Language of document : ECLI:EU:F:2014:228

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑91/13

DF

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Spejjeż tal-ivvjaġġar – Kollokament tar-rikorrent fil-pajjiż ta’ nazzjonalità tiegħu – Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu DF jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta’ Diċembru 2012, li tordna lir-rikorrent jirrimborsa l-allowance tal-espatrijazzjoni u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali li huwa rċieva matul il-kollokament tiegħu fil-Ġermanja, bejn l-1 ta’ Settembru 2009 u l-31 ta’ Awwissu 2012, u kif ukoll ir-rimbors tas-somom diġà rkuprati kif ukoll l-għoti tad-danni.

Deċiżjoni:      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil DF is-somma ta’ EUR 1 500 bħala kumpens għad-danni morali tiegħu. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u kwart mill-ispejjeż ta’ DF. DF għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Residenza abitwali barra mill-Istat Membru ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza – Perijodu ta’ referenza – Stabbiliment tad-data ta’ skadenza fil-każ ta’ kollokament ta’ uffiċjal – Data tad-dħul fis-servizz inizjali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

2.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità evidenti tal-ħlas – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju – Portata – Ksur – Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

1.      Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni fil-każ ta’ kollokament ta’ uffiċjal, il-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiskadi dejjem fid-data tad-dħul fis-servizz inizjali.

(ara l-punt 17)

Referenza

:Il‑Qorti Ġenerali: sentenza Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/92, EU:T:1993:78, punt 32

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi B vs Il‑Kummissjoni, F‑7/06, EU:F:2007:129, punt 39; Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, F‑108/05, EU:F:2007:164, punt 71, u Blais vs BĊE, F‑6/08, EU:F:2008:160, punt 67

2.      Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, l-espressjoni “tali [tant] evidenti”, li tikkaratterizza l-irregolarità tal-ħlas, li tidher fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tfissirx li l-uffiċjal li jibbenefika minn ħlas mhux dovut huwa eżentat mill-obbligu li jagħmel kull sforz sabiex jirrifletti u jivverifika, iżda li għandu jrodd lura ħlas meta jsir bi żball tant evidenti li ma jistax jaħrab lil uffiċjal normalment diliġenti li għandu jkun jaf ir-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tiegħu.

Għalhekk, uffiċjal normalment diliġenti, li għandu l-esperjenza u qiegħed fi grad għoli ma jistax ma jkunx jaf li l-ħlas tal-allowance ta’ espatrijazzjoni huwa marbut ma’ espatrijazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jeżistix f’każ ta’ uffiċjal li għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fil-pajjiż ta’ nazzjonalità tiegħu.

Bl-istess mod, ikkonfrontat b’rifjut tal-amministrazzjoni li tikkonferma bil-miktub dak li kien ġie ddikjarat oralment biss, uffiċjal normalment diliġenti, li għandu l-esperjenza u fi grad għoli għandu jivverifika l-eżattezza ta’ tali dikjarazzjonijiet verbali, pereżempju, billi jindirizza talba bil-miktub lill-amministrazzjoni skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 35, 37 u 38)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Stempels vs Il‑Kummissjoni, 310/87, EU:C:1989:9, punt 10, u digriet Gouvras vs Il‑Kummissjoni, C‑420/04 P, EU:C:2005:482, punt 59

Il‑Qorti Ġenerali: sentenzi Maslias vs Il‑Parlament, T‑92/94, EU:T:1996:70, punt 60; Jensen vs Il‑Kummissjoni, T‑156/96, EU:T:1998:174, punt 63; Barth vs Il‑Kummissjoni, T‑348/00, EU:T:2001:144, punt 29, u Gussetti vs Il‑Kummissjoni, T‑312/02, EU:T:2004:102, punt 82

3.      Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

Madankollu, sabiex ksur tad-dritt ta’ smigħ jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni, ikun għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti.

Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-persuna interessata ma ngħatatx il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u li tipprovdi spjegazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ somom riċevuti indebitament ma kinitx ser tinfluwenza l-kontenut tagħha, peress li l-ksur tad-dritt ta’ smigħ tal-persuna interessata ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika l-annullament tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li l-amministrazzjoni, għal din ir-raġuni, wettqet illegalità li tikkostitwixxi żball amministrattiv li jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ kumpens.

(ara l-punti 41-47)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CH vs Il‑Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punti 33 u 38