonali ta’ terminu inferjuri għat-terminu minimu meħtieġ — Żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-bord tal-għażla — Revoka tal-offerta għal impjieg mill-Awtorità tal-Ħatra — Kompetenza marbuta mal-Awtorità tal-Ħatra”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih M. T. Mészáros jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), tas-26 ta’ Settembru 2012, li tirrifjuta r-reklutaġġ tiegħu mal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) abbażi tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/207/11 u li tinformah bl-intenzjoni tagħha li titlob li jiġi inserit kumment, fil-bażi ta’ data tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), intiż biex jinforma lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ esperjenza professjonali rikjest minn din il-kompetizzjoni biex ikun jista’ jiġi rreklutat bħala amministratur (AD) fil-grad AD 7 abbażi tal-kompetizzjoni msemmija.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn M. T. Mészáros.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Stabbiliment tal-lista ta’ riżerva — Kontroll tar-regolarità mill-Awtorità tal-Ħatra — Konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni — Konsegwenza — Rifjut ta’ nomina tal-kandidat li għadda minn kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30 u Anness III, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Esperjenza professjonali — Kunċett — Perijodi ta’ studju — Esklużjoni — Attivitajiet eżerċitati taħt status indipendenti jew bħala professjoni liberali — Inklużjoni — Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Rekwiżit ta’ esperjenza professjonali ta’ tul minimu — Rekwiżit li għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda esperjenza korrispondenti, f’termini ta’ żmien ta’ xogħol, għal attività full time

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(3))

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Offerta ta’ impjieg — Att preparatorju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Organizzazzjoni — Żewġ kompetizzjonijiet distinti iżda konnessi intiżi għar-reklutaġġ fi gradi differenti — Possibbiltà li kandidat li għadda mill-kompetizzjoni ta’ grad superjuri jiġi ttrasferit lejn il-kompetizzjoni ta’ grad inferjuri mingħajr ma jkun għadda mill-eżamijiet ta’ din tal-aħħar — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1))

1.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex is-setgħa li tannulla jew li temenda deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, madankollu, hija marbuta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stess, li tadotta deċiżjonijiet eżenti minn illegalità. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun marbuta minn deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla li l-illegalità tagħhom tista’, konsegwentement, tivvizzja d-deċiżjonijiet tagħha stess. B’hekk, l-awtorità msemmija għandha l-obbligu li tivverifika, qabel ma tinnomina lil persuna bħala uffiċjal, jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti għal dan il-għan. Meta l-Bord tal-Għażla jaċċetta b’mod żbaljat il-parteċipazzjoni ta’ kandidat f’kompetizzjoni u jinkludih sussegwentement fil-lista ta’ riżerva, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tirrifjuta l-ħatra ta’ dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tevalwa l-fondatezza tagħha.

Konsegwentement, fil-kuntest tal-kontroll li twettaq fuq ir-regolarità tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla, l-awtorità msemmija għandha tillimita ruħha biex tivverifika li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mill-Bord tal-Għażla ma ġiex ivvizzjat minn żball manifest. B’hekk, jekk din tqis li l-aċċettazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ kandidat tkun illegali, l-awtorità għandha tirrifjuta l-ħatra bħala uffiċjal staġista lill-persuna li isimha jidher fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni bħala riżultat ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, mingħajr madankollu ma għandha l-possibbiltà li titlob lill-Bord tal-Għażla li jemenda din il-lista, peress li din tkun tikkostitwixxi interferenza tal-amministrazzjoni fix-xogħlijiet ta’ Bord tal-Għażla inkompatibbli mal-indipendenza tiegħu.

Barra minn hekk, żball jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun jista’ jiġi faċilment skopert fid-dawl tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta lill-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, huwa neċessarju li jintwera li l-evalwazzjonijiet adottati fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex plawżibbli. Fi kliem ieħor, ma jistax ikun hemm żball manifest jekk l-evalwazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi aċċettata bħala reali jew valida.

(ara l-punti 48 sa 50 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Schwiering vs Il-Qorti tal-Awdituri, 142/85, EU:C:1986:405, punti 19 u 20, u Il-Parlament vs Hanning, C‑345/90 P, EU:C:1992:79, punt 22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Luxem vs Il-Kummissjoni, T‑306/04, EU:T:2005:326, punti 22 u 24

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Pascual-García vs Il-Kummissjoni, F‑145/06, EU:F:2008:65, punt 55, u Eklund vs Il-Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punti 49 sa 51

2.      Ħlief jekk avviż ta’ kompetizzjoni jipprovdi mod ieħor, perijodi ta’ studju ma jikkostitwixxux perijodi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala esperjenza professjonali miksuba wara d-diploma, u dan ikun xi jkun il-livell tal-istudji msemmija, peress li l-istudju jwassal għall-ksib ta’ għarfien u mhux ta’ kompetenzi.

Ċertament, perijodi li matulhom il-kandidat wettaq studji fl-istess ħin ma’ xogħol jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda għandu jiġi rrilevat li, f’tali sitwazzjoni, huwa x-xogħol imwettaq li jgħodd bħala esperjenza professjonali mingħajr ma l-istudju li sar fl-istess ħin, b’mod marġinali u aċċessorju, ma jostakola li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn is-servizzi professjonali.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati taħt status indipendenti jew fil-kuntest ta’ professjoni liberali, sempliċi referenza għal pubblikazzjonijiet ta’ natura akkademika ma hija b’ebda mod kapaċi li tipprova r-realtà tal-eżistenza ta’ din l-esperjenza professjonali. Għal tali attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha, jistgħu jiġu aċċettati bħala provi rċevuti jew ordnijiet li jispeċifikaw fid-dettall l-inkarigi eżerċitati jew kull prova uffiċjali rilevanti oħra.

(ara l-punti 57 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Wolf vs Il-Kummissjoni, T‑101/96, EU:T:1997:171, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Pascual-García vs Il-Kummissjoni, EU:F:2008:65, punt 66, u Eklund vs Il-Kummissjoni, EU:F:2012:145, punt 54

3.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-esperjenza professjonali ta’ kandidat fir-rigward tat-tul minimu ffissat mill-avviż ta’ kompetizzjoni bħala kundizzjoni biex jiġi aċċettat jipparteċipa, Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu jikkunsidra perijodu part-time ma persuna li timpjega biss f’termini ta’ xogħol effettiv full-time.

(ara l-punt 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Klopfer vs Il-Kummissjoni, F‑118/05, EU:F:2006:137, punt 35

4.      Offerta ta’ impjieg mibgħuta lil kandidat bil-għan li jinħatar bħala uffiċjal staġista tikkostitwixxi att preparatorju, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li tinkludi, jekk ikun il-każ, talbiet għal informazzjoni u għalhekk ma toħloqx drittijiet.

(ara l-punt 73)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Eklund vs Il-Kummissjoni, EU:F:2012:145, punt 66

5.      Fir-rigward ta’ żewġ kompetizzjonijiet li jsiru fl-istess ħin intiżi għar-reklutaġġ fi gradi differenti, il-kontenut tal-eżamijiet organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ikun neċessarjament iddeterminat skont il-grad li l-kandidat jippreżenta ruħu fih, b’tali mod li ma jistax jitqies, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li kandidat li għadda mill-eżami ta’ kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fi grad superjuri kien neċessarjament jgħaddi mill-eżami ta’ kompetizzjoni oħra intiża għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fi grad inferjuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment ta’ kandidat minn kompetizzjoni lejn oħra jista’ jseħħ b’mod regolari biss qabel l-iżvolġiment tal-eżamijiet li jikkorrispondu għall-kompetizzjoni li l-kandidat ġie ttrasferit lejha. B’hekk, l-amministrazzjoni ma twettaq ebda żball ta’ liġi meta tqis li kandidat li għadda mill-eżami tal-kompetizzjoni fil-grad AD 7 ma jistax jiġi awtomatikament ittrasferit lejn il-kompetizzjoni fil-grad AD 5, minkejja li din il-kompetizzjoni tikkorrispondi għal grad inferjuri, sa fejn tali kandidat ma jkunx effettivament għadda l-eżamijiet relattivi għall-kompetizzjoni fil-grad AD 5.

(ara l-punt 76)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Demeneix vs Il-Kummissjoni, F-96/12, EU:F:2013:52, punt 64